18 ta' Marzu 2007 • Nr 20

Arkivji




 

 

 

18 ta' Marzu 2007
Tkaxkira nazzjonali

Meta taqbad ir-rankatura għan-niżla jkun diffiċli biex iżżomm il-brejkijiet. Ikun diffiċli iktar biex iddur f’daqqa u tmur fid-direzzjoni opposta. Hekk ġralhom in-Nazzjonalisti bir-riżultat ta’ l-aħħar elezzjoni tal-kunsilli lokali. Għal darb’oħra reġgħu tilfu bil-kbir u jekk jibqgħu sejrin hekk fl-elezzjoni ġenerali li jmiss se jaqilgħu tkaxkira li tibqa’ tissemma’ fl-Istorja.
Iktar kemm jgħidu li l-elezzjonijiet lokali m’għandhomx x’jaqsmu ma’ l-elezzjonijiet ġenerali iktar jikkonfermaw kemm il-politika nazzjonali tagħhom mhux qed tasal għand il-poplu, jew jekk qed tasal, il-poplu qed juri li mhux kuntent biha. Kieku verament il-ħidma tal-Gvern qed tħalli l-frott li jista’ jitgawda miċ-ċittadin, iċ-ċittadin kien jirraġuna mod ieħor anki jekk l-elezzjonijiet isiru fuq bażi lokali.
F’ċirkostanzi bħal dawn, fejn bis-sistema li għandna l-partit jiġi qabel l-interess tal-lokal kif jiġri fl-elezzjonijiet ġenerali, ma kienx ikun hemm għalfejn għexieren ta’ eluf ta’ votanti jiddeċiedu li ma jmorrux jivvutaw jew li f’ċerti lokalitajiet il-maġġoranza tal-voti jinqalbu ta’ taħt fuq. Li kieku fil-pajjiż hawn arja ta’ feel good factor din kienet tkun riflessa wkoll fuq livell lokali. Għalhekk hi ħrafa meta n-Nazzjonalisti jgħidu li l-elezzjonijiet lokali m’għandhom l-ebda sinifikat dwar ix-xejriet ta’ l-elettorat fl-elezzjoni ġenerali.
Hu daqstant ieħor raġunar imqanżaħ meta jippruvaw ipinġu sitwazzjoni li tista’ titlef l-elezzjonijiet lokali imma tirbaħ l-elezzjonijiet ġenerali qisu din xi ħaġa normali. L-elezzjoni ġenerali ta’ l-2003 intrebħet biss fuq l-għajta ta’ l-Ewropa. U r-rebħa ma ġietx biss għax kien hemm floaters li għażlu din it-triq imma wkoll għax Laburisti vvutaw favur l-Ewropa.
Għalhekk m’hemm l-ebda sugu li toqgħod iġġib bħala prova din l-elezzjoni fil-konfront tar-riżultati ta’ l-elezzjonijiet lokali ta’ l-2001 u l-2002. In-Nazzjonalisti jridu jifhmu li daħlu fi sqaq li diffiċli joħorġu minnu. Jekk isibu mezz żgur li se jkun kważi impossibli li jwettquh fiż-żmien qasir li baqa’ sa l-elezzjoni ġenerali. L-ewwel iridu jammettu li ilhom 20 sena fil-poter u jaħdmu fuqha bis-serjetà. Dan minnu nnifsu jpoġġik fi żvantaġġ għaliex tibda taħseb li dak li ma jsirx f’100 sena ma jistax jinbidel f’minuta!
Il-Laburisti jridu jirbħu l-elezzjoni ġenerali fuq il-mertu tagħhom u mhux għax ikunu tilfu n-Nazzjonalisti. Jiksbu l-fiduċja tal-poplu għax dan jemmen li l-Laburisti huma mħejjijin sew biex jagħtu direzzjoni aħjar lill-pajjiż u jtejbu verament il-qagħda tal-livell tal-għixien tal-poplu.
Daqstant ieħor ma jiswiex ħobż għan-Nazzjonalisti li jinfexxu f’attakki kontinwi fuq l-Oppożizzjoni u jbeżżgħu bil-babaw jekk Alfred Sant jerġa’ jsir Prim Ministru. Din l-istrateġija mhix effettiva biżżejjed biex in-Nazzjonalisti jerġgħu jiksbu l-fiduċja tal-poplu. Huma wkoll iridu jirbħu fuq il-mertu tagħhom.
SmartCity, il-Mater Dei u d-dħul fiż-żona Ewro mhumiex kwistjonijiet li jiffavorixxu lin-Nazzjonalisti b’mod li jassiguraw ruħhom minn rebħa elettorali. Filwaqt li m’hemmx dubju li dawn huma proġetti li jkomplu jsaħħu l-fibra tal-pajjiż, il-frott tagħhom jiddewwaq l-aħjar minn ġenerazzjonijiet futuri. Forsi sfortunatament l-elettorat tal-lum mhux se jilħaq iduq l-benefiċċji ta’ proġetti bħal dawn u għalhekk meta jiġi biex jivvota mhux se jagħtihom l-importanza li jaħsbu li għandu jkollhom il-politiċi. Iċ-ċittadin igawdi daru meta jingħata ċ-ċwievet u mhux meta jagħmel l-att tal-konvenju jew meta jara d-disinn tad-dar fuq il-pjanta!
Fid-dikjarazzjoni tat-twemmin tan-Nazzjonalisti hemm imniżżel iswed fuq l-abjad li l-bniedem għandu jkun iċ-ċentru tal-ħidma politika. Ideoloġikament in-Nazzjonalisti jemmnu li l-Istat għandu jkun ta’ servizz għaċ-ċittadin u mhux bil-kontra. Imma dan kollu jindifen fl-imħażen tad-dokumenti u l-ideoloġiji għax meta niġu fil-prattika ċ-ċittadin fil-maġġoranza tiegħu qed juri stmerrija għall-ħidma tal-Gvern u l-politiċi li jiffurmawh.
L-imsejjaħ progress u ġid li ġab dan il-Gvern mhux qed jasal fid-djar tal-familji tagħna. Ħloqna ż-żewġ dinjiet: dik tal-politiċi li jiggvernaw u dik taċ-ċittadin li jeleġġihom. It-tnejn ngħixu fuq l-istess art iżda mhux it-tnejn fuq l-istess livell.
L-isfortuna għan-Nazzjonalisti hi proprju din. Dawk fis-sular t’isfel mhux qed isibu l-wens minn dawk tas-sular ta’ fuq. Ta’ fuq qed jinqatgħu minn t’isfel u qed jaħsbu li mill-pożizzjoni tagħhom jistgħu jaraw id-dinja ta’ madwarhom aħjar mill-oħrajn u allura jiddettaw x’għandu jsir mingħajr ma jagħtu widen għall-għajta ta’ dawk t’isfel. Jekk il-mexxejja Nazzjonalisti mhux se jirrikonċiljaw fil-moħħ u fil-qalb man-Nazzjonalisti emarġinati mhux se jirnexxilhom jikkonvinċu lil dawk li ma vvutawx fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali biex jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali.
Jekk John Dalli mhux qed jingħata spazju biżżejjed minn ġewwa biex isemma leħnu u allura jkollu juża l-gazzetti biex iwassal il-vuċi tiegħu, diġà hi problema kbira. Agħar minn hekk, jekk ikun hemm (dawk tas-sular ta’ fuq) min jiddikjara li John Dalli qed jagħmel ħsara lill-partit, meta fil-fatt Dalli qed jiftaħ qalbu fil-beraħ għax ma jiflaħx jissaporti aktar u għax f’demmu għandu l-ġid u mhux id-deni tal-partit. Fil-Partit Nazzjonalista llum m’hemmx John Dalli wieħed!
F’sitwazzjoni bħal din ħaġa waħda hi ċerta: ir-rankatura ’l isfel twassal biss għal tkaxkira nazzjonali!

matyas@maltanet.net

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt