18 ta' Marzu 2007
Ninsew id-differenzi f’Raħal Ġdid
L-elezzjonijiet għall-kunsilli lokali għaddew. Issa dawk il-votanti ħomor, blu, ħodor u l-votanti assenti, nispera li kulħadd qiegħed jerġa’ jiġi għar-rutina normali tal-ġurnata.
Nitlob lill-kunsill l-ġdid biex jinsew il-kuluri u jibdew jaħdmu għall-belt tagħna, Casal Paola, mingħajr distinzjoni bejniethom.
Dan qiegħed nitolbu biex dak iż-żmien ta’ disgwid li ntilef fil-kunsill preċedenti jiġi rkuprat. Għalkemm il-punti li jien issuġġerejt f’isem l-Alternattiva Demokratika forsi ma ġewx miftiehma mill-maġġoranza tal-Pawlisti nemmen li jekk wieħed joqgħod jistudjahom mingħajr il-passjoni politiċi għandhom jiftiehmu aħjar u jiġu attwati għal dan il-lokal.
Il-punti huma:
- Il-Power Station tal-Marsa għandha tingħalaq illum qabel għada. Sakemm il-Power Station ma tagħlaqx għandu jsir ftehim bejn il-Kunsill u l-Gvern tal-ġurnata biex ir-residenti ta’ Raħal Ġdid jieħdu skont fuq il-kontijiet tad-dawl.
-Tinstab l-aħjar soluzzjoni bejn il-Kunsill u l-banek kif għandha tiddaħħal is-sistema tal-Photovoltaic Panels (elettriku mix-xemx) bl-inqas spejjeż possibbli għar-residenti ta’ Raħal Ġdid.
- Jiddawlu u jitwaħħlu kameras C.C.T.V. fil-ġonna pubbliċi biex jitnaqqas fihom il-vandaliżmu u l-abbuż mid-droga.
Nirringrazzja lill-poplu ta’ Raħal Ġdid għas-solidarjetà li wera lejja waqt il-kampanja elettorali għall-Kunsill ta’ dan il-lokal. Martin Brincat
Raħal Ġdid
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt