18 ta' Marzu 2007 • Nr 20

Arkivji




 

 

 

18 ta' Marzu 2007
Politika għall-familja mhux għal familja

Siltiet mill-kummenti ta’ Fr Colin Apap dwar id-dokument tal-Partit Laburista għall-familja

Id-dokument
Il-Politika Laburista GĦALL-familja jimplika, almenu fit-titlu, li hemm viżjoni waħda ta’ familja li donnu, illum iktar mill-bieraħ, kulħadd jaqbel fuqha. M’intomx tipproponu politika GĦAL familja, imma GĦALL-FAMILJA.
Inħoss li hemm politika diversa dwar il-familja daqskemm hemm definizzjonijiet diversi ta’ x’inhi l-familja. Il-politika ta’ l-Istat għal familja tiddependi mill-viżjoni politika li għandu ta’ dak li hi l-familja li jrid iħares u jippromwovi. Anki fil-Knisja, li tirrifletti l-istorja u s-socjetà li tagħġinha, hemm skejjel ta’ ħsieb diversi fuq il-familja li minnhom joħorġu atteġjamenti diversi, jekk mhux ukoll konfliġġenti.
Għalkemm il-viżjoni bażika ta’ familja u r-rwol tagħha fis-soċjetà jidher li hemm qbil fuqha fi ħdan il-Knisja Kattolika imma l-implikazzjonijiet politiċi ta’ din il-viżjoni komuni tista’, u ħafna drabi hekk jiġri, iddaħħal ġlieda politika-reliġjuża jew kruċjati u kampanji soċjo-politiċi, anki fejn m’hemmx għalfejn.

Kruċjati
Li qed jiġri fl-Italja hu l-mera ta’ dak li jista’ jiġri f’pajjiżna, iktar u iktar f’ambjent ta’ kampanja elettorali fejn kollox u kulħadd jista’ jsir parti minn aġenda moħbija jew inqas moħbija. Tkun diżgrazzja li l-ġid tal-familja jispiċċa f’ballun politiku partiġjan bi skopijiet ulterjuri.
Id-dokumenti li qed tippreżentaw u l-konsultazzjoni wiesgħa li qed tagħmlu turi ċar li tridu tħallu l-familja u d-dibattitu dwarha ’l fuq mill-logħba politika partiġjana.
Dan li qed inwassal huma fehmti. Bħalma spiss jiġri wkoll fil-Knisja, it-tagħlim u l-pożizzjonijiet diversi huma kwistjoni ta’ emfasi. Il-prinċipji jibqgħu l-istess u ta’ dejjem. Għalhekk huma prinċipji. Imma l-emfasi tlibbes il-libsa li tagħmel sens lill-verità.
It-tolleranza u r-rispett huma fundamentali għal kull djalogu ġenwin biex ma nispiċċawx bi djalogu bejn it-torox jew diskussjoni li ma tispiċċa qatt b’kunċetti intellettwali ta’ min l-iktar jimpressjona, imma li fil-fatt kulħadd jibqa’ bl-aġenda tiegħu, jiddefendi l-viżjoni limitata tiegħu jew tagħha tal-ħajja u jwarrab l-iżviluppi evidenti li narawhom b’għajnejna u mmissuhom b’idejna dwar ir-realtà komplessa tal-familja llum.

Il-ġid komuni
Id-djalogu miftuħ li qed tipproponu anki fi ħdan il-Knisja Maltija hu essenzjali biex inħarsu l-ġid komuni li aħna lkoll qed infittxu. Hi viżjoni ristretta u kontra l-verità min iħares lejn il-Knisja Maltija qisha xi realtà għaliha, bir-regoli tagħha, maqtugħa mis-soċjetà jew id-dinja. Il-Knisja m’għandhiex l-aġenda tagħha. Hi l-aġenda tal-Fundatur tagħha. Il-Fundatur tal-Knisja ġie biex iħares id-dinjità ta’ kulħadd, jirrispetta lil kulħadd, jipproponi ideat u proposti b’mod ħieles biex b’mod ħieles min irid jismagħhom u jsegwihom. Ma ġiex biex jimponi ebda viżjoni tal-ħajja fuq ħadd.
L-istess il-Knisja, ma tkunx qed timponi fuq ħadd meta ssemma’ leħinha dwar liġijiet u politika li jolqtu l-valuri li huma għal qalb kull min qed ifittex il-ġid komuni. Il-Knisja ma jinteressahiex mill-membri tagħha biss - l-imgħammdin - imma tifittex il-ġid komuni tas-socjetà li tagħmel parti minnha. Hu s-sens tal-ġid komuni, il-ħarsien tad-drittijiet umani għal kull persuna, irrispettivament mill-kulur, politika u orjentament sesswali li jgħin lill-Knisja u l-partiti politiċi jikkoordinaw il-liġijiet tagħhom għall-politika sħiħa nazzjonali għall-familja.
Għamiltu sew ħafna li tajtu sfond storiku kif il-familja tbiddlet matul iż-żminijiet u r-rwol mibdul tagħha f’diversi realtajiet storiċi. Il-pre-industrial family, l-early industrial family, u s-symetrical family li analizzajtu fid-dokument, juru ċar li llum il-valuri tal-familja jinkisbu minn bosta sorsi barra dawk ta’ l-omm u l-missier.
Tagħmlu sew li turu li intom konxji li din il-bidla minn familja tradizzjonali għal waħda moderna titlob mill-politiċi tagħna miżuri leġiżlattivi li filwaqt li jirrispettaw il-valuri veri u l-ġid komuni, iħarsu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem fir-realtà ġdida tal-familja.
Imma tistennewx li ma ssibux oppożizzjoni anki minn kwartieri li tistenna aħjar minnhom.

Definizzjoni ta’ familja
Ninsab inkwetat bir-reazzjonijiet iebsin ta’ kruċjata li qed naqraw dwarhom fl-Italja għal bidliet proposti mill-Gvern Taljan. Minkejja li l-bidliet leġiżlattivi qed ikunu proposti minn politiċi Taljani magħrufa għall-impenn Kattoliku tagħhom, xorta waħda r-reazzjoni minn elementi b’saħħithom fil-Knisja hi notevolment negattiva.
Professur Jacques Goudi, illum l-aqwa awtorità fl-antropoliġija fl-Università ta’ Cambridge, kiteb fit-tul dwar il-bidliet tal-familja. Jidher ċar li dak li hu “naturali” fil-“familja naturali” jieħu forom diversi matul l-istorja ta’ l-umanità. Min jibqa’ marbut ma’ definizzjoni waħda marbuta ma’ żmien partikulari fl-istorja ta’ l-umanità mhu se jifhem qatt bidliet leġiżlattivi li jħarsu d-drittijiet ta’ l-individwi f’familja umana li tgħix b’mod “naturali” differentement minn dak maħsub u aċċettat minn kultura dominanti tradizzjonali ta’ ċerti pajjiżi b’ċerti kulturi.
Hu ġust li titkellmu dwar “il-kunċett miftuħ tal-familja” li jinkludi forom differenti ta’ familja, partikolarment, familji b’ġenitur wieħed u li jidentifika u jelimina kull distinzjoni legali li twaqqaf lil familji b’ġenitur wieħed milli jgawdu d-drittijiet ċivili li jgawdu familji konvenzjonali.
Minkejja li dan ma jfissirx li qed tinkoraġixxu alternattivi għall-familja konvenzjonali, xorta se jkun hemm min ma jifhimx u jkun hemm min ma jridx jifhem.
Hawn min iħoss li d-drittijiet ċivili ta’ l-individwi, ta’ dawk li qed jikkoabitaw, koppji tal-fatt, huma diġà mħarsa mil-liġijiet eżistenti u m’hemmx bżonn ta’ rikonoxximent ta’ realtà ġdida li hawn min iħares lejha bħala magħmulha minn individwi li jridu biss drittijiet imma mhux dmirijiet.
Hawn min jirraġuna li tkun qed toħloq mentalità li barra r-raġel u l-mara li jiffurmaw iż-żwieġ u l-familja, issa jkun hemm ukoll alternattiva bil-koabitazzjoni li l-membri ta’ din il-familja ġdida jkollhom l-istess drittijiet u ħarsien mil-liġi ta’ l-Istat. Dan jista’ joħloq konfużjoni iktar u iktar jekk dawn il-forom ta’ familji jibdew jissejħu żwieġ.

Knisja pro-attiva
Il-politiċi kattoliċi, jew dawk ikkunsidrati bħala tali, se jkollhom pressjoni diretta u personali biex jieħdu pożizzjoni pubblika dwar il-fehma tagħhom fuq il-koppji tal-fatt, il-koabitazzjoni, iż-żwieġ bejn il-gays u kwistjonijiet oħra.
Se jkollna Knisja iktar pro-attiva li tieħu pożizzjoni ċara u pubblika. Dan hu tajjeb minkejja li faċilment jiġi strumentalizzat. Nittama li ma jieħux post il-kampanja elettorali.
L-ittra ta’ l-Arċisqof fil-Malta Independent ta’ l-20 ta’ Jannar ta’ din is-sena, jidhirli hi ta’ serħan u dawl ġdid dwar l-atteġjament ta’ l-awtoritajiet tal-Knisja fir-rigward ta’ forma ġdida ta’ familja li tikkonsisti f’partners li qed jikkoabitaw. Hu pożittiv li l-Knisja Maltija qed tħeġġeġ pubblikament lill-politiċi jilleġiżlaw dwar id-drittijiet u d-dmirijiet ta’ min jikkoabita u speċjalment lit-tfal li jitwieldu frott tal-koabitazzjoni.
Ovvjament il-Knisja tinsisti li għandu jkun hemm distinzjoni ċara u sħiħa bejn l-istatus taż-żwieġ u l-istatus tal-koabitazzjoni għax dawn iż-żewġ realtajiet mhumiex u m’għandhomx ikunu l-istess. Meta l-leġiżlatur jilleġiżla dwar il-koabitazzjoni għandu jħares id-drittijiet u d-dmirijiet mhux biss ta’ raġel u mara li qed jgħixu flimkien imma kull min qed jgħix flimkien u jaqsam flimkien għal bosta snin il-ħajja tiegħu jew tagħha. Inħoss li dan hu żvilupp ġdid li juri li bejn ir-raġuni u l-fidi jista’, u għandu jkun hemm, djalogu effettiv għall-ġid komuni.
Għalija personali, meta qrajt dan id-dokument komplejt nikkonferma kemm verament il-Partit Laburista għandu għax ikun kburi bil-wirt tiegħu fit-twettiq tal-ġustizzja soċjali u jkun minn ta’ quddiem biex iwettaq il-bidliet leġiżlattivi, politiċi u soċjali biex il-politika u l-politiku jkomplu jkunu għas-servizz tas-soċjetà Maltija imma b’mod partikulari fl-għażla preferenzjali ta’ min hu fqir u emarġinat.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt