Ma nafx x’taħwid ta’ temp hu dan. Għadna fil-bidu ta’ Marzu u hawnhekk it-tamal taħt il-weraq tal-palm ilu li ħaddar u beda jqadded, meta s-soltu qabel Ġunju ma jkunx għadu beda jsir. Imbasta s-sur Gorg Bush kien għamel dawk is-snin kollha ma jridx jiffirma l-Protokol ta’ Kyotu. Biex issa anki il-qamlu sur Gorg W. dwar it-tibdil fil-klima għax dan kollu ġabu fuq is-CNN ors polari qed jegħreq minħabba li dab is-silġ li kien jgħix fuqu. Aħjar tard milli qatt, forsi jirnexxielna nsalvaw id-dinja, ossija dak li għad fadal minnha.
Mela ftit tal-ġranet ilu rnexxieli nisraq nofs siegħa internet fuq il-kompjuter tal-Lance Bombardier li kien għassa magħna bil-lejl fil-kamp u li tgħidx kemm beda jogħnos, imlaħlaħ kif kien bil-whisky duty free. Irnexxieli nidħol bil-ħniena fuq is-Super 1 u naħseb kien diġà nofs il-lejl ħin ta’ Malta meta nara tnejn min-nies jitħaddtu fuq żewġ pultruni ħomor enormi mdawrin bi dlam ċappa.
Għall-bidu ħsibtu li kien programm tal-qari tax-xorti jew tal-problemi tal-qalb, imma kelli niskopri li dawn iż-żewġ sinjuri kienu qegħdin jitħaddtu fuq il-pulitika.
Kien hemm waħda li bdiet titkellem bil-pawżi u l-kadenzi qiesha kellha xi fiskla fil-warrani u ieħor li kellu ħarsa ta’ wieħed mgħejjem figlio di papa, kif jgħidu t-Taljani.
Dan it-tali beda jgħid li hu president ta’ xi partit u b’umiltà liema bħala beda jgħid li meta jkun barra minn Malta jaħsbuh li hu l-kap tal-partit għax fil-pajjiżi tal-kontinent il-president huwa kkunsidrat bħala l-kap.
Beda jiftaħar li jammira lil Tony Blair, proprju issa li s-sur Blair leħaq l-abbissi tan-nuqqas ta’ popolarità u lanqas l-attivisti Laburisti akkaniti tal-partit ma jridu jafu bih. U dan id-daddy’s boy tgħidx kemm ħawwad fuq li ħawwad fuq it-Third Way li apparti bħala kunċett ilu snin twal li dikjarat fallut, ma kienx Galbraith li varah kif qal hu, iżda Anthony Giddens.
Hawnhekk fl-Eġittu, is-sena d-dieħla, Hosni Mubarak se jkun għalaq 80 sena u ma nistax nemmen li għaddew kważi 27 sena mindu tqannejna bih.
Naturalment l-elezzjonijiet hawnhekk ma jsirux eżattament bil-fier u bil-ġustizzja. Imma lanqas l-elezzjonijiet f’Malta m’huma neqsin mill-maniġġi, mill-ingann u mill-manipulazzjonijiet. F’Malta jekk mhux se toqogħdu attenti se tispiċċaw b’sistema ta’ poter fejn anki l-alternanza bejn il-partiti tispiċċa titlef mis-sinifikat tagħha bħala l-minimu meħtieġ biex titħaddem d-demokrazija kif suppost.
Minn kif jgħidli l-għasfur li jirnexxilu jegħleb kull ostaklu u jpassi xorta waħda minn ġox-xita ta’ ċomb tal-kaċċaturi ta’ Malta, il-partiti politiċi huma suġġetti għal ħafna pressjonijiet u rikatti bil-fin jew bil-goff biex prattikament it-tnejn li huma jispiċċaw jikkupjaw lil xulxin ħalli jinżamm l-istatus quo u jiġu ssalvagwardjati l-interessi vestiti ta’ dawk li għandhom jippressaw fuqhom.
Is-sistema xejn trasparenti ta’ kif il-partiti f’Malta jiġbru l-flus min-nies tan-negozju żgur qed tikkontribwixxi biex il-partiti jispiċċaw inaqqsu ħafna mill-effettività u mis-saħħa morali tagħhom biex jagħmlu dak li għandhom jagħmlu mingħajr biża’ jew favur.
Ftit ftit f’Malta qed jiżviluppa klabb ta’ l-elite, ta’ ftit nies. Ikun hemm min ikun hemm fil-gvern dejjem se jkunu fil-gvern u se tgħaddi dejjem tagħhom.
Għadda minn għala widnejja li min-naħa tal-PN se jkun hemm min jargumenta li vera ilhom dan iż-żmien kollu fil-poter, bl-istess erba’ min-nies jilagħbu l-musical chairs u jħalltu u jaqsmu bejniethom, imma f’pajjiżi bħall-Iżvezja mhux l-istess ġara meta kien hemm is-Soċjal-Demokratiċi li għamlu dawk is-snin kollha fil-gvern?
Naturalment għad baqagħlu Gonzi x’jaqdef biex joqrob lejn difer ġgant politiku bħalma kien Olaf Palme li kien ta’ eżempju għall-bqija tad-dinja fit-tħaddim ta’ pulitika li bniet welfare state fuq pedamenti sodi. Jewilla tal-PN jekk għandhom jinvokaw preċedent fl-istorja ta’ Gvern li baqa’ jqadded fil-poter għal snin twal, mhux aħjar jagħmlu t-tixbiha ma’ sħabhom id-Demokristjani Taljani li magħhom kienu jaqsmu l-ideat u l-ideali sakemm sfaxxaw konsegwenza tat-Tangentopoli meta kienet infetħet beraħ kannierja ta’ oqbra mbajda mimlija skandli kbar ta’ korruzzjoni.
Inbus idejk!
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt