18 ta' Marzu 2007 • Nr 20

Arkivji




 

 

 

18 ta' Marzu 2007
Studenti tas-Sekondarja b’imġiba ħażina jintbagħtu
fi skola Primarja

L-MUT: “Deċiżjoni li ma tagħmilx sens”

Julia Farrugia

John Bencini, il-President ta’ l-Union ta’ l-għalliema l-MUT, appella lill-Gvern biex mingħajr telf ta’ żmien jieħu azzjoni u jibdel numru ta’ affarijiet qabel tidħol fis-seħħ ir-riforma mwiegħda fl-iskejjel.
Il-każ huwa marbut ma’ l-imġiba ħażina ta’ ċerti studenti fl-iskejjel. F’wegħda li l-Gvern għamel fil-bidu tas-sena skolastika li għaddiet kien stabbilit li minn Jannar li għadda fl-iskola Sekondarja tal-bniet Erin Seracino Inglott f’Bormla kellu jinbeda proġett pilota ta’ dak li ssejjaħ “Learning Zone”.
Din iż-żona b’nies impjegati u mħarrġa għal ta’ l-apposta kellha tibda tilqa’ fi ħdanha lil dawk l-istudenti bi problemi ta’ imġiba fil-klassi. Studenti li jxellfu difrejhom ma’ l-għalliema jew studenti oħra kellhom jinħarġu mill-klassi normali u jingħataw lezzjonijiet għalihom f’din iż-żona.
Iżda minkejja li Jannar ġie u għadda, din il-wegħda għadha ma twettqitx. Minflok tfal bi problemi fl-imġiba qed jittieħdu fl-iskola Primarja ta’ Bormla u jkunu segregati għalihom f’dak li jissejjaħ learning centre.
John Bencini wera t-tħassib tiegħu għal din is-sitwazzjoni. “Din id-deċiżjoni ma tagħmilx sens,” sostna Bencini. “ Aħna mhux sodisfatti u nesiġu li jekk il-Gvern irid jimxi b’mod serju għandu minn issa jiftaħ korsijiet biex iħarreġ lil dawk l-għalliema li jixtiequ jaħdmu fuq dan il-proġett.”
John Bencini qal li din is-sitwazzjoni hija inaċċettabbli għaliex meta tidħol ir-riforma mwiegħda l-qafas meħtieg mhux se jkun lest. Bencini ma jaqbilx lanqas mad-deċiżjoni ta’ l-Awtoritajiet li t-tfal bi problemi qed jittieħdu fi skola Primarja. Jagħti numru ta’ raġunijiet fosthom li “b’dan il-mod l-iskop kollu qed jintilef l-aktar fejn jidħol il-kunċett li l-Learning Zone tibgħat messaġġ lil studenti oħra fis-Sekondarja bħala nċentiv biex huma ma jispiċċawx hemm ukoll.”
Sorsi qrib is-settur ta’ l-edukazzjoni sostnew magħna li f’Diċembru li għadda waqt programm fuq Radju Malta, Frans Borg, Segretarju Permanenti, ħabbar din il-wegħda pubblikament.
Fi ċrieki viċin il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni s’issa dejjem ingħad li l-proġett ma jistax jibda għax “ma sabux youth workers”.
Nifhmu li din hija r-raġuni ewlenija għaliex l-awtoritajiet fil-ġimgħat li għaddew avviċinaw lil numru ta’ għalliema biex ikunu huma li jagħmlu dan ix-xogħol minflok il-youth workers.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt