18 ta' Marzu 2007
L-Ispjun se jiftaħ għal tnejn oħra?
Fost il-ħafna sorpriżi li L-Ispjun għandu mħejji għall-parteċipanti li jinsabu fid-dar hemm ukoll id-dħul ta’ persuni oħra li diġà segwew kollox minn barra u li issa jistgħu jidħlu mal-parteċipanti. Imkejjen infurmati spjegaw lil din il-gazzetta li L-Ispjun se jbexxaq il-bieb biex jidħlu żewġ parteċipanti nisa ġodda.
Ħadd mit-tim tal-produzzjoni ma kien lest jikkonferma din l-aħbar iżda l-imkejjen tagħna qalulna li dan l-iżvilupp se jseħħ nhar l-Erbgħa li ġej waqt il-programm immexxi minn Andreana fuq TVM.
Ir-raġunijiet għaliex L-Ispjun jista’ jkun irid idaħħal żewġ parteċipanti ġodda jvarjaw mill-problema li għandu L-Ispjun fejn il-parteċipanti nisa kollha qed ikunu eliminati kif ukoll għall-fatt li l-irġiel qed jiddominaw id-Dar ta’ L-Ispjun.
Mhux magħruf jekk il-parteċipanti l-ġodda mhumiex se jkollhom l-opportunità għar-rebħ ta’ 25,000 Ewro iżda ladarba jirnexxielhom jidħlu fid-Dar ta’ L-Ispjun jkun diffiċli għalihom li jirrifjutaw li jikkompetu għalihom.
Ikun interessani wkoll li wieħed jara r-reazzjoni tal-parteċipanti l-oħra jekk fil-fatt jidħlu żewġ parteċipanti nisa u jekk dawn ikunux vantaġġjati jew żvantaġġjati mill-pubbliku li jrid jivvota.
Matul dawn l-aħħar ġimgħat kulmin xtaq jieħu ċans li jintgħażel biex jidħol fid-Dar ta’ l-Ispjun kien imsejjaħ biex jibgħat email fuq l-indirizz info@lispjun.com. Min japplika għandu jibgħat ritratt.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt