18 ta' Marzu 2007 • Nr 20

Arkivji




 

 

 

18 ta' Marzu 2007
L-eks Imħallef Patrick Vella għadu ma appellax mis-sentenza ta’ ħabs

Karl Stagno-Navarra

L-eks Imħallef Patrick Vella għadu ma appellax mis-sentenza ta’ sentejn ħabs li kienet imposta fuqu din il-ġimgħa mill-Qorti Kriminali wara li ammetta għall-akkużi dwar korruzzjoni.
Patrick Vella, li beda jiskonta l-piena tiegħu minn nhar it-Tlieta filgħaxija, għandu sa 20 ġurnata biex jappella s-sentenza u t-tim ta’ avukati li dehru għalih huma rappurtati li għadhom qed jistudjaw id-dettalji tas-sentenza li ngħatat fil-konfront tal-klijent tagħhom mill-Imħallef Giannino Caruana Demajo.
Sa minn nhar it-Tlieta filgħaxija, Patrick Vella ddaħħal fit-taqsima tal-ħabs li tipprovdi għas-sigurtà ta’ persuni vulnerabbli.
Fid-Diviżjoni 8 fejn qed jinżamm l-eks Imħallef Vella qed jinżammu persuni sentenżjati fuq reati marbuta ma’ pedofilija u li huma rappurtati li stennewh jasal fil-ħabs wara li segwew ir-radju għal ħin twil matul il-ġurnata jisimgħu l-aġġornamenti ta’ l-aħbarijiet dwar il-ġuri tiegħu.
Imkejjen fil-ħabs spejgaw lil din il-gazzetta li l-priġunieri fid-Diviżjoni 8 kienu konxji mill-biża’ ta’ l-eks Imħallef li jingħata piena fil-ħabs, u b’sens ta’ solidarjetà huma rappurtati li laqgħuh bħala ħabib, sajrulu l-ikel u lestewlu l-ikla ta’ filgħaxija.
L-ewwel jiem ta’ priġunerija ta’ Patrick Vella huma rappurtati li kienu trankwilli, fejn l-eks Imħallef qatta ħafna ħin jaqra u għal rasu fil-kwiet.
L-awtoritajiet tal-ħabs għandhom struzzjonijiet mingħand il-Qorti biex jipprovdu għas-sigurtà ta’ l-eks Imħallef tul iż-żmien kollu li jinżamm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Waqt is-smigħ tal-ġuri nhar it-Tlieta li għadda, il-Qorti semgħet kif matul dawn l-aħħar erba’ snin mindu faqqa l-iskandlu tat-tixħim ta’ l-Imħallfin fl-appell ta’ Mario Camilleri ‘l-Imnieħru’, Patrick Vella kien waqa’ f’dipressjoni kbira u kien jinħtieġ kura psikoloġika regolari.
Mix-xhieda mogħtija minn Dr David Cassar kien spjegat kif Patrick Vella kien fi stat ħażin ħafna u mimli rimors.
L-istess xehed Patri Ugolino Scerri, Franġiskan Skalz, li tkellem dwar il-fatt li ħadd ma ried jagħti xogħol lill-eks Imħallef, l-anqas id-Dar tal-Providenza.
It-tabiba Elsa Vassallo, oħt Patrick Vella, xehdet dwar l-umiljazzjoni kbira li għadda minnha ħuha ż-zgħir u l-familja kollha tiegħu fejn il-ħbieb kollha telquh.
Fi stqarrija volontarja li għamel fil-Qorti ftit wara li sostna ammissjoni għall-akkużi li tressqu fil-konfront tiegħu mill-prosekuzzjoni, l-eks Imħallef Patrick Vella talab għal maħfra pubblika għal għemilu. Sostna li jisgħobbih għall-ħsara li seta’ wettaq b’għemilu għall-fiduċja tal-poplu fl-istituzzjoni tal-Qorti.
Magħluq il-każ ta’ l-eks Imħallef Patrick Vella, imiss issa li x-xahar id-dieħel jinstema’ l-każ ta’ l-eks Prim Imħallef Noel Arrigo li jinsab mixli bl-istess każ ta’ korruzzjoni li kien heżżeż lill-ġudikatura f’Awissu ta’ l-2002.
Għal darb’oħra mistenni jkun l-Imħallef Giannino Caruana Demajo li se jippresjedi l-ġuri li wkoll se jkun mingħajr ġurati kif għażel l-akkużat.
Fix-xhur li ġejjin mistennija jinstemgħu l-ġurijiet fil-konfront ta’ l-intermedjarji fil-każ ta’ korruzzjoni ta’ l-eks Imħallfin.
Filwaqt li Joseph Zammit ‘Is-Sei’ intbagħat sentejn ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati s-sena li għaddiet wara li ammetta li kien hu li resaq fuq Patrick Vella u wiegħdu Lm10,000 biex inaqqas il-piena fl-appell tat-traffikant tad-droga Mario Camilleri ‘l-Imnieħru’, hemm żewġ intermedjarji l-oħra li qed jistennew li jgħaddu ġuri aktar tard din is-sena stess.
Dawn huma n-negozjant Anthony Grech Sant, li allegatament kellem lill-eks Prim Imħallef Noel Arrigo, u Pierre Camilleri, iben ‘l-Imnieħru’.
Intant Mario Camilleri hu rappurtat li tilef b’madwar 550 ġurnata remission mill-ħabs wara li ttieħdu mizuri dixxiplinarji kontrih minħabba theddid li għamel fil-konfront ta’ diversi uffiċjali tal-Pulizija.
Il-ġuri tiegħu bħala l-promotur tal-korruzzjoni ta’ l-eks Imħallfin ukoll hu mistenni qabel tmiem din is-sena.

ksnavarra@mediatoday.com.mt

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt