Wasalt fil-Każin tar-Raħal Ġdid tas-Soċjetà de Paule fid-9.30pm. Tlajt fuq u sibt ruxxmata nies u tfal: min jirreċta, min iħares u min jistenna għall-parti tiegħu.
Id-De Paule Pagaent Group ilu jtella’ Ichtus għal dawn l-aħħar għaxar snin. Din tikkonsisti f’wirja ta’ vari ta’ daqs ta’ bniedem fil-każin, purċissjoni u dramm reliġjuż li jittella’ fuq barra tal-każin. Hawnhekk hu l-post fejn jaf tieħu parti għax għandek xagħrek twil jew għax għandek il-bixra ta’ xi Qassis il-kbir.
Manuel Axiaq, l-assistant direttur tad-dramm, qal li n-nies tingħatalhom il-parti fuq id-dehra tagħhom u anki skond l-esperjenza u kemm ikunu kapaċi jirreċtaw.
Staqsejtu kif jagħmlu biex ivarjaw l-ispettaklu minn sena għal sena minħabba li dejjem jużaw il-Passjoni meħudha kelma b’kelma mill-Bibbja.
“Invarjaw il-produzzjoni u nippruvaw nagħtuha xejra differenti. Nibdlu l-pożizzjoni tal-karattri, ix-xenarji u anki l-andament tagħha. Il-palk narmawh differenti wkoll. Din is-sena kabbarnieh u żidnielu l-livelli u anki ħloqna makkinarju apposta,” żied jgħid Axiaq, li ilu jaħdem mad-direttur Sandro Mallia fuq il-produzzjoni għal dawn l-aħħar tliet snin.
Jaqbeż Jason Silvio, li jieħu ħsieb il-PR u l-kostumi biex jgħidli dwar kif jaħdmu biex iħitu l-kustumi. “L-ewwel naraw x’baġit għandna għall-kostumi ġodda u naraw l-iktar li għandna bżonn inbiddlu. Imbagħad jintagħżlu l-kuluri u l-istili,” qal Silvio. Għal din is-sena żiedu seba’ karattri ġodda.
Kompla jirrakkonta bl-istess ħeġġa dwar il-purċissjoni u li Ġorġ Peresso din is-sena se jikkummentaha live. Fil-fatt il-grupp l-ewwel jibda bil-purċissjoni ta’ karattri bibbliċi minn quddiem il-Knisja ta’ Sta Ubaldeska fis-6pm, imbagħad sagħtejn wara jkompli bil-pageant, li ssir fil-pjazza quddiem il-Każin fejn ikun hemm armat il-palk.
Il-purċissjoni kienet it-tieni proġett żviluppat mill-grupp wara li fil-bidu kienu bdew jarmaw b’wirja tradizzjonali tal-vari fil-każin. Il-purċissjoni saret biex joħolqu xi ħaġa differenti minn wirjiet oħrajn li jkun hemm għaddejjin matul ir-Randan. L-ewwel waħda kienet saret bi 30 ruħ. Issa saru jieħdu sehem mat-350 ruħ, b’50 minnhom tfal.
Fil-purċissjoni, minbarra l-annimali, li jvarjaw bejn nagħaġ, tiġieġ u ħmir, żiedu wkoll iż-żfin li jsir quddiem Erodi u l-Faragħuni. Iż-żeffiena huma s-CCK Dancers.
Silvio semma kemm isibu għajnuna min-nies tar-raħal. Ħafna jżejnu l-gallariji tagħhom u anki ma jipparkjawx fin-naħat minn fejn jgħaddu. Temm jgħid li din is-sena l-għeluq se jsir b’mod oriġinali u grandjuż.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt