18 ta' Marzu 2007
Il-misteru tal-laboratorju tad-DNA
Julia Farrugia
Il-Malta Enterprise qed issegwi mill-qrib l-aħħar żviluppi b’rabta ma’ laboratorju f’Ħal Qormi li sa ftit tax-xhur ilu kien jispeċjalizza fil-bio-teknoloġija, fosthom f’analiżi tad-DNA.
Din il-gazzetta tista’ tiżvela kif għal dawn l-aħħar xhur il-laboratorju bl-isem ta’ Synergene kien imdawwar b’numru ta’ misteri tant li l-operat tiegħu kellu jkun sospiż għal xi żmien. Għad li l-bini f’Ħal Qormi m’għadu jara l-ebda attività ta’ laboratorju, għad hemm maħżuna fih għadd ta’ testijiet u provi importanti, fosthom traċċi u evidenza tal-Qorti u l-Pulizija.
Fuq medda ta’ tliet ġimgħat din il-gazzetta investigat l-operat ta’ dan il-laboratorju.
Jirriżulta li Synergene, li kien jimpjega ma’ l-14-il ruħ, ilu li għalaq sa mill-aħħar xhur tas-sena li għaddiet. Waħda mill-intriċċi f’din l-istorja hi l-Malta Enterprise li nvestiet Lm50,000 f’dan il-proġett u li hi azzjonist ewlieni, sa ftit tal-ġimgħat ilu tħalliet fil-għama dwar is-sospensjoni ta’ l-attività. Kien biss meta din il-gazzetta bdiet tagħmel l-investigazzjonijiet tagħha li d-diriġenti tal-kumpanija nfurmaw lill-azzjonist ewlieni li twaqqaf l-operat tal-laboratorju.
Fuq mistoqsijiet ta’ Illum il-Malta Enterprise ikkonfermat li fl-2003 dak iż-żmien l-Istitut għall-Promozzjoni ta’ l-Intrapriża Żgħira, l-IPSE, kien finanzjarjament għen lil-laboratorju fil-fażi inizjali tiegħu.
L-IPSE ħarġet Lm50,000 bħala preference shares taħt il-programm ta’ Technology Venture Fund. Synergene Technologies Limited kienu ħarġu Lm51,000 oħra u b’dan il-mod il-proġett ġie bi sħab bejn iż-żewġ partijiet.
Mill-1 ta’ Jannar 2004 dan l-investiment dar fuq il-Malta Enterprise hekk kif l-assi kollha ta’ l-IPSE u l-MDC kienu trasferiti meta twaqqfet il-Korporazzjoni.
L-intriċċi dwar dan il-każ huma bosta. Meta din il-gazzetta bdiet tinvestiga din l-istorja, Mamie Pace, Direttriċi ta’ Synergene Technologies Ltd, ma riditx tagħti tagħrif dwar il-Lm50,000 maħruġa mill-IPSE anke jekk dawn huma flus li ħarġu minn but il-poplu. Pace sostniet li “din hija kwistjoni privata.”
Qed jitqanqlu numru ta’ mistoqsijiet oħra fosthom kif u għal-liema raġuni l-kumpanija avżat lill-Malta Enterprise li “l-operat tal-kumpanija huwa sospiż” b’ittra li ntbgħatet fis-17 ta’ Frar, 2007. Dan hu l-istess perjodu li fih bdiet l-investigazzjoni ta’ din il-gazzetta.
Hemm fattur ieħor: ftit tal-jiem ilu l-Malta Enterprise ikkonfermat ma’ Illum li għadha ma ngħatatx “dettalji dwar l-intenzjonijiet tad-diretturi tal-kumpanija.”
F’dan kollu hemm anomalija. Dan għaliex fl-aħħar ta’ Frar li għadda Mamie Pace sostniet magħna li f’Marzu entità partikolari (li talbitna ma nsemmux d-dettalji tagħha) se tasal Malta għax qed turi interess fil-proġett. Għal-liema raġuni l-azzjonist ewlieni f’dan il-każ il-Malta Enterprise mhux infurmata f’dan l-aħħar żvilupp?
Jorbot sew ma’ dan il-laboratorju f’Ħal Qormi hemm kwistjonijiet finanzjarji marbutin ma’ ħlasijiet li għad trid tagħmel il-kumpanija, mhux biss lill-eks ħaddiema iżda wkoll lil eks klijenti tagħha.
Din il-gazzetta tista’ tiżvela li għal dawn l-aħħar xhur is-sidien tal-kumpanija kellhom problemi fosthom biex iħallsu kontijiet ta’eluf ta’ liri li suppost ħallsu għall-kirja tal-binja f’Ħal Qormi li ‘qed tintuża’ għal-laboratorju.
Meta Pace intalbet biex tagħti l-kummenti tagħha dwar dawn il-problemi finanzjarji ddeskriviet dan is-suġġett bħala “kwistjoni privata”.
Fid-dawl ta’ dan kollu mhux magħruf x’passi se jkomplu jieħdu l-Awtoritajiet biex iħarsu l-interessi tagħhom f’dak li kellu jkun laboratorju uniku deskritt bħala “state-of-the-art fil-qalba tal-Mediterran.”
jfarrugia@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt