18 ta' Marzu 2007 Biċċiet ta’ l-Arti minn Carmel Bonello
Wirja li hemm għaddejja fl-uffiċċini tal-Heritage Malta hi Art Pieces mtella’ minn l-espressjonist Carmel Bonello. Kif tidħol fil-kurridur wiesa’, għajnejk jibdew jgħarrxu
l-pitturi biex jaraw fuq liem waħda se jistrieħu. Tiegħi waqgħu fuq Face Value. Ma nafx għala laqqtuni daqshekk imma wiċċ it-tifla fih xi ħaġa li tiġbdek u ma tistax ma tagħtix kasu.
Komplejt indur il-wirja li fiha mas-60 biċċa. Ħassejt li l-wirja tinqasam f’erba’ kategoriji: landscapes, l-astratt, uċuh u l-figura tal-mara.
Innutajt kemm l-artist hu ossessjonat bil-figura femminili u bl-uċuh, li għandu mal-25 xogħol b’dan is-suġġett. Fil-fatt veru jispikkaw l-uniċi żewġ xogħlijiet li hemm li jitrattaw iż-żwiemel.
Dort fuqu u staqsejtu:
Ġieli ħassejtek staġnat minħabba li spiss taħdem fuq il-figura tal-mara?
Ma naħsibx għax l-figura tal-mara, li magħha hemm marbuta l-maternità, hi perfetta peress li twelled ħajja ġdida fiha. X’hemm isbaħ mit-twelid? Fid-dinja din hi l-ikbar esperjenza. Naħseb li għalhekk dejjem insib ispirazzjoni biex noħloq xogħlijiet marbuta ma’ din it-tema.
Kif jirnexxielek toħloq xogħlijiet daqshekk distinti minn xulxin anke jekk bl-istess tema? Innutajtha l-aktar fil-landscapes u toħroġ fil-figuri wkoll għalkemm xi ftit inqas.
Jien naħdem skond il-muża bħal ħafna oħrajn. L-artist joħloq biż-żebgħa u affarijiet oħrajn fuq tila b’dak li għandu fih, li qed iħoss u li esperjanza, mhux dak li qed jara dak il-mument li qed ipitter. Għalkemm hemm diversi pajsaġġi u figuri u kollha jidhru qishom magħmula minn artisti differenti, xorta jkun hemm dik il-laqta ta’ l-artist anke jekk ikunu differenti ħafna waħda minn oħra.
Kemm hemm ħsieb wara l-pittura tiegħek? Kemm hemm ‘pinzellati tal-mument’?
L-aktar li nieħu gost hu meta naħdem minn moħħi, b’karta jew tila vojta u nibda nimlieha bil-mod jew b’espressjoni sakemm inkun kuntent. Iva, ikun hemm pinzellati tal-mument. L-arti bħal ħajja fiha emozzjoni, esperjenza, ħsieb u dak kollu li jgħaddi minnu l-bnieden matul ħajtu, għax l-arti hekk hi. L-arti tibqa’ biex twassal messaġġ, tagħti esperjenza u tfarraġ.
Kemm teħodlok ħin biex itella’ wirja bħal din b’numru pjuttost kbir ta’ xogħlijiet?
Normalment ma jkollix ix-xogħol lest. Nippreferi nagħmel data għall-wirja u naħdem għaliha. Ix-xogħolijiet u ż-żmien iwassluni biex nagħżel ċertu xogħol, is-suġġett,
l-istili, l-isem u ħafna affarijiet oħra mal-wirja.
Il-wirja max-xogħol teatrali L-Għalliema, naħseb kienet l-ewwel kollaborazzjoni tiegħek ma’ grupp teatrali. X’kien? Taħseb li tagħmel xi ħaġa simili ’l quddiem?
Il-wirja kienet tikkumplimenta sew L-Għalliema. Is-suġġett kien l-ingustizzji u l-moħqrija tal-bniedem. L-arti li kelli kollha kienet magħmulha fuq dan il-kunċett li fil-fatt hi realtà li narawha kuljum anke hawn Malta!
Iva, lest li nagħmel xi ħaġa simili jew noħloq xogħol ġdid ma’ dak li jkun qed jiġi preżentat. L-arti hi ħaġa waħda, sew jekk viżiva, mużikali, drammatikali jew kull forma oħra. L-arti qiegħda hemm biex tagħti esperjenza, esperjenza li tibqa’ għal dejjem.
fpulis@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt