18 ta' Marzu 2007
Jason Micallef urtat b’Michael Falzon waqt l-għadd tal-voti
Karl Stagno-Navarra
Fl-isfond ta’ l-ewforija għar-riżultati miksuba mill-Partit Laburista fl-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali li saru l-ġimgha li għaddiet, faqqgħet kwistjoni oħra li kompliet tikxef ir-rivalità bejn il-fazzjonijiet fi ħdan l-MLP.
L-aħħar kwistjoni zviluppat fis-sala ta’ l-għadd tal-voti f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd li għadda meta s-Segretarju Ġenerali tal-MLP Jason Micallef deher irrabjat ħafna għall-fatt li tħalla fl-għama mir-riżultati li kienu qed jinġabru mit-22 lokalità fejn saru l-elezzjonijiet.
Ir-rabja ta’ Jason Micallef kienet ikkawżata mill-fatt li d-Deputat Mexxej tal-MLP Michael Falzon, li bħala l-inkarigat mill-makna organizzativa ta’ l-MLP għall-elezzjonijiet, għażel li jżomm din l-informazzjoni għalih u għat-tim tiegħu. Dan ipprivileġġjah biex jagħtiha hu l-ewwel fuq il-media.
Jason Micallef, li ma ħebiex ir-rabja tiegħu għax baqa’ b’idejh vojta u mingħajr informazzjoni li biha seta’ jitkellem ma’ l-Istampa, instema’ jgħid mat-tim ta’ nies ta’ madwaru f’Dar il-Mediterran li dan l-aġir ta’ Michael Falzon kien “inaċċettabbli”.
Il-kwistjoni kompliet tiżviluppa fis-sigħat li segwew, meta Michael Falzon deher fil-programmi televiżivi kollha li kienu qed janalizzaw ir-riżultati u kien biss wara li tkellem Falzon li Jason Micallef seta’ jikkummenta xi ħaġa fuq il-“loqom” ta’ informazzjoni li kien fadal x’jagħti.
It-tweġiba min-naħa ta’ l-alleanza ta’ Jason Micallef kontra dik ta’ Michael Falzon issaħħet matul din il-ġimgħa b’kummenti mxerrda madwar iċ-ċrieki ta’ kummentaturi politiċi u oħrajn fil-media dwar il-parteċipazzjoni ta’ Falzon fi programmi li saru fuq l-istazzjonijiet kollha tat-televiżjoni matul din il-ġimgħa.
Il-kummenti kienu ntiżi li jwasslu l-messaġġ fost il-bażi tal-partitarji Laburisti li Michael Falzon deher “fjakk wisq” fuq it-tv mas-Segretarju Ġenerali tal-PN Joe Saliba meta “kellu ċ-ċans kollu biex jikkonfronta lil Saliba u jkompli jwaqqa’ l-moral tal-partitarji Nazzjonalisti.”
Il-kwistjonijiet interni bejn il-fazzjonijiet u l-alleanzi lejn il-mexxejja rispettivi tal-MLP ilhom ifixklu l-ħidma politika ta’ l-Oppożizzjoni.
F’Novembru li għadda, kienu ħtieġu tliet laqgħat diffiċli bejn il-mexxejja tal-MLP li wasslu għal kompromess bejn Alfred Sant u Michael Falzon dwar il-futur ta’ Nathalie Attard, l-assistenta personali ta’ Falzon u l-lum eks-membru ta’ l-eżekuttiv tal-partit.
Nathalie Attard kienet fil-mira ta’ attakki u nsulti minn diversi attivisti wara li kienet indikata bħala l-persuna li allegatament infurmat lill-media tal-PN dwar laqgħa ta’ kuntratturi fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fl-isfond ta’ żjara kontroversjali f’Dubai ma’ uffiċjali u Deputati Laburisti..
Nathalie Attard, li dejjem ċaħdet li kienet is-“serp” fil-partit, kienet għażlet li tissospendi lilha nfisha mill-eżekuttiv u fl-istess ħin għamlet li setgħet biex tipproteġi lil Michael Falzon mill-mewġa ta’ attakki nterni li li kien qed iġarrab minħabba fiha mill-alleanza ta’ Sant.
Sadattant, kwistjoni riċenti oħra fi ħdan l-MLP kienet tikkonċerna lis-Segretarju Ġenerali Jason Micallef li waqt laqgħa ta’ l-eżekuttiv kien iffaċċjat minn verità ndikata lilu mill-assistant tiegħu stess Joe Falzon li qallu li t-tessera tiegħu ilha ma titħallas għal dawn l-aħħar tliet snin.
Joe Falzon qal li Jason Micallef kien fil-kariga bi ksur ta’ l-istatut tal-partit għaliex kienet tinħtieġ tessera mħallsa.
L-alleanza ta’ Sant, li tiegħu Jason Micallef hu pedina importanti, baqgħet jinsistu li Joe Falzon “ried iwaħħalulu”.
ksnavarra@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt