18 ta' Marzu 2007
Tisparixxi tfajla li kienet tgħix mar-Russa maqtula
Karl Stagno-Navarra
Filwaqt li l-Pulizija hi rappurtata li għamlet progress sostanzjali fl-investigazzjonijiet tagħha dwar il-qtil tat-tfajla Russa li nstabet mejta fil-baħar f’Tas-Sliema b’basket tal-plastik ma’ rasha, għaddejja tfittxija intensiva għal tfajla oħra Russa li allegatament “sparixxiet” mill-istess appartament fis-Swieqi li kienet tgħix fih il-mejta Larissa Safranova.
Mill-informazzjoni li għandha din il-gazzetta jirriżulta li l-Pulizija avvanzat ħafna fl-istħarriġ tagħha dwar id-delitt ta’ Safranova li mietet fgata u li ftit wara l-kadavru tagħha twaddab fil-baħar quddiem ix-Chalet.
Hu mifhum li l-Pulizija għandha każ biex tressaq persuna jew tnejn il-Qorti fil-jiem li ġejjin u takkużahom bil-qtil ta’ Larissa Safranova. Madankollu qed taħdem bis-sħiħ biex issib lill-ħabiba tal-mejta.
L-investigaturi huma tal-fehma li l-ħabiba ta’ Safranova ma telqitx minn Malta għaliex isimha ma jirriżultax mal-passiġgieri li ħallew Malta.
Jidher li t-tfajla hi mwerwra minn xi ħaġa b’rabta mal-qtil ta’ seħbitha li milli jidher inqatlet minħabba xi ħaġa li saret taf u li setghet tikxef.
Fi żvilupp ieħor il-mewt ta’ Larissa Safranova qajjem ukoll l-interess ta’ l-istampa Russa, tant li l-aktar gazzetta importanti fil-pajjiż, Izvestia, iddedika rappurtaġġ sħiħ dwar il-qtil.
Ċittadini Russi midħla ta’ Malta qed iżommu lil xulxin aġġornati dwar l-aħħar żviluppi dwar il-każ ta’ Safranova bi blogs fuq website fuq l-internet, fejn saħansitra kien hemm wieħed li staqsa jekk inqatlitx minħabba dak li fisser “kitbietha f’ċerti ġurnali.”
S’issa ma jirriżultax li Larissa Safranova kienet ġurnalista jew ikkontribwiet għal xi artikli fl-Istampa.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt