18 ta' Marzu 2007 • Nr 20

Arkivji




 

 

 

18 ta' Marzu 2007
Tistidnux għax jista’ jgħallik!

Franica Pulis tintervista lil Walter Micallef

“Ħa nibda hekk, ara. Ħa nagħmel stqarrija: Jien miniex kontra l-kaċċa. Jien kontra l-qtil bla bżonn għal sport jew għal xejn b’xejn, għal gost. Ta’ kwalunkwe annimal, mhux tat-tajr biss, anki ta’ annimali li rridu nikluhom. Il-qtil ta’ xejn b’xejn, dik ma nistax għaliha u ma naċċettahiex. Il-kaċċa naħseb li hi xi ħaġa li qiegħda fil-bniedem irridu u ma rriduhiex. Hemm min jikkontrollaha u hemm min le. Imma ma nistax inħares lejha bħala sport,” qal Walter Micallef meta staqsejtu dwar il-kaċċa.
Walter Micallef hu wieħed mill-ftit kantawturi li għandna f’Malta. Iżda wisq probabbli hu l-uniku wieħed li jitkellem fuq temi soċjali, li jitkellmu dwar abbużi fuq tfal u nisa, u oħrajn politiċi u ambjentali b’mod niggieżi u ta’ spiss. Hu magħruf l-aktar għad-diska Sieħbi fil-cupboard tal-kċina li kien kanta għall-Għanja tal-Poplu fl-2001.
Dan ix-xahar se joħroġ it-tieni cd tiegħu, Ħamsin, li jikkunsidraha bħala waħda personali. Hu mimli b’diski b’temi serji ferm. Imbagħad f’nofshom issib waħda dwar Pino, il-qattus griż!
B’daħqa jkellimni dwar dan Pino, qattus li kien tiegħu proprja u kien iħossu li ħadd ma jista’ għalih. Micallef kitiblu diska.
“Kelli ħafna nkwiet bil-ġirien minħabba fih u kien wieħed mill-aktar għal qalbi bħala qattus. Kienu qaluli li ħarab mid-dar. Jien ma nemminx li ħarab imma ma nafx eżatt kif spiċċa, li hi ħasra… Pino, li l-karattru tiegħu qisu bniedem, jirrifletti ħafna l-ħajja tagħna u forsi għandi xi naqra minnu jien ukoll,” spiċċa jgħid bi tbissima fuq fommu.
Inkompli nistaqsih dwar is-cd u kif minn 12-il diska, sebgħa minnhom huma dwar l-imħabba, xi ħaġa li ma kienx għamel fl-ewwel cd tiegħu M’Jien Xejn. Il-kanzunetti li kiteb dwar l-imħabba huma b’suġġetti varjati u kważi f’kollha jitkellmu dwar xewqa għal sieħba li f’dak il-ħin mhix preżenti, għalkemm kollha minn aspett differenti.
Walter jibda billi jsostni li l-kanzunetti tiegħu huma personali, tant li anki jistgħu jitkantaw minn tfajla. Ħafna minnhom għadda minnhom hu stess jew ġarrbuhom ħbiebu. “Huma aktar ħsieb ta’ persuna waħda minn tnejn. Ħafna minnhom qegħdin jittrattaw dwar uġigħ jew inkella esperjenzi naqra koroh. Per eżempju, Ma Temminnix, hi waħda qawwija ħafna. Suġġett li ftit li xejn jiktbu dwaru hawn Malta. Il-fatt li bniedem diġà qiegħed f’relazzjoni jew miżżeweġ u għandu ġibda jew għandu relazzjoni ma’ persuna oħra u ma jistax jeħles minnha. Hi sitwazzjoni komuni ħafna hawn Malta imma donnu ħadd ma jitkellem dwarha,” żied jgħid il-kantawtur.
It-tema ta’ l-imħabba użaha daqstant biex jibbilanċja l-bqija tad-diski, speċjalment it-tnejn “tat-tajr” li huma qawwija ħafna.
“Tiskanta, in-nies forsi lili jafuni bħala wieħed ta’ protesta. Għanjiet għandi ħafna u ħafna aktar għax hi l-iktar ħaġa li nikteb dwarha,” kompla jgħid Walter.
Nerġa’ naqbadlu fuq il-kaċċa u fuq li ġara l-ġimgħa li għaddiet fil-Belt Valletta.
“Li ġara fid-dimostrazzjoni tal-kaċċa hi ħasra. Nemmen li bniedem għandu jkollu xi ħaġa li jiżvoga biha. Għalkemm nerġa’ ngħid li miniex favur il-qtil bla bżonn ta’ l-annimali. Li jinqalgħu dawk l-inċidenti hi xi ħaga li hawn Malta donnha nagħmlu x’nagħmlu qisna qatt mhu ħa noħorġu minnha. Nittama li għada pitgħada l-poplu Malti jimmatura biżżejjed li jista’ jaċċetta kritika u jaċċetta li mhux dejjem jista’ jieħu dak li jrid wara kollox.
“Dwar ir-riżultati mill-Gvern; jien wieħed minn dawk li vvutajt ‘Iva għall-Ewropa’ għax nixtieq li ħafna mir-regolamenti Ewropej ikunu addattati għal Malta. Naturalment, fuq l-ambjent, li hu diżastru, u anki l-kaċċa hi waħda minnhom,” sostna l-kantawtur.
Naqbadlu fuq l-abbuż fuq in-nisa u t-tfal li spiss jissemmew fil-kanzunetti tiegħu. Għaċ-Ċkejkna fil-fatt hi dwar omm imsawta li tibqa’ ma’ żewġha abbużiv għax tibża’ li jekk lil bintha ċċaħħadha minn missierha ’l quddiem ma taħfrilhiex.
“L-abbuż tat-tfal hu suġġett ieħor li hawn Malta ma tantx tisma’ dwaru fuq il-mezzi tax-xandir. Huma affarijiet li pjuttost nitfgħuhom taħt it-tapit. Nafu li jeżistu. Nafu li hi xi ħaġa kerha u ma teżistix hawn Malta biss, imma, ftit li xejn nisimgħu dwarhom. Jien inħoss li għandi mod kif nista’ nesprimihom u mmexxihom għax mhumiex affarijiet żgħar. Inħoss li hawn Malta l-moħqrija fuq it-tfal hi kbira. Allura wieħed għandu jsemmiha,” qal Micallef.
Naqleb għat-tema ta’ l-ambjent. Fis-cd l-oħra għandu kanzunetta bl-isem ta’
In-Nofsinhar li kienet tiddiskrivi n-naħa t’isfel ta’ Malta bħala l-miżbla ta’ Malta minħabba l-power station, l-freeport u dak kollu li nbena u kerah l-ambjent. Staqsejtu jekk minn dakinhar ’l hawn l-affarijiet inbidlux u jekk Malta saritx il-miżbla kollha ta’ Malta.
“Inħoss li Malta kollha saret il-miżbla, iva. Miżbla fis-sens, l-ewwelnett m’għadx baqa’ fejn it-tfal jilagħbu u fejn tista’ tmur tieħu n-nifs li tista’ tgħidlu nifs. Illum il-ġurnata sirna niġġieldu biex ma jqaċċtux is-siġar mit-toroq. Din hi redikola. Għandna problema ta’ l-arja u flok niżirgħu iktar siġar naraw kif inqaċċtuhom biex nibnu iktar għoli. Mhux għax tibni iktar għoli għax ħdejh, minflok tagħmel spazju għall-arja fejn tista’ tmur timxi, qed jibnu bini għoli wkoll. Wieħed prattikament imiss ma’ l-ieħor li qed jeqred dan il-pajjiż kompletament. Kruha!
Apparti li wieħed kif jitmattar fil-gallarija jmiss ’il ta’ ħdejh. Minbarra l-kwantità ta’ bini vojt li qed jibqa’. Għaliex tibni iktar jekk li għandek lanqas biss qed jinbiegħ?” kompla jistaqsi Walter.
Kemm tħossok inutli f’affarijiet bħal dawn?
“Ħafna. Illum għandi 51 sena. Mindu kelli 14-il sena ili nikteb dawn it-tip ta’ kanzunetti u qisni dejjem nirrepeti l-istess ħaġa. Kanzunetti li ktibthom 20 sena ilu għadhom jiswew daqslikieku ktibthom ilbieraħ. Sieħbi jgħid, ‘Għad nirbħu!’ Nirbħu fis-sens li l-affarijiet jinbidlu imma kultant niddubita. Mhux għax naqta’ qalbi, taf, għax sakemm nibqa’ ħaj nibqa’ niktibhom dawn il-kanzunetti żgur!” żied Micallef.
Staqsejtu dwar iċ-ċensura li kellu s’issa. Spjega li kulma ċċensurawlu kien kliem ta’ kanzunetti li ġieli daħħal għal xi festival li fil-fatt ġibed aktar attenzjoni bihom. Fis-Snin Sebgħin kellu ċerti diski li kienu “meqjusa bħala ribellużi u kontra l-establishment li kienu qajmu ftit ferment.”
Iżda mill-bqija qatt ma kellu ċensura totali għalkemm ġieli jħoss dik sottili. Illum il-ġurnata jħoss li hemm iktar libertà biex tkantahom ċerti diski.
“Għalkemm inħoss li xorta jkun hemm dik iċ-ċerta arja ta’ ‘Tistidnux fuq ir-radju jew it-televiżjoni għax jista’ jgħallik’, għalkemm mhix uffiċjali u ma tidhirx daqshekk. Ngħid il-verità kulmin qalli biex immur inkantalu, anki jekk ma naqbilx miegħu fil-prinċipju, immur għax jien inkanta l-kanzunetti tiegħi. M’għandix cover versions allura mmur inkanta xorta,” qal il-kantant.
Xi proġetti għal futur? Xi Eurovision, per eżempju?
“Le! Eurovision qatt!” wieġeb b’daħqa kbira fuq wiċċu. “Il-Eurovision sakemm jibqa’ li bl-Ingliż, m’għandi xejn kontra l-Ingliż, imma sakemm nibqgħu ngħidu li rridu ndaħħluha bl-Ingliż, jien żgur ma niktibx. U l-istil tiegħi mhux tal-Eurovision. Il-festival hu kummerċjali. Ma nsegwihx biex ma noqgħodx nindanna għax kultant ngħid li hemm ħafna flus li qegħdin jiġu ppumpjati għalih u lura mhu ħa nieħdu xejn.
“Jekk verament hu showcase tal-kanzunetta Maltija ma’ l-Ewropa kollha, kemm hawn kantanti Maltin li għamlu suċċess barra? Tista’ tgħoddhom fuq subgħajk, ” żied Walter.
Għal futur għandu maħsuba diski miktubin bil-Malti b’mużika fuq sfond klassiku bi strumenti tan-nifs u tal-korda. Diġà ta kunċerti privati b’din it-tip ta’ mużika u ntlaqqgħet tajjeb ħafna.
“Għandi ħafna iktar proġetti ta’ f’moħħi. Ħin u flus m’għandhiex, li huma l-problema ta’ kollox! Bħal dan is-cd, ilna sentejn biex ħriġnieha!”

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt