Fl-okkażjoni tal-50 Sena ta’ l-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen, il-Kumitat ħaseb biex ifakkar din il-ġrajja billi organizza Akkademja Vokali u Strumentali fil-Knisja Parrokkjali ta’ Birżebbuġa nhar is-Sibt 24 ta’ Frar.
Il-programm, li kien taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta Edward Fenech Adami, kien varjat u mpenjativ ħafna. Żgur li siltiet bħal Ave Maria, The Prayer, Panis Angelicus u Va Pensiero fost oħrajn paxxew il-widna ta’ dawk kollha preżenti.
Żewġ siltiet oħra kienu l-Kantata ta’ San Pietru, jew kif magħruf ‘L-Innu l-Kbir’, kliem u mużika ta’ l-eks-surmast tal-Banda, Mro. Frank Galea li kien tah lill-Għaqda waqt ċerimonja tal-ħatra tiegħu fl-1981 u l-oħra hi Omaggio A San Pietro, miktuba minn Prof. Mro Charles Zammit, li kien l-ewwel surmast tal-Banda San Pietru fil-Ktajjen.
Fuq inizjattiva ta’ l-assistent surmast Saviour Fenech ingħatat il-mużika lil Chev. George Bianchi biex jinseġ il-kliem ta’ tifħir u kif jixraq lil San Pietru.
Ma nistax ma nsemmix il-parteċipazzjoni tal-brava mezzo sopran Lucienne Cassar, li hi mir-raħal tagħna kif ukoll membru ta’ l-istess għaqda, il-Kor l-Amadeus Chamber Choir, is-sopran Michelle Cachia Castelletti, it-tenur Brain Cefai u l-baxx Albert Buttigieg fejn kollha taw interpretazzjoni tajba ħafna.
Grazzi mill-qalb lil dawk kollha li taw sehemhom, speċjalment lill-Kumitat Kummissjoni 50 Sena u tal-Kummissjoni Banda. Ħajr speċjali lis-Surmast Direttur Chev. Mro Vincent Bonnici, li taħtu kienet id-direzzjoni; Saviour Fenech u Matthew Fenech li għamlu l-almu tagħhom biex il-mużika magħżula tinżel tajjeb u tiġi apprezzata kif ukoll lill-bandisti kollha li taw is-sehem sħiħ tagħhom.
Il-preparazzjoni, il-ħidma, l-impenn u s-sagrifiċċji kienu kbar iżda żgur li kif għadda kollox u tara li kollox mar kif mixtieq, tispiċċa tieħu sodisfazzjon kbir. Jalla din is-sena anniversarja tkompli fuq it-triq it-tajba ta’ suċċess taħt il-ħarsien ta’ San Piertu.
Ivan Zammit
Segretarju
Kummissjoni Ħamsin Sena
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt