Hemm min jgħid li l-PN mar ħażin, li l-Alternattiva ġabu riżultati sbieħ u li l-MLP rebaħ. Jien ngħid li rebħu r-residenti fl-elezzjoni tal-10 ta’ Marzu.
Ir-residenti taw prova li mhux ta’ min jeħodhom biċ-ċajt f’lokalitajiet bħal Munxar meta tant irregolaritajiet saru bil-barka tal-PN u l-kunsilliera tal-MLP. Kien proprju hawn li l-Alternattiva ġabet l-akbar suċċess ta’ kważi 12 fil-mija tal-voti.
U xi ngħidu għal-lokalitajiet l-oħra bħal Raħal Ġdid? F’din il-lokalità kelli esperjenzi li tgħallimt ħafna minnhom. Matul iż-żjajjar tiegħi lir-residenti flimkien mal-kandidat tagħna tisma’ lil kulħadd b’vuċi waħda li t-telqa fir-raħal tagħhom hi tal-biża’.
Rajt b’għajnejja stess siringi tad-droga fil-ġonna pubbliċi u ġenituri nkwetati li ma jistgħux jafdaw liċ-ċkejknin tagħhom jilagħbu barra mid-dar minħabba dan il-periklu. Kienet xi ħaġa xokkanti li kważi kull dar li ħabbatna ltqajna ma’ adulti u tfal li jbatu bin-nifs minħabba t-tniġġis ta’ l-arja. Allura wieħed jistaqsi: għaliex l-Alternattiva ġabet kważi erbgħa fil-mija tal-voti u n-nies ma vvutawx bil-qawwa lill-kandidat ta’ l-AD?
L-istess ġara fil-lokalità tal-Mosta. Il-kandidat ta’ l-Alternattiva kiseb ukoll kważi erbgħa fil-mija tal-voti. Kien ukoll fatt kurjuż li ltqajna ma’ residenti li wara li investew tant flus fil-proprjetà tagħhom bilkemm riedu jemmnu li faċċata ta’ djarhom inħareġ għall-iżvilupp minflok il-kampanja li ħolmu li se jgawdu għal tul ta’ żmien. U anki n-nies tal-Gżira. Kulfejn tara krejnijiet u traffiku. Possibbli li r-residenti tal-Gżira jaċċettaw li l-lokal tagħhom jispiċċa lembut għat-traffiku kollu li jrid igħaddi għal Tas-Sliema u l-inħawi tal-madwar? Ma naħsibx. Imma allura għaliex in-nies ma vvutawx bil-qawwi anki hawnhekk favur l-Alternattiva?
Żgur mhux tort tar-residenti. Il-ħtija hi tagħna li ma ikkomunikajniex b’mod effettiv ma’ dawn in-nies. Irridu nagħmlu xi ħaġa dwar dan qabel ma jkun tard wisq għal dawn il-lokalitajiet u tant oħrajn bħalhom.
Interessanti però li r-residenti ta’ Ħ’Attard u s-Swieqi għamlu deċiżjoni differenti. Ukoll dawn iż-żewġ lokalitajiet inħakmu minn żvilupp xejn sostenibbli. Djar sbieħ jinbidlu f’gebubi ta’ flettijiet, wesgħat miftuħa jinbidlu f’aktar konkos u siment u t-traffiku xejn kontrollat. Iżda jidher li l-viżjoni ta’ l-Alternattiva dwar is-saħħa u l-kwalità ta’ ħajja aħjar waslet sew għand in-nies t’hawnhekk u għalhekk tellgħu lill-kandidati ta’ l-AD bil-kwota meħtieġa.
L-Alternattiva Demokratika qatt ma tista’ tfittex maġġoranzi assoluti. Anzi l-Alternattiva nħolqot sabiex verament ikun hawn demokrazija fejn il-poter ikun f’idejn ir-residenti u mhux f’idejn min għandu l-maġġoranzi!
U ma jistax ikun li ssir xi tip ta’ analiżi mingħajr ma wieħed jikkunsidra b’serjetà kbira lil dawk l-eluf li jiddeċiedu li ma jivvutawx jew imorru jivvutaw u jħassru l-vot tagħhom. Darba jien ukoll kont wieħed minnhom u naf x’jiġifieri. Il-politika hi proċess. U jien għaddejt minn dan il-proċess. Indunajt li jekk ma nivvutax ikun ifisser li qed ngħid lil kull politikant biex jagħmel bija dak li jrid. Jien ma rridx hekk. Meta tlift il-fiduċja fil-partiti tal-maġġoranzi assoluti ddeċidejt li nivvota lil dak il-partit li jista’ jinfluwenza u li jġib lill-partiti l-kbar jaħdmu flimkien għall-interess tan-nies u mhux għall-interessi tal-partit.
Kont iddejjaqt nisma’ l-partiti l-kbar jgħoddu l-persentaġġi biex ikollhom biex jattakkaw lill-partit tellief. Bdejt nivvota Alternattiva. Ma jiddispjaċinix. Inħossni issa ħieles fil-ħsieb politiku tiegħi. Fejn hu ħażin ma niddejjaqx ngħid li hu ħażin, jagħmlu min jagħmlu, u fejn hu tajjeb lanqas niddejjaq infaħħar lil min ikun wettqu. Naħseb li kien hawn ħafna li għamlu bħali f’din l-elezzjoni u ninsab ċert li aktar ma jgħaddu l-jiem se jkun hawn aktar li jifhmu li huma aħna l-votanti li nistgħu nġibu din il-bidla.
Nixtieq nirringrazzja li dawk il-ħafna Maltin u Għawdxin li wara dan ir-riżultat bdew jikkomunikaw ma’ l-Alternativa Demokratika anki permezz ta’ l-emails. Uħud minnhom fehmu li l-AD hi forza politika li mhux ta’ min jinjoraha. Oħrajn qed juru x-xewqa li jsiru jafuna mill-qrib u mhux kif jirrappurtawna n-NET jew is-Super One. Inkompli ngħidilhom li fl-Alternattiva jsibu l-ispazju kollu li għandhom bżonn biex iġibu bidla ta’ kif għandha ssir il-politika f’pajjiżna. Nemmen li ma jdumx ma jasal iż-żmien biex, bħal kull pajjiż Ewropew ieħor, il-poter jibda jingħata lin-nies u mhux lill-partiti tal-maġġoranzi.
Victor Galea hu
Segretarju Ġenerali AD
info@alternattiva.org.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt