18 ta' Marzu 2007
‘MaltaToday’ nhar ta’Erbgħa wkoll
Minbarra l-Ħadd, il-qarrejja tal-gazzetta MaltaToday issa se jkunu jistgħu jaġġornaw ruħhom b’aktar aħbarijiet friski u investigattivi kull nhar ta’Erbgħa f’edizzjoni ġdida li se tibda’ toħroġ f’nofs il-ġimgħ.
Il-qarrejja tal-gazzetta ‘MaltaToday’ issa se jkollhom iċ-ċans li jaqraw l-edizzjoni ta’ nofs il-ġimgħa tal-gazzetta MaltaToday li s-soltu toħroġ il-Ħadd, mimlija aħbarijiet friski u investigattivi.
Roger de Giorgo, il-Managing Director tal-MediaToday, ħabbar dan nhar il-Ġimgħa li għaddiet fil-lukanda Capua Palace. Huwa qal li l-qarrejja tal-MaltaToday kull nhar ta’ Erbgħa issa se jingħataw aħbarijiet li jżommuhom interessati u b’hekk ikompli t-timbru tal-gazzetta li tagħmel dan b’mod inċiżiv.
De Giorgio qal li Malta għandha qarrejja bħall-kumplament tad-dinja, qarrejja li jinġibdu lejn il-gazzetta minħabba l-kontenut tagħha. Huwa saħaq li protagonist ċentrali tal-MaltaToday irid jibqa’ l-qarrej u għal din ir-raġuni il-frażi “Content is King” se tibqa’ l-mira tal-gazzetta.
Waqt li kien jitkellem f’sala mimlija b’aġenti tar-reklamar, ġurnalisti, segretarji ġenerali ta’partiti politici u oħrajn, de Giorgio spjega l-filosofija tal-MaltaToday li se tiddaħħal ukoll fl-edizzjoni ta’ nhar ta’ Erbgħa li l-editur tagħha se jkun Matthew Vella li bħalissa huwa l-editur tal-Business Today, pubblikazzjoni oħra tal-kumpanija MediaToday.
De Giorgio kompla jgħid lil-valur tal-pubblikazzjonijiet tagħhom jimxi ‘l quddiem minħabba li huma indipendenti minn kull indħil politiku, istituzzjonali jew kummerċjali. Qal ukoll li huma m’għandhom l-ebda aġenda moħbija u jemmnu fit-trasparenza, fit-tolleranza u fis-solidarjetà.
MaltaToday ta’ nhar ta’ Erbgħa tkun differenti mill-ġurnali l-oħra Maltin li joħorġu bl-Ingliż minħabba li jkun fiha analiżi fil-fond bħal ħarġa tal-Ħadd kif ukoll aħbarijiet friski mill-Parlament u mill-Qrati li ma jidhrux f’xi gazzetta oħra.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt