Minkejja l-kampanja qalila ħafna tal-Partit Laburista kontra l-handyman tal-Kunsill Lokali tal-Mosta, is-Sindku l-ġdid Paul Chetcuti Caruana għamilha ċara li ma kien se jimxi ma’ “ħadd bil-giljottina.”
F’kummenti lil din il-gazzetta, is-Sindku Laburista Paul Chetcuti Caruana spjega li fost l-ewwel prioritajiet li jixtieq jara li jkunu implimentati mill-Kunsill il-ġdid li se jiltaqa’ nhar it-2 ta’ April hi “riforma” fil-mod ta’ kif jaħdmu l-wardens fil-Mosta.
Dwar il-handyman Philip Azzopardi, li kien fiċ-ċentru tal-kampanja tal-MLP kontra s-Sindku preċedenti Joe Demartino, Chetcuti Caruana spjega li fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill se jesiġi li jara x’inhi s-sitwazzjoni, partikolarment dwar x’jgħid il-kuntratt tiegħu.
“Il-Kunsill preċedenti poġġa double yellow line quddiem il-knisja u dan ifisser li minbarra l-Mostin li ma jistgħux isibu parking sakemm jisimgħu quddiesa, lanqas min jiżżewweġ jew imut ma jista’ jkollu l-karozzi mwaqqfa quddiem il-Knisja,” sostna Paul Chetcuti Caruana.
“Ma jistax ikun li l-Mostin jiġu mħarrka għal dik il-minuta li jinżlu mill-karozza tagħhom biex jinqdew minn xi spiżerija jew stabbiliment.”
Punti oħrajn li Paul Chetcuti Caruana jqis bħala prioritajiet għall-ħidma tiegħu se jkunu l-kontroll tal-kriminalità, partikolarment bit-tisħiħ tas-sigurtà madwar il-Mosta.
“Saru diversi hold-ups fil-Mosta dan l-aħħar u nixtieq nara l-preżenza tal-Pulizija msaħħa, filwaqt li nixtieq naħdem ma’ l-Arċipriet tal-knisja kif ukoll ma’ organizazzjonijiet oħrajn Mostin biex insibu soluzzjonijiet ħalli nrażżnu l-problema tad-droga fil-lokalità,” qal is-Sindku l-ġdid tal-Mosta.
Paul Chetcuti Caruana temm billi spjega li l-lokalità tal-Mosta teħtieġ ħafna attenzjoni, partikolarment fl-irranġar ta’ toroq li skond hu kienu asfaltati malajr qabel l-elezzjonijiet ta’ l-10 ta’ Marzu u li minħabba l-għaġġla ma sarx kalkolu sew tal-qlib ta’ l-ilma tax-xita li għarraq ħafna kantini u djar.
Il-Partit Laburista rnexxielu jikseb il-maġġoranza għall-ewwel darba fil-Mosta minn kemm ilhom isiru l-elezzjonijiet lokali.
ksnavarra@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt