18 ta' Marzu 2007 • Nr 20

Arkivji




 

 

 

18 ta' Marzu 2007

Il-Kunsilli: Mera ta’ l-Elezzjoni Ġenerali?

Toni

Ir-riżultati tal-Kunsilli Lokali jġibu magħhom mhux biss cifri, iżda fuq kollox ħafna argumenti u interpretazzjonijiet.
Lanqas tilħaq tgħaddi sena minn meta l-aħħar isiru l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali f’xi reġjun li s-sena ta’ wara ma jilħqux jiġu oħrajn f’reġjun ieħor. Il-frekwenza ta’ elezzjonijiet qiegħda mhux biss tifni bl-ispejjeż lill-Gvern centrali, iżda wkoll lill-partiti. Mhux biss timmobilizza lin-nies b’mod partiġjan meta lanqas ikunu għadhom stejqru mill-aħħar battikata iżda kull darba ġġib argumenti u interpretazzjonijiet ġodda. Hekk ġara din id-darba.
Iżda din id-darba kien hemm argument li baqa’ jidwi anki f’dawn l-elezzjonijiet. Huwa fatt li mill-2003 lil hawn il-PN dejjem tilef dawn l-elezzjonijiet. It-tnaqqis tal-voti tal-PN kien wieħed uniformi u konsistenti, forsi mhux daqs din id-darba. Sintomatiku kien Għawdex, dejjem meqjus bħala distrett Nazzjonalista, fejn il-PN naqas b’5%, mentri l-MLP żied bl-istess perċentwal. L-argument tal-PN reġa’ kien għax in-Nazzjonalisti baqgħu d-dar. Biex jispjega dan l-astensjoniżmu elettorali l-PN saħansitra pprova jagħti raġuni meteoroloġika – in-nies baqgħu d-dar minħabba x-xita.
F’din l-okkażjoni beda joħroġ aktar car li l-Partit Nażzjonalista huwa partit ta’ poter. Partit li ma jikkonċedix telfa għal raġunijiet li huma ovvji u miktuba fuq il-ħajt. Juri s-sindromu tan-nagħma – jgħaddas rasu fir-ramel biex ma jarax il-verità, sindromu li kont ilmaħt fl-MLP qabel l-1987. Meta fl-1981 il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjonijiet bil-maġġoranza tas-siġġijiet u mhux tal-voti, kien Duminku Mintoff li qiegħed fuq l-aġenda tad-diskussjoni dak li huwa kien iddeskriva bħala ‘riżultat pervers’ u kien wara din il-konċessjoni li l-PN beda kruċjata waħda wara l-oħra sakemm inbidlet il-Kostituzzjoni. F’din is-sitwazzjoni l-PN ma jidhirx li jrid jikkonċedi li wasal iż-żmien li jmur fuq il-bankijiet ta’ l-Oppożizzjoni u jrid kull darba jagħmel analiżi li biha jiknes it-trab taħt it-tapit.
Biex proprju ma jagħmlux din il-koncessjoni qiegħed iwaħħal f’kulħadd — barra fih innifsu. Ma jistax jispjega għaliex meta suppost għadu kemm kellna wieħed mill-aqwa baġits xorta waħda n-nies tiegħu baqgħu id-dar. Anzi s-Segretarju Joe Saliba saħansitra ta importanza aktar lis-surveys li saru fil-programm Xarabank, milli r-rizultat elettorali, bħalli qallu dan il-programm huwa portatur ta’ l-opinjoni pubblika, aktar mill-principju tas-suffraġju universali. Paragun li fil-fehma tiegħi ikompli jikkonferma kemm dan il-programm huwa mod subliminali biex javvanza l-aġenda tal-Partit Nazzjonalista.
Fis-sewwa hemm ċerta konsistenza f’erba’ riżultati konsekuttivi tal-kunsilli lokali, biex ma nsemmix dik tal-Parlament Ewropew, li l-minutiera tal-boxxla politika qiegħda tipponta biċ-ċar lejn l-MLP. Kieku dawn ir-riżultati kienu sporadiċi, fejn ġieli rebaħhom il-PN jew l-MLP, allura wieħed ma jistax jikkonkludi b’mod ċar kif qiegħed jaħseb il-poplu.
Iżda r-riżultati huma ċari u b’leħen wieħed. Xi ħaġa simili kienet seħħet fl-Ingilterra qabel ma Tony Blair tela’ fil-Gvern. Dakinhar l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali f’dak il-pajjiz kienu jindikaw ċar li Tony Blair kellu jkun il-Prim Ministru Ingliż u dakinhar il-Konservattivi Ingliżi ma ppruvawx isibu t-tort f’ħaddieħor iżda ntebħu li t-tort kien ġewwa fihom.
Tneħħi raħal wieħed, l-MLP żied il-voti kullimkien. Żied il-voti anke f’dawk il-kunsilli lokali fejn hemm maġġoranza Laburista għalkemm ma brillawx, anzi għaddew leġislatura jiġġieldu bejniethom. F’dawn l-elezzjonijiet il-messaġġ li ntbagħat mill-poplu kien wieħed mhux wisq bħala riflessjoni dwar l-operat tal-kunsilli lokalment, iżda dak tal-Gvern fuq livell nazzjonali. Għalkemm f’certi rħula jista’ jkun li kellek il-kumulu taż-żewġ raġunijiet, bħalma naħseb li kien il-każ tal-kunsill lokali tal-Mosta. Aktar ma l-Partit Nazzjonalista jipprova jsib raġunijiet barra minnu biex jiġġustifika dan ir-riżultat, aktar jinżel ‘l isfel, bħal dak li jinqabad fil-quicksands. Aktar ma jitħabat biex isalva, aktar jinżel ’l isfel.
Dan l-atteġġjament ħareġ car, anke fl-indirizz tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi fil-konferenza stampa li ta immedjatament wara r-riżultati. Osservajt li fid-diskors tiegħu kien aktar moħħu fil-Partit Laburista milli fil-partit tiegħu. Saħansitra wasal biex qal li l-Laburisti ħarġu jivvutaw għaliex fl-MLP hemm dixxiplina militari u ftit ħin wara qal, li ma l-erbat elef Laburist ma ħarġux jivvutaw. Meta ma jkunx hemm luċidità f’mumenti bħal dawn jibdew ħerġin il-kontradizzjonijiet.
Li ma stajtx nifhem f’dan l-argument kien għaliex allura kulmeta jsiru l-martoni tal-ġbir, il-PN jiġbru d-doppju u ġieli t-triplu tal-flus li jiġbor l-MLP? Jiġifieri jew fil-ġbir tal-flus in-Nazzjonalisti jikkonkorru bi ħġarhom, imma ma jagħmlux l-istess meta jiġu biex jivvutaw; jew il-flus li jiġbru l-PN mhux tassew jiġbruhom mingħand il-ħafna, iżda mingħand il-ftit sinjuri kbar. Li kieku l-flus li jingħataw lill-PN fil-maratoni tal-ġbir kellhom jissarrfu f’voti fil-kunsilli lokali, suppost l-MLP tħalla l-art!
Fil-verita’ d-dnub ma jorqodx. In-nies bdew iħossu u jinqarsu fil-laħam il-ħaj bil-politika estremament fiskali tal-PN. In-nies bdew jintebħu li qabel l-elezzjoni ta’ l-2003 il-PN urihom id-debba u qabbiżhom il-ħmara. Kategorija ovvja huma l-kaċċaturi għalkemm wieħed irid jammetti wkoll li f’raħal bħas-Siġġiewi ftit għamlu effett. Anzi ma għamlu l-ebda effett għax dan kien l-unika raħal fejn il-PN żied fil-voti.
Iżda hemm ħafna kategoriji soċjali li qatgħu lura. Ħaddiema li spiċċaw mingħajr xogħol jew b’xogħol b’kundizzjonijiet ħżiena. Anzjani li ntlaqtu mill-iskarsezza tal-mediċini u l-għoli tal-ħajja. Nisa tad-dar, li kull xahar isibu li l-ispiża tal-għixien dejjem togħla. Żgħażagħ li minkejja ċ-ċertifikati li għandhom ma jistgħux isibu posthom fid-dinja tax-xogħol. Dawk li ma għandhom ebda partit u jużaw l-għażla tagħhom b’mod aktar akut u jridu bidla fil-Gvern: għax hija fin-natura ta’ l-affarijiet li jinbidlu
Il-PN jibqa’ jinsisti li ser jirbaħ l-elezzjonijiet li ġejjin. Wieħed ma jeskludi xejn. L-MLP ma jistax jikkonkludi li bilfors se jirbaħ hu. L-indikazzjonijiet hemm qegħdin. Iżda, kif jgħidu, anke ġurnata hija twila ħafna fil-politika

Peppi

Bla tlaqliq ngħid li wara r-riżultat ta’ l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali l-Partit Laburista għandu għax jifraħ li rebaħ dawn il-Kunsilli u jinkwieta ħafna għax l-istess riżultat ma jawgurax tajjeb għall-elezzjoni ġenerali.
Meta tqis li l-Partit Nazzjonalista ilu 20 sena fil-Gvern, meta tqis li skond l-istess Partit Laburista l-pajjiż qed iqattar minn kullimkien, meta tqis li l-kaċċaturi u l-ambjentalisti jħossuhom maħruqa fuq il-kaċċa, meta tqis li l-Partit Laburista għamel kważi kampanja nazzjonali minn elezzjoni lokali, u meta tqis dan kollu l-Partit Laburista ma jżidx il-voti, allura tifhem li l-Partit Laburista għandu problema serja.
Kieku l-Partit Laburista beda b’xi mod ikun kredibbli mhux biss fil-kritika imma f’dak li suppost qed iwiegħed meta jkun fil-Gvern allura anke mingħajr kampanja elettorali l-elezzjoni li jmiss għandha tintrebaħ mill-Partit Laburista. Iżda!
In-nies imxebbgħin mill-PN, jixtiequ anke b’mod naturali jibdlu, iżda flok jagħżlu lill-Partit Laburista jagħżlu li ma jivvutawx. In-nies bil-vot tagħhom qed jgħidu lill-MLP: ‘Aħna ivvutajna PN fl-aħħar elezzjoni. Nixtiequ ħafna nivvutaw Labour iżda nivvutaw għal xiex? X’se tagħmel differenti? X’inhuma il-policies tiegħek? B’mod konkret. Bil-fatti. Mhux task force u kumitati li jiddeċiedu wara l-elezzjoni iżda deċiżjonijiet ċari qabel ma nivvutaw.’
Aktar ma toqrob l-elezzjoni ġenerali aktar nies se jistaqsu: ‘Għaliex għandi nagħżel Labour?’ Ir-risposta f’xi slogan minn dawk li ilna nisimgħu mhux se jħajjar persuni li sa issa vvutaw PN li jivvutaw Labour. Id-dwejjaq qed jirrifletti ruħu biss fin-nies li ma jivvutawx fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Jekk id-dwejjaq iwassal biex dawn l-istess nies ma jivvutawx allura jirbaħ il-Labour Party. Iżda hekk se jiġri? Għax fil-Kunsilli Lokali dawn in-nies jistgħu jissugraw għax fil-Gvern se jibqa’ l-PN. Iżda fl-elezzjoni ġenerali? Jekk in-nies imdejqin anke fil-Kunsilli Lokali mhux qed jagħżlu Labour imma qed jagħżlu ma jivvutawx, fl-elezzjoni ġenerali se jagħmlu l-istess?
Issa hawn trid tara kemm huma mxebbgħin u jekk jemmnux li mal-Labour se jgħaddilhom. Jew jekk jibżgħux li jekk ma jivvutawx se jitla’ l-Labour u s’issa għadhom ma jafux x’se jagħmel. Uħud jgħidulek: ‘Imxebbgħin kif qegħdin, nafu. Iżda x’se jiġri jekk jitla’ l-Labour ma nafux.’
Tħares lejn il-programmi elettorali tal-Kunsilli Lokali ta’ l-MLP iwiegħdu b’mod konkret. Ħafna minnhom ċari. Jgħidu x’se jagħmlu. Tħares lejn il-ħafna dokumenti li qed jippubblika l-MLP fuq skala nazzjonali ftit li xejn issib konkret fihom. Din tista’ tkun raġuni ewlenija għala n-nies tagħżel li ma tivvutax PN imma ma tivvutax Labour fl-elezzjonijiet lokali iżda tagħżel li terġa’ tivvota PN fl-elezzjoni ġenerali.
Qabel in-nies kellhom vot wieħed, dak ta’ l-elezzjoni ġenerali. Biex juru kemm huma mxebbgħin kienu jżommuh jew jibagħtuh lill-Partit aktarx fil-Gvern biex juru kif huma mxebbgħin. Illum għandhom żewġ voti. Jista’ jkun li l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali qed iservu bħala valve biex iperrċu l-vot li ma wżawx fil-Kunsill u bih jaslu biex juru li jekk l-affarijiet għalihom mhux se jinbidlu se jagħmlu l-istess bit-tieni vot.
Bla dubju l-Partit Laburista qed jirbaħ fuq il-PN bħala media. Naħseb li Jason Micallef bħala Segretarju Ġenerali għamel differenza. Jason jifhem u tajjeb ħafna fil-media. Qed jirnexxilu jikkomunika. Iżda x’qed jikkomunika?
Kultant din qed taħdem bil-kontra għax għall-elezzjoni ġenerali mhux dejjem se jirnexxilek titkellem biss fuq il-pakkett. In-nies li għax qed tirbaħ fil-media tkun qed tikkomunika miegħek tesiġi li tkun taf x’fih il-pakkett. Ħafna drabi l-media stess tikxef lill-Partit Laburista li huwa partit attent li ma jgħid xejn x’se jagħmel biex mingħalih ma jurta lil ħadd u b’hekk jiddiżappunta lil kulħadd.
Minħabba li l-Labour qed jirnexxilu jikkomunika aħjar il-kritika li qed jagħmel qed tasal ħafna aktar minn qabel. Lin-nies qed jippreżentawlu pajjiż fallut kompletament. Dan ikompli joħloq il-bżonn li l-Labour jgħid kif se jsolvi il-problemi li hu stess tant qed jikkomunika tajjeb fil-media. Ikolli ngħid li akbar ma jkunu l-problemi u aktar ma l-Labour jidher biss jikkritika, aktar in-nies tagħżel li tibża’ tafda lill-istess MLP.
Il-problema kbira li għandu il-PN hi li n-nies mhux jemmnu li l-pajjiż miexi aħjar. Aktar ma l-Prim Minisru jgħid kemm l-ekonomija tjiebet, dawk li mhux sejrin sew jistaqsu: ‘Allura kif il-pajjiż sejjer tajjeb u jiena sejjer ħażin?’
In-nies aktar tinħaraq għax allura tifhem li l-pajjiż, allura l-oħrajn, sejrin tajjeb imma huma le. F’dan is-sens il-PN irid jieqaf jitkellem dwar il-pajjiż u jibda jitkellem dwar in-nies. Fl-elezzjonijiet il-pajjiż ma jivvutax, il-pajjiż ma jħoss xejn, il-pajjiż ma jeżistix.
In-nies qed tibgħat messaġġ ċar lill-PN: ‘Jekk mhux se tagħti kasna aħna ma nivvutawx. Mhux se nivvutaw Labour imma mhux se nivvutaw.’ Il-PN irid jagħti widen u jidher li qed jagħmel hekk. Għax jekk le, allura n-nies tinħaraq ħafna iktar għax issa tħossha injorata għal kollox.
Iżda minkejja kollox naħseb li minn dawn l-elezzjonijiet iktar għandu ċans jirpilja l-PN milli l-MLP. U kieku kelli nkun prużuntuż nazzarda ngħid li fl-elezzjoni ġenerali ċ-ċansijiet li l-PN jirbaħ huma ħarira akbar. Iżda sa aktar minn sena oħra……



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt