18 ta' Marzu 2007 • Nr 20

Arkivji




 

 

 

18 ta' Marzu 2007
Uġigħ ta’ ras

F’kull pajjiż demokratiku, u Malta mhix eċċezzjoni, ir-rieda tal-poplu kif imfissra fi kwalunkwè elezzjoni hi meqjusa bħala ritratt ta’ kif qed jaħsbuha n-nies dwar il-partiti politiċi.
Ir-riżultat elettorali ta’ nhar l-10 ta’ Marzu wera biċ-ċar li l-Partit Laburista qed igawdi maġġoranza kbira fil-pajjiż. M’hemm l-ebda tidwir tal-lewża f’dan.
Id-distinzjoni bejn ‘lokali’ u ‘nazzjonali’, li donnu jrid jagħmel il-Partit Nazzjonalista biex itaffi ftit mill-umiljazzjoni u jqawwi qalb il-partitarji tiegħu, ma tistax issir.
Jista’ jkun hemm każijiet iżolati fejn in-nies esprimew ruħhom fuq kwistjonijiet lokali, iżda meta partit politiku jibda jitlef l-appoġġ fuq firxa ta’ lokalitajiet fuq medda ta’ tliet snin sħaħ, il-messaġġ li jkunu qed jibagħtu n-nies ikun iktar minn sempliċi vot fuq jekk saritx il-bankina jew le.
Il-Partit Nazzjonalista għandu problema serja fuq idejh u minflok jagħraf din ir-realtà u jipprova jagħmel xi ħaġa dwarha qed ikompli jgħix l-illużjoni li minkejja dawn it-telfiet infila xorta jista’ jirbaħ l-elezzjoni ġenerali.
Jidher li fil-pajjiż teżisti maġġoranza ġdida u din mhix qed tappoġġja lill-PN. Il-kisbiet li għamel il-Partit Laburista fl-aħħar tliet snin juru biċ-ċar li iktar ma jmur iktar qed iżid fl-appoġġ.
Bil-kontra ta’ dak li qed jiddikjaraw uffiċjali tal-PN fil-miftuħ, hemm swing favur l-MLP. U mhux biss. L-elezzjoni li saret żewġ Sibtijiet ilu wriet ukoll li l-PN qed jitlef il-voti kemm lill-MLP kif ukoll lill-Alternattiva Demokratika.
Id-distakk li nbena bejn iż-żewġ partiti ewlenin hu kbir wisq biex ikun miknus taħt it-tapit bit-tama li l-ġirja sa l-elezzjoni ġenerali tkun biżżejjed biex iddawwar ir-rota bil-kontra.
L-analiżi li qed nippubblikaw illum turi li fiċ-ċirkostanzi tal-lum, biex il-PN ikun jista’ jaqleb il-maġġoranza li ġabar l-MLP, irid minn ta’ l-inqas jirbaħ lura 65 fil-mija ta’ dawk kollha li f’dawn l-aħħar tliet snin ma ħarġux jivvutaw.
Kulmin hu midħla ta’ l-elezzjonijiet f’Malta jirrealizza li din mhix biċċa xogħol faċli.
Minkejja l-miżuri li ħa fil-baġit biex jibda jtaffi mill-piż li twikkew bih il-familji f’dawn l-aħħar snin, jidher ċar li n-nies ma rrispondewx b’mod pożittiv. Hemm tliet fatturi ewlenin għalfejn il-baġit ta’ Gonzi ma ħalliex l-impatt mixtieq.
L-ewwel fattur hu ż-żidiet fil-pagamenti għal self fuq djar li sofrew ħafna familji s-sena li għaddiet u fil-bidu ta’ din is-sena. Il-flus żejda li suppost raw fil-pagi tagħhom minn Jannar dawn il-familji żvintaw f’pagamenti ogħla mitluba mill-banek.
It-tieni fattur hu l-għoli tal-prezzijiet speċjalment wara l-2004 meta għoliet il-VAT u ddaħħlet fuq firxa usa ta’ prodotti. Minn dakinhar sal-lum iddaħħlu wkoll l-eko kontribuzzjoni, is-sisa fuq it-telefonija ċellulari u s-soprataxxa fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma li komplew għollew il-ħajja. Ħafna raw il-valur tal-paga tagħhom jonqos u għadhom sal-lum iwasslu sa l-aħħar tax-xahar bil-ħniena.
Iżda t-tielet fattur, l-iktar wieħed li għandu jinkwieta lill-PN, hu li ħafna nies xebgħu jaraw l-istess uċuh fil-kuriduri tal-poter. Hemm l-għatx għall-bidla. Bidla fl-istil ta’ kif issir il-politika, bidla fl-uċuh, fl-attitudni u fil-mod ta’ kif ikunu indirizzati l-aspirazzjonijiet tan-nies.
Forsi din l-ikbar uġigħ ta’ ras li għandu Gonzi fix-xhur li ġejjin.

Twelid ġdid
Il-kumpanija proprjetarja ta’ din il-gazzetta dalwaqt se tilqa’ fi ħdanha wild ġdid. Nhar il-Ġimgħa l-MediaToday ħabbret uffiċjalment li se tkun qed tippubblika gazzetta ġdida bl-Ingliż kull nhar ta’ Erbgħa minn April li ġej.
Il-gazzetta se tkun verżjoni ta’ nofs il-ġimgħa tal-MaltaToday, il-gazzetta oħt, bl-Ingliż li toħroġ kull nhar ta’ Ħadd.
MaltaToday midweek hi ħolqa oħra fil-katina ta’ gazzetti friski li tippubblika l-MediaToday u se tkun qed toffri stejjer investigattivi, analiżi u kronaka għal dawk il-qarrejja li f’nofs il-ġimgħa jkunu jridu jduqu stejjer tajbin imma qosra.
Illum tawgura lit-tim ta’ ġurnalisti li se jkunu qed jaħdmu fuq il-proġett il-ġdid taħt id-direzzjoni ta’ l-editur Matthew Vella, kull suċċess.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt