18 ta' Marzu 2007 • Nr 20

Arkivji




 

 

 

18 ta' Marzu 2007
Tweġiba għall-ħaddiema tal-Jerma

Franica Pulis

Wara li 82 ħaddiem tal-lukanda Corinthia Jerma Palace kienu ilhom xhur fl-għama dwar x’se jiġri minnhom mindu l-Corinthia ħabbret li se twaqqaf is-servizzi tagħha dan ix-xahar, fl-aħħar ħadu risposta dwar l-impjiegi tagħhom. Dan sar waqt laqgħa ftittal-ġimgħat ilu għaddiet organizzata mill-GWU u l-Corinthia Hotels International.
Il-ftehim milħuq kien aċċettat mill-impjegati kollha preżenti għal-laqgħa b’persuna waħda biss li astjeniet.
Josef Bugeja, Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel tal-GWU, qal: “Tlaqna bil-prinċipju li l-kumpanija setgħet tagħti biss in-notice għax dik hemm bil-Liġi. Iżda rnexxielna nsibu 55 post vojt fil-lukandi tal-Corinthia li l-ħaddiema jistgħu japplikaw għalihom.”
Minbarra dan offrew lill-10 impjegati, li għandhom aktar minn 59 sena biex jirtiraw kmieni flimkien ma’ somma ta’ benefiċċju tat-tmiem ta’ l-impjieg li hi ta’ 50 fil-mija tal-paga li għandhom bħalissa. Ma’ dawn jistgħu jiżdiedu wkoll xi ħaddiema li jkollhom każ soċjali imma dawn jiġu evalwati wieħed wieħed.
Dawk il-ħaddiema li għandhom bejn il-55 sena u l-59 se jkollhom xogħol garantit mill-55 post vojt li hemm bħalissa.
Jifdal 17-il ħaddiem li jistgħu jibqgħu bla mpjieg. Dawn se tingħatalhom notice doppja, jiġifieri se jitħallsu għal sitt xhur jekk jibqgħu bla xogħol.
“Qegħdin nippruvaw insibulhom xogħol f’postijiet oħra. Il-problema hi li lukandi n-naħa t’isfel ma fadalx. Dik hi l-isfortuna, li ħadd mhu qed jinvesti f’lukandi dawn in-naħat. Imma nipprevedi li sas-sajf li ġej ikun aktar impjiegi għall-bqija,” spjega Bugeja.
Meta tkellimna ma’ Tarcisio Mizzi, shopsteward tal-Jerma, qal: “Ġibna l-aħjar negozjat li stajna. Xtaqna bqajna fejn konna imma ma kellniex alternattiva.”
Dwar jekk Bugeja hux kuntent bil-ftehim milħuq, hu wieġeb: “Jien ikun 100 fil-mija kuntent jekk ma jkun hemm ħadd li jitlef l-impjieg u kull impjegat ikollu xogħol li jkun kuntent bih. Kont sodisfatt b’xogħli għax il-ħaddiema kollha qablu. Huma ġew jirringrazzjawni wara għax ħadd ma ppretenda li se naslu s’hawn. Kulħadd ħaseb li se jingħata n-notice!”

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt