18 ta' Marzu 2007 • Nr 20

Arkivji




 

 

 

18 ta' Marzu 2007
Dalwaqt jitħabbar il-Partit Repubblikan ta’ Josie

Karl Stagno-Navarra

Josie Muscat jinsab “jiem ’il bogħod” milli jħabbar it-twaqqif ta’ partit politiku ġdid li permezz tiegħu qed jittama li jkun ta’ tweġiba għal dik il-parti ta’ l-elettorat li tista’ tħossha diżilluża bil-partiti politiċi preżenti.
L-eks Deputat Nazzjonalista ilu x-xhur jaħdem fuq il-ħolqien ta’ partit politiku ġdid li se jissemma Partit Repubblikan. Bl-għajnuna ta’ grupp organizzat ta’ persuni diġà fassal manifest u strateġija nazzjonali biex ikun jista’ jwassal il-messaġġ tiegħu.
Ikkuntattjat minn din il-gazzetta Josie Muscat reġa’ għażel li ma jikkummentax iżda qal li jkun jista’ jitkellem aħjar “sa ġimgħa oħra.”
Josie Muscat, kif kien żvelat minn din il-gazzetta f’Diċembru li għadda, kien qed jistenna r-riżultati ta’ l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali li saru l-ġimgħa li għaddiet fejn spikkat l-apatija fost ħafna eletturi li jew ma ġabrux il-vot jew inkella għażlu li jibqgħu d-dar.
Josie Muscat għandu l-appoġg ta’ diversi negozjanti u persuni prominenti li lesti jgħinuh fit-twaqqif tal-partit ġdid. Hu mistenni li Muscat iħabbar id-dettalji tal-proġett tiegħu waqt il-programm ‘B’Kull Dritt’ li se jixxandar fuq Smash TV nhar l-Erbgħa li ġej fejn ikun il-mistieden ewlieni tal-preżentatur George Tabone.
Hu mifhum li fost il-proposti fil-manifest hemm li l-President tar-Repubblika jkun elett direttament mill-elettorat u mhux mill-Parlament filwaqt li hemm diversi punti li esponenti viċin Muscat isostnu li huma tweġiba għal ħafna affarijiet li sal-lum iż-żewġ partiti politiċi naqsu milli jindirizzaw għas-sodisfazzjon tal-votanti tagħhom.
Fost dawn hemm aktar infurzar fuq l-abbużi ambjentali kif ukoll li jsir kontroll aħjar fuq l-iżvilupp li għaddej fil-pajjiż.
Jidher ukoll li Josie Muscat għandu f’idejh lista ta’ nies li huma lesti jimmilitaw bħala kandidati u li mistennija jkopru l-parti l-kbira tad-distretti, inkluż Għawdex.
Philip Beattie, esponent prominenti fi ħdan l-ANR li mexxiet kampanji dwar l-emerġenza ta’ l-immigrazzjoni klandestina, diġà ddikjara l-possibbiltà li jaħdem fil-partit ta’ Josie Muscat.
L-eks kandidat Laburista Alfred Mifsud kien ikkonferma ma’ din il-gazzetta f’Diċembru li għadda li kien avviċinat minn Muscat biex jaħdem fil-partit imma Mifsud ma aċċettax l-istedina.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt