18 ta' Marzu 2007 • Nr 20

Arkivji




 

 

 

18 ta' Marzu 2007
Il-kaċċaturi u n-nassaba huma nies ta’ l-affari tagħhom

Li kieku mhux għal xi impjegati fil-media, leħen il-Moviment Kaċcatturi Nassaba Ambjentalisti ma jkunx jista’ jasal fejn għandu jasal. Ftit huma dawk il-ġurnali jew xi mezzi oħra tal-media lokali li jagħtu spazju lill-Moviment biex iwassal il-vuċi jew messaġġ tiegħu.
Għaldaqstant l-istess Moviment ma jistax ma jesprimix is-solidarjetà tiegħu ma’ dawk li nhar l-Erbgħa, 7 ta’ Marzu setgħu b’xi mod jew ieħor sfaw vittmi fl-inċidenti li nqalgħu waqt il-protesta li saret fil-Belt permezz ta’ l-atteġjament negattiv ta’ xi wħud.
Bla tlaqliq il-Moviment jaqbel u jemmen fl-istess prinċipji li għalih kienet qed issir il-protesta, imma ma jaqbel xejn dwar l-istrateġija użata minn min organizza u mexxa l-istess protesta. U dan fid-dawl ta’ kif qed jiżvolġu l-affarijiet, u l-prezz qares li qed ikollhom iħallsu għaliħ intortament il-kaċcaturi u n-nassaba.
Sħabna l-ħaddiema tal-media lokali jagħmlu ħażin li jitfgħu lill-kaċċaturi u lin-nassaba f’basket wieħed. Żgur li ma kellhomx għalfejn jiġġeneralizzaw fil-kritika tagħhom u qatgħu lill-istess kaċċaturi u n-nassaba bħala nies barbari, meta dan mhux il-każ.
Il-kaċċaturi u n-nassaba huma nies responsabbli u ta’ l-affari tagħhom. Li kellu jiġi ikkundannat kien l-atteġġjament negattiv ta’ xi wħud u mhux fil-kuntest tagħhom dak tad-delizzju li huma prattikanti tiegħu.
Il-kaċċaturi u n-nassaba huma nies tad-demm u l-laħam bħal ħaddieħor, ma jagħtu fastidju lil ħadd u m’għandhomx jiġu kkundannati għal dak li huma jippratikaw legalment jew li jissejħu għalih fil-kapaċità tagħhom.
Il-Moviment Kaċcaturi Nassaba Ambjentalisti jħoss li s-sitwazzjoni li jinsab fiha d-delizzju tal-kaċca u l-insib ma ġiex b’xi kumbinazzjoni imma hu xi ħaġa li ilha tinħema ftit ftit u laħqet il-qofol tagħha issa.
Imma min kellu jara li l-affarijiet ma jaslux safejn waslu llum naqas minn dmiru u ma ħax il-pożizzjonijiet meħtieġa jew dawk neċessarji minħabba raġunijiet li jafhom hu biss.
F’dawn iċ-ċirkostanzi l-kaċċaturi u n-nassaba ma kellhom l-ebda bżonn li jidħlu f’xi konfronti ma’ xi ħadd.
Is-serenità li toffri l-kampanja Maltija u l-irdoss tad-duri tagħhom waqt il-prattika tad-delizzju tagħhom ma nħamlitx minn min irid joħdilhom posthom bl-appoġġ tal-barranin b’nisel Ewropej.

Edward Decelis
Segretarju Generali
Moviment Kaċcatturi Nassaba Ambjentalisti

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt