18 ta' Marzu 2007
Qalb Xlukkajra bi ħsibijiet u xewqat Beltin
Ir-riħa tal-baħar imħallta ma’ dik tal-ħut iddaħħlek mill-ewwel fl-atmosfera ta’ dan il-post. Ftit iffrekwentajtu fil-ħajja tiegħi imma ma tantx trid ħin biex tobsor li l-poplu tiegħu jinsabu preżentament fis-seba’ sema. Sa ftit snin ilu kienet xi ħaġa impossibbli li wieħed jara lit-tim tal-futbol ta’ dan ir-raħal fil-kampjonat Premier, aħseb u ara li tarahom fl-ewwel post, b’pass bogħod mill-ewwel titlu fl-istorja tagħhom.
Dan kollu sar possibbli grazzi għall-bniedem wieħed…Victor Sciriha. L-appuntament bejnietna kien ippjanat għat-Tlieta wara nofsinhar. Jekk ma tkunx taf fejn trid tmur titħawwad ftit sakemm tasal fuq in-naħa ta’ wara fiż-żona l-kwieta. Jew aħjar, fiż-żona s-sinjura!
Sakemm nieħdu postna nitkellmu fuq kollox. Minn futbol Malti sa dak Taljan. Sab ħin ukoll biex janalizza fi ftit kliem ir-riżultat ta’ l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali ta’ tmint ijiem ilu. Jispera li l-kunsill Xlukkajr li għandu kif ġie elett jagħmel minn kollox biex jgħin kemm jista’ jkun lil Marsaxlokk. Bid-diskors solitu ta’ nkejja bejn it-tnejn ma kienx hemm għalfejn nagħmillu l-ewwel mistoqsija. Kollox ġie awtomatiku.
“Din hija t-tmien sena tiegħi fil-club ta’ Marsaxlokk u nemmen li kull sena dejjem żidna fil-potenzjal tagħna. Naħseb li l-20 plejer li jiffurmaw l-iskwadra ta’ din is-sena huma kollha validi li jistgħu jilagħbu ma’ kull tim ieħor. Disgħa minnhom jilagħbu mat-tim nazzjonali.
“Kont dħalt fil-club bi żball. Kont mingħalija dħalt biex ngħinhom ftit jitilgħu mit-Tieni Diviżjoni. Il-problema kienet li l-futbol qisu droga u biex tidħol fih malajr u biex toħroġ minnu bil-mod. Qatt ma pretendejt xejn lura ħlief ftit għajnuna u rispett mill-partitarji tagħna. Għalina li qegħdin fl-ewwel post hija esperjenza ġdida. Meta tqis li ilna ma nitilfu xi 20 logħba naħseb li hija xi ħaġa kbira għal raħal żgħir bħal Marsaxlokk.”
Victor Sciriha twieled fis-16 ta’ Settembru 1950. Miżżewweġ lil Gillian u missier Stephen u Mark, il-President attwali ta’ Marsaxlokk FC. Huma ħafna dawk li jgħidu li minkejja Mark huwa l-President, id-deċiżjonijiet baqa’ joħodhom biss missieru waħdu.
“Mhux vera li nieħu d-deċiżjonijiet waħdi. Veru li laqgħat ma tantx nagħmlu imma aħna qegħdin sitta minn nies li niltaqgħu kważi kuljum u dejjem nitkellmu fuq is-sitwazzjoni preżenti. Meta nkun id-dar dejjem nitkellem mal-familja fuq x’se nagħmlu u ma nagħmlux. Ma’ Peter Harthsorne, Robert Micallef u Thomas Zahra għandi kuntatt kontinwu. Huma tliet persuni onesti u effiċjenti ħafna f’xogħolhom. Hija ħrafa min jgħid li d-deċiżjonijiet noħodhom jien waħdi.”
Li se jirnexxilu jagħmel dalwaqt Mark Sciriha hija kbira. Ta’ 25 sena se jkun l-iżgħar President fl-istorja tal-futbol Malti li qatt rebaħ kampjonat. Insaqsi lil missieru kemm ta mill-ħin tiegħu dan l-istaġun.
“It-tifel għandu l-istudji tiegħu u bħalissa ma jistax jikkonċentra fuq il-futbol biss. Imma diġà tkellimna u mis-sena d-dieħla se jibda jieħu ħsieb in-nursery. Qalli li f’moħħu għandu proġett li jirranġa n-nursery u jekk jirnexxilu jkun għamel opra kbira għal Marsaxlokk. Għal raħal żgħir bħal tagħna għandna `l fuq minn 100 tifel li qabel qatt ma kienu jeżistu. Diġà applikajna u ppreżentajna l-pjanti mal-MEPA. Għandna proġett li l-ground il-kbir nagħmluh sintetiku filwaqt li ħa nagħmlu wiċċ sintetiku wkoll il-ground tal-5a side ta’ l-iskola tal-Gvern.”
Kulħadd bl-istess kelma fuq f’ommu. Li b’nuqqas ta’ esperjenza u innoċenza, Victor rema ħafna flus kemm ilu fil-futbol Malti. Personalment nemmen li kellu ċerti plejers li kienu jaraw biss l-interessi tagħhom.
“Ma nemminx li armejt il-flus. Veru li fil-futbol kulħadd jagħmel l-iżbalji imma l-unika ħaġa li nista’ ngħid hija li bl-iżbalji li għamilna bqajna dejjem Premier. Ġeneralment f’Malta kulmin jitla’ Premier is-sena ta’ wara jaqa’ sparat. Aħna dejjem konna konsistenti ma’ ta’ fuq tant li lgħabna darbtejn f’kompetizzjoni Ewropea.
“Ma naħsibx li qatt kelli plejers li jaħsbu biss fil-but u ġew magħna biss għall-flus. Il-plejers li probabbli qed tirreferi għalihom int għadhom sal-lum bil-kuntatt miegħi u niltaqgħa magħhom ta’ spiss. Għad hemm ħbiberija u rispett kbir bejn iż-żewġ naħat. Veru li l-flus huma sbieħ u kulħadd iħobbhom imma naħseb li ħafna plejers ikunu jridu jiġu ma’ Marsaxlokk għax jafu li aħna serji fejn jidħlu pagamenti fil-ħin. U naħseb dak huwa inċentiv kbir għall-plejer.
“Jien kuljum ikolli telefonati minn plejers ta’ timijiet oħra li jgħiduli li jixtiequ jiġu miegħi s-sena d-dieħla. Il-problema hija li ma jistax ikollok aħjar mill-20 plejer bħal m’għandna aħna. Is-sena d-dieħla jekk se jkollna xi rtokki se jkunu ftit.”
Kien hawn ħafna diċeriji li Victor seta’ telaq lil Marsaxlokk biex jingħaqad ma’ club ieħor kbir. It-tliet clubs imsemmija kienu Valletta, Hibernians u Hamrun Spartans. Ħassejt li kien għadda ftit taż-żmien u għalhekk jekk dawn it-trattativi xi darba eżistew, xtaqt inkun naf fiex waslu.
“S’issa għadni ma’ Marsaxlokk. Jista’ jkun li xi darba l-ħolma tiegħi ssir realtà. Jien f’ħajti dejjem kelli xewqa li ningħaqad ma’ club kbir. Jista’ jkun li fil-futur din il-ħolma sseħħ. Huwa wieħed mit-tlieta li semmejtli.”
Nagħfsu fid-domanda biex jagħtini liema club hu. Jirnexxili…
“Plejer li dejjem xtaqt li kien ma’ Marsaxlokk huwa Gilbert Agius. Naħseb li hu l-aqwa plejer li għandna Malta. Però ma’ Marsaxlokk ma jistax ikun. Forsi xi darba jkun miegħi jekk inkun ma’ xi tim ieħor.
Inkompli nkellmu fuq din il-ħolma li għandu. Ngħidlu li mir-raġunament indunajt li kien qed jgħidli għal Valletta FC. Faċli ħafna. Gilbert għandu 33 sena. Għadu kif iffirma kuntratt ta’ erba’ snin mal-Belt. Erba’ snin oħra jkollu 37 sena. Jekk ma jkunx irtira jkun wasal biex. Induna li ndunajt għal min kien qiegħed jirreferi. Jammetti…
“Jien għandi ċerta mħabba u stima lejn il-Valletta. Huma club kbir li rebaħ kollox. Għandi soft spot lejhom. Hemm Beltin li jaħsbu li jien ma xtaqtx immur magħhom. Ma kinitx minn naħa tiegħi li ma mortx. Kien hemm ċerti differenzi li sal-lum il-ġurnata għadni nemmen li setgħu jitranġaw li kieku kien hemm rieda tajba. Dan ma seħħx. Imma l-karattru tiegħi huwa wieħed li jekk indaħħal xi ħaġa f’rasi nibqa’ sakemm nagħmilha. Ix-xewqa tiegħi għad issir realtà.”
“M’għandi l-ebda interess li ningħaqad ma’ club ieħor ħlief mal-Belt. U kieku jkolli niċċaqlaq nassigurak li t-team ta’ Marsaxlokk jibqa’ jsib l-għajnuna tiegħi. Jien mhux se naqbad u nitlaq u narmi kollox waraja. Lil Marsaxlokk mhu se nħallihom qatt fid-dlam. Nassigurak li Marsaxlokk se jibqgħu għal snin twal forza tal-futbol Malti. Żgur li mhux se nżarma lil Marsaxlokk biex narma team ieħor. Persważ li ibni se jkompli fejn inkun ħallejt jien. Meta jien inkun għamilt dan il-pass, it-tifel ikun gradwa avukat u ċert li jkun kapaċi jmexxi waħdu. Jista’ jkun li bil-proġetti li għandna f’moħħna, fi żmien qasir, it-tim ta’ Marsaxlokk ikun jiddependi finanzjarjament mill-flus tiegħu stess mingħajr l-għajnuna ta’ ħadd.”
Insaqsih fuq kif reġa’ kiseb il-fiduċja tiegħu Daniel Bogdanovic u kif kien neħħa lil Etienne Barbara u ftit ilu ssemma li reġa’ għandu l-interess fih.
“Bogdanovic dejjem baqa’ plejer tagħna u kieku ridt stajt inbiegħu. Kelli fiduċja fih li jimmatura aktar milli kien u llum huwa wieħed mil-leaders. Bejnietna hemm rispett kbir u kont jien li flimkien ma’ Brian Talbot ħadnih għal prova l-Ingilterra ma’ Watford. Hu qed juru rispett reċiproku fil-ground għax s’issa skorja xita ta’ goals u ċert li se jispiċċa top scorer ta’ dan il-kampjonat.
“Barbara huwa plejer validu ħafna u jekk ikollu aktar rispett lejn il-Presidenti tiegħu jista’ jagħti aktar milli qed jagħmel. Dejjem qistu bħala plejer kbir. Nikkonferma li reġa’ kien hemm l-interess għalih u tkellimna anke ma’ Birkirkara imma ma ridux ineħħuh.”
Fuq Victor Sciriha tisma’ minn kollox. Jgħidu li ma’ Victor Zammit u Robert Arrigo ma jarax għajn m’għajn. Dan veru?
“Ma’ Victor Zammit għandi relazzjoni mill-aqwa. Sa dalgħodu stess kont miegħu qed nitkellmu fuq negozju li se nagħmlu bejnietna. Naħseb li għandi relazzjoni mill-aqwa miegħu, ma’ Tony Bezzina u Antoine Portelli ukoll. It-tlieta nqishom bħala rġiel fuq l-irġiel.
“Ma’ Arrigo mhux m’għandix relazzjoni tajba. Hu għandu x’jaqsam ma’ Sliema Wanderers u jien ma’ Marsaxlokk. Forsi Robert jara lil Marsaxlokk ta’ theddida għal Sliema Wanderers u b’hekk ir-relazzjoni ta’ bejnietna ma tantx hi tajba. Li hemm, naħseb li aktar ġej minn naħa tiegħu milli minn naħa tiegħi.”
Victor mhux l-unika wieħed fil-familja li hu midħla tal-futbol. Ħuh, Michael huwa l-President tal-Juventus Club Malta wkoll. Avukat dejjem impenjat u ma tantx isib ħin għal Marsaxlokk. Filwaqt li jirrispondini, jidħak ukoll.
“Michael jgħinni meta jkollna xi kwistjoni l-qorti. Meta l-pulizija jiġbru xi partitarju jkun hu li jiddefendi lill-club. Kultant jiġi jara xi logħba imma issa tibda tarah ta’ sikwit il-ground kif inkunu wasalna biex nirbħu l-kampjonat. Imma nifhem li mħabbat ħafna b’xogħlu u bil-Juventus Club. Kemm ilu President ma tantx għadu jsib ħin għal Marsaxlokk imma dejjem jgħinna meta jkollna bżonn is-servizzi tiegħu. Wara l-familja, il-Juventus u Marsaxlokk huma kollox għalih.”
Insaqsih kif wara tant snin reġa’ ġab lil Brian Talbot f’Malta.
“L-għażla ta’ Talbot ġiet b’kumbinazzjoni u fortuna. F’moħħna kellna kowċ ieħor Malti li huwa bniedem serju ħafna u għandna rispett kbir lejh. Illum dan il-kowċ qiegħed ma’ tim ieħor u mhux sew li nsemmi ismijiet imma jekk qed jaqra din l-intervista jaf li qed ngħid għalih.
“Iltqajt ma’ ħabib ta’ Talbot li kumbinazzjoni kien qed jiekol ir-ristorant tiegħi. Kien kellimni u qalli li Talbot interessat li jiġi jagħmel sena Malta. Indunajt kemm hu bniedem professjonali hekk kif qabel ma aċċetta l-offerta tiegħi, is-sena l-oħra ġie jara t-tim jilgħab darbtejn u qabel ma ffirma kuntratt ta’ sentejn qalli mill-ewwel li kien ġej Malta biex jirbaħ il-kampjonat u għalhekk ried isaħħaħ l-iskwadra b’ċerti plejers u għamiltlu minn kollox biex qdejtu f’kulma ried. Kulma ried tajtulu u nemmen li dak li nixtieq jien se jagħtihuli wkoll. Għalkemm irridu nżommu saqajna ma’ l-art għax xejn għadu mhu ċert. Fadal ħafna logħob x’jintlagħab…”
Ninsabu viċin elezzjoni oħra ta’ l-ogħla siġġu fi ħdan l-MFA. Nitolbu l-opinjoni tiegħu fuq dan kollu.
“Jien mhux se nidħol fil-mertu ta’ xi ħaġa bħal din. Jien ngħid biss li jkun hemm min ikun hemm fit-tmexxija ta’ l-MFA għandu jaħseb biex jieħu ħsieb il-clubs. Illum il-clubs għaddejin minn diffikultajiet kbar u jekk mhux se jsibu xi forma ta’ għajnuna ngħidlek li ’l quddiem se jkollhom jagħlqu ħafna minnhom.”
Victor jgħidli wkoll li kemm ilu fil-futbol Malti, sab min għamillu bsaten fir-roti. Jistqarr li mhux l-ewwel darba li għaddielu minn moħħu biex jitlaq mill-futbol darba għal dejjem.
“Fil-futbol issib ħafna nies jobogħduk. Jien nemmen li l-logħba 90 minuta u wara jerġa’ jiġi lura għan-normal u kulħadd ħabib ta’ xulxin. Sfortunatament hawn ċerti nies li jibqgħu jżommu ġo fihom. Jien m’jienix hekk u bniedem jaf fejn qiegħed miegħi.
“Sibt u għad hemm ħafna nies li jobogħduni u qed jagħmluli l-bsaten fir-roti. Ma nistax nifhem il-għala hawn president partikolari li jmur jgħid li għalih il-kampjonat jista’ jirbħu min irid basta mhux Marsaxlokk u Victor Sciriha. F’dan il-pajjiż għandna problema kbira tal-għira.
“Biex tidħol l-għira fil-futbol hija xi ħaġa miskina. Jien is-sena l-oħra mort għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Birkirkara meta rebħu l-kampjonat għax ħassejt li kien dover tiegħi li mmur. Fraħtilhom u ħadt grokk magħhom u tlaqt `l hemm. Nispera li jekk nieħdu l-kampjonat aħna din is-sena n-nies ta’ rieda tajba jagħmlu l-istess u jiġu jieħdu gost magħna.”
Intemm din l-intervista ma’ Victor billi tagħni dawn il-kummenti.
“Ikun ta’ sodisfazzjon kbir għalija u għall-familja kollha jekk din is-sena nirbaħ il-kampjonat. Huwa ta’ unur kbir u xieraq għall-poplu Xlukkajr kollu. Kieku kelli nitilfu jkun falliment kbir. Ħadd ma jista’ jirbaħ il-kampjonat. Irridu nkunu aħna li nitilfuh. Anqas irrid naħsibha li bil-vantaġġ li għandna bħalissa nistgħu xi darba nitilfu l-kampjonat. Tkun diżgrazzja
“Marsaxlokk fadlilhom ċiklu sħiħ u miri kbar x’jilħqu fis-snin li ġejjin. Sa 10 snin oħra nbassar li jkollna tim aqwa minn tal-lum. Hemm dinja sħiħa x’tintrebaħ.
“Nirringrazzja lill-partitarji ta’ l-appoġġ li qed jagħtuna. Hemm bżonn li jibqgħu warajna imma nwissihom li ma naċċettax li jinsulentaw lit-tim oppost. Jien ma naqbilx ma’ dan u jekk ikun hemm xi individwi li nsir naf li jagħmlu dan inkun jien stess li noħroġhom ’il barra mill-ground u ngħidilhom biex ma jiġux iżjed. Nieħdu gost mingħajr ma noffendu u nweġġgħu lil ħadd. Wara kollox dan huwa sport u jien għandi ħbieb kbar minn timijiet oħra u ma narax għalfejn għandna ngħajru lil ħaddieħor u ħaddieħor jgħajjar lilna.
“Nirringrazzja wkoll lill-familja tiegħi li dejjem kienu warajja, lill-plejers u lil Peter li kien hu l-moħħ ta’ kollox li jien għadni hawn. Nispera li lil dan il-poplu żgħir nagħtih dak li sa ftit żmien ilu qatt ma kien joħolmu bih.”
mattard@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt