18 ta' Marzu 2007 • Nr 20

Arkivji




 

 

 

18 ta' Marzu 2007
Ikomplu l-investigazzjonijiet f’Tal-Bidnija

Karl Stagno-Navarra

Numru ta’ armi qed ikunu ritornati lill-ħwienet minn fejn inxtraw matul dawn l-aħħar xhur fl-isfond ta’ dak li kien żvelat minn din il-gazzetta dwar allegati rregolaritajiet fir-rakkomandazzjonijiet għall-ħruġ ta’ liċenzji għaż-żamma, il-ġarr u l-isparar ta’ armi bl-iskrataċ.
L-investigazzjonijiet ta’ l-iSpecial Branch tal-Pulizija huma ffukati fuq l-operat ta’ xi uffiċjali mill-Federazzjoni ta’ l-Isparar Sportiv f’Tal-Bidnija li huma responsabbli bil-liġi għar-rakkomandazzjonijiet lill-Bord ta’ l-Armi biex imbagħad jinħarġu l-permessi mill-Pulizija skond l-Att dwar l-Armi ta’ l-2005.
Hu mifhum li l-allegati rregolaritajiet bdew jinkixfu weħidhom meta l-Pulizija bagħtet għal xi persuni biex toħroġilhom il-liċenzja u dawn sostnew li l-klabb ma’ kienx organizzalhom korsijiet dwar l-uzu ta’ armi skond kif titlob il-Liġi.
Mill-istħarriġ li sar s’issa jirriżulta li xi dilettanti prospettivi ta’ l-isparar allegatament kisbu rakkomandazzjoni biex tinħarġilhom liċenzja mill-Pulizija dakinhar stess li rreġistraw mal-klabb.
Dawk li f’dawn l-aħħar jiem irritornaw l-armi ġodda li xtraw u li kienu rtirawhom mill-ħwienet qabel ma kienu fil-pussess ta’ permess, għarfu li kienu għamlu ħażin u li segwew “pariri ħżiena” u ma ridux ikollhom inkwiet ma’ l-awtoritajiet.
Salvu Portelli, il-President tal-Federazzjoni ta’ l-Isparar Sportiv f’Tal-Bidnija, qal li sema’ bl-investigazzjonijiet li għaddejjin u sostna li “l-klabb hu professjonali u nimxu skond ir-regolamenti.”
Salvu Portelli jpoġġi wkoll fuq il-Bord ta’ l-Armi u ammetta li sema’ li hemm sejħiet għar-riżenja tiegħu minn fuq dan il-bord.
Il-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo ikkonferma ma’ din il-gazzetta li għaddejjin investigazzjonijiet fil-konfront tal-klabb tal-Bidnija filwaqt li uffiċjali mill-iSpecial Branch ikkonfermaw li l-investigazzjoni qed titqies bhala serja ħafna.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt