Lil hinn mill-analiżi li qed jagħmlu fil-pubbliku uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista, inkluż il-Prim Ministru dwar ir-riżultat elettorali ta’ nhar is-Sibt li għadda, iċ-ċifri juru biċ-ċar li biex jirbaħ l-elezzjoni ġenerali l-PN irid iterraq it-telgħa tal-kalvarju biex jegħleb il-maġġoranza li rnexxielu jibni l-Partit Laburista f’dawn l-aħħar tliet snin.
Analiżi dettaljata tar-riżultati miksuba fl-elezzjonijiet lokali bejn l-2005 u l-2007 li jagħtu stampa ta’ kif ivvutaw in-nies madwar Malta u Għawdex turi li t-telfiet li ġarrab il-PN f’dawn l-aħħar snin ma jistgħux ikunu spjegati biss bl-argument li l-elettorat Nazzjonalista baqa’ d-dar.
Bejn l-2005 u l-2007 kien hemm ftit iktar minn 206,000 voti validi li ntefgħu għall-elezzjonijiet lokali. Minn dawn il-voti l-MLP irnexxielu jiġbor ftit inqas minn 112,000 jew 54.3 fil-mija. Il-PN irnexxielu jiġbor 88,236 vot li jfisser 42.8 fil-mija, filwaqt li l-Alternattiva Demokratika u kandidati indipendenti oħra flimkien ġabru ftit inqas minn 6,000 vot jew 2.8 fil-mija.
Jekk wieħed iqis li hawn madwar 314,000 votant reġistrat, dan ifisser li f’dawn l-aħħar tliet snin kien hemm ftit iktar minn 108,000 votant li baqgħu d-dar.
Il-mod ta’ kif se jivvutaw dawn il-108,000 votant f’elezzjoni ġenerali se jħoll u jorbot min se jirbaħ il-battalja aħħarija. Iżda żgur li għall-PN, it-triq hi għat-telgħa ferm aktar milli jridu jagħtu x’jifhmu l-ogħla uffiċjali tal-partit.
Jekk wieħed iqis li f’elezzjoni ġenerali jivvutaw madwar 95 fil-mija u jkun hemm madwar wieħed fil-mija tal-voti invalidi, dan ifisser li l-voti mhux identifikati ma’ partit jew ieħor jammontaw għal ftit iktar minn 89,400.
Il-triq ta’ Gonzi
Fuq il-bażi ta’ l-aħħar tliet elezzjonijiet lokali l-PN ikun irid jiġbor minn ta’ l-inqas 65 fil-mija ta’ dawn il-voti mhux identifikati biex jirnexxielu jirbaħ l-elezzjoni ġenerali bi żbrixx. Kwalunkwè persentaġġ inqas minn 65 fil-mija ma jkunx biżżejjed biex il-PN idawwar il-maġġoranza favurih.
Il-Prim Ministru jrid jaqdef mhux ħażin biex jirnexxielu jdawwar ir-rotta li qabad għal isfel il-PN. Iżda anki jekk l-ekonomija bdiet tirranka, Gonzi għandu ftit wisq żmien fuq idejh biex il-qawmien ekonomiku verament jibda jinħass f’kull livell tas-soċjetà.
It-triq tikkomplika ruħha iktar minħabba l-introduzzjoni ta’ l-ewro u l-impatt li din tista’ ġġib fuq il-prezzijiet u d-deċiżjoni li jrid jerġa’ jieħu l-Gvern kmieni s-sena d-dieħla jekk jiftaħx l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa.
Barraminnhekk, il-Bank Ċentrali ta’ Malta fix-xhur li ġejjin jista’ jkompli jgħolli r-rati ta’ interess biex jipproteġi l-Lira Maltija. Dan ikompli jwassal għal żidiet fil-ħlasijiet lura lill-banek fuq self għad-djar għal ħafna familji.
Iċ-ċifri li użat din il-gazzetta għal dan l-eżerċizzju huma pjuttost konservattivi u jassumu li s-sehem ta’ l-AD fl-elezzjoni ġenerali se jkun fl-ilma ta’ madwar 6,000 vot jew tnejn fil-mija, l-istess bħalma kien matul dawn l-aħħar tliet snin. Jekk l-AD tkabbar l-appoġġ tagħha aktar minn hekk, speċjalment f’distretti li tradizzjonalment jappoġġjaw l-iktar lill-PN, allura t-telgħa għan-Nazzjonalisti se tkun bil-wisq iktar diffiċli.
Il-vot ta’ l-AD fuq medda tat-tliet snin li għaddew ftit jista’ jitkejjel b’mod preċiż għax il-partit ma kkontestax il-lokalitajiet kollha u għalhekk jista’ jagħti l-każ li l-Ħodor igawdu iktar appoġġ minn dak li turi l-istatistika.
U jekk Josie Muscat iwelled partit ġdid li jkun jappella għal dawk in-Nazzjonalisti diżillużi, speċjalment fin-naħa t’isfel ta’ Malta, allura Gonzi jkollu salib itqal xi jġorr.
Distretti ħomor u blu
Meta wieħed jiġbor ir-riżultati ta’ l-elezzjonijiet lokali fuq il-bażi tad-distretti elettorali kif emendati mill-Kummissjoni Elettorali, joħroġ biċ-ċar li l-MLP igawdi maġġoranzi b’saħħithom fl-ewwel seba’ distretti.
Fit-Tieni Distrett waħdu l-MLP għandu 72.6 fil-mija tal-vot, filwaqt li fit-Tielet, ir-Raba’ u l-Ħames Distrett il-Partit Laburista jgawdi l-appoġġ ta’ iktar minn 67 fil-mija ta’ l-elettorat.
L-inqas li jgawdi appoġġ il-Partit Laburista hu fl-Għaxar Distrett fejn għandu madwar 39 fil-mija ta’l-elettorat.
Il-PN igawdi maġġoranza relattiva ta’ ftit inqas minn 50 fil-mija tal-vot fit-Tmien Distrett filwaqt li fil-bqija tad-Distretti (mid-9 sa t-13) igawdi l-appoġġ ta’ madwar 53 fil-mija ta’l-elettorat.
Il-PN hu l-iktar b’saħħtu fil-11 id-distrett b’appoġġ ta’ 53.9 fil-mija filwaqt li l-inqas li jgawdi appoġġ hu fit-Tieni distrett b’madwar 25 fil-mija.
Min-naħa tagħha l-Alternattiva Demokratika hi l-aktar b’saħħita fl-10 distrett fejn weħidha rnexxielha tiġbor sebgħa fil-mija tal-voti f’dawn l-aħħar tliet snin. L-AD tgawdi wkoll appoġġ sinifikanti fil-11 id-distrett bi ftit inqas minn ħamsa fil-mija.
Għall-iskop ta’ dan l-eżerċizzju l-voti ta’ l-AD u l-kandidati indipendenti huma miġbura flimkien u parzjalment jikkumpensaw għall-fatt li l-AD ma toħroġx fil-lokaltijiet kollha għall-elezzjonijiet lokali. Min-naħa l-oħra, fl-elezzjoni ġenerali l-AD ikollha kandidati fuq kull distrett.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt