11 ta' Marzu 2007 • Nr 19

Arkivji




 

 

 

11 ta' Marzu 2007
Għanja ta’ poplu

Min mhux daqshekk midħla ta’ dak li jiġri fl-Italja, Sanremo jfisser ftit li xejn għalih. Għal min bħali jsegwi sew x’jiġri fl-Italja, Sanremo ta’ din is-sena kien ifisser ħafna.
Kienet edizzjoni straordinarja fejn iddominat il-mużika sabiħa u lirika mill-aqwa. Ma naqsux il-polemiċi u l-kontroversji u deffset ukoll denbha l-politka. Kien hemm min sostna li rebħet il-kanzunetta soċjalment impenjata fuq il-kanzunetta melodika li tradizzjonalment tillimita ruħha għal temi romantiċi ta’ imħabba possibbli jew impossibbli. Kien hemm min qal li ix-Xellug kien f’taqbida mal-Lemin anki f’Sanremo.
Ngħid is-sew kont iddiżappuntat xi ftit bil-fatt li l-kanzunetti favoriti tiegħi, ta’ l-aħwa Ġianni u Marcella Bella u tal-missier u l-iben, Roby u Francesco Facchinetti, inqatgħu xi ftit lura mill-ġurija esperta.
Il-fatt li din il-ġurija kienet imexxija minn Alba Parietti li għandha ħabta toqgħod tagħmilha ta’ intelletwali anki fejn m’għandhiex tagħmel dan, kien jispjega kollox.
Meta Fabrizio Moro, ir-rebbieħ tas-sezzjoni taż-żgħażagħ b’kanzunetta mill-isbaħ kontra Cosa Nostra, beda jisħaq mal-pubbliku biex ma jagħtux sinifikat żejjed lill-kliem tal-kanzunetta tiegħu għax fl-aħħar mill-aħħar kulma kienet kanzunetta, Parietti bdiet titolbu bil-ħniena lil Moro, ‘Jekk jogħġbok, tgħidilniex hekk għax aħna ivvutajnilek għax mingħalina li l-kliem tal-kanzunetta tiegħek ifisser ħafna għalik.’
Immaġina ftit Malta x’pajjiż hi bl-isforzi u r-riżorsi kollha tagħna mixħutin biex nipproduċu l-kanzunetti fuq l-imħabba fittizja tas-Seventh Wonder, ta’ l-Anġli u l-isturdamenti vertiġinużi biex forsi xi darba tiġina tajba f’festival mill-iktar kummerċjali bħalma hu l-Eurovision. Imbagħad l-Italja, il-pajjiż tal-kanzunetta, ma jiħux sehem fil-Eurovision u Sanremo jispiċċa jintrebaħ minn kanzunetta dwar pazjent f’manikomju li jagħmel suwiċidju u minn kanzunetta oħra kontra l-Mafja.
Li hu żgur, mhux veru li rebaħ l-impenn fuq il-melodija u l-lirika fuq il-mużika għax jekk nieħdu l-kanzunetta Pensa ta’ Fabrizio Moro, hi b’saħħitha u konvinċenti minn kull aspett.
Hi tribut mill-aqwa ddedikat lil Giovanni Falcone u Paolo Borsellino u sħabhom, meta lejn l-aħħar parti tal-vidjo li ntwera fuq il-palk tat-teatru Ariston, tidher folla nies fi pjazza u f’tarf minnhom oħt Borsellino, Rita, li kompliet iżżid il-karga emozzjonali wara din il-għanja kapulavur ta’ Fabrizio Moro.
F’Malta, Fior del Mondo, mhux biss, kanzunetti soċjalment impenjati hawn nieqes. Fejn hu t-teatru mpenjat tat-triq? Fejn hi s-satira politika? Fejnhom in-novelli u l-poeżija b’messaġġ soċjali li xxettlu fis-snin Sittin u Sebgħin?
Veru każ ta’ kemm konna aħjar meta konna agħar, meta konna għadna fi żmien il-brodu.
Sanremo ta’ din is-sena tana prova ħajja ta’ kemm tista’ tiddeverti u tieħu gost bil-mużika sabiħa u fl-istess ħin moħħok xorta waħda ma jiqafx jaħseb u josserva r-realtajiet ta’ madwarek. Qajla qatt qrajna, smajna jew rajna fil-media lokali dwar x’jiġri eżattament fl-isptar mentali ta’ dan il-pajjiż.
Aħseb u ara kemm qatt smajna għanjiet dwar manikomji f’xi festival tal-kanzunetta Maltija. Meta darba f’mitt qamar ikun trattat dan is-suġġett fuq it-televiżjoni, ħlief filmati mċajrpin ma jidhrux. Filwaqt li f’pajjiżi oħra ilhom jaħsbu biex jiftħu beraħ il-manikomji jew jagħlquhom darba għal dejjem, għax jimxu fuq l-idea li hemm ħafna iktar imġienen barra milli ġewwa l-manikomji, hawn Malta hawn dan il-ħabi u s-segretezza kollha.
L-istigma soċjali u l-biża’ li teżisti fir-rigward ta’ min isofri minn mard mentali hi verament qawwija iktar u iktar f’pajjiż daqs nitfa bħal Malta fejn kulħadd jaf lil kulħadd.
Il-mard mentali jaffettwa lil kulħadd bla distinzjoni, ġej minn liema strata ġej tas-soċjetà tagħna. Imma għandi impressjoni li anki minn dan l-aspett il-ħmar il-magħkus jispiċċa jdur għalih id-dubbien. Iktar m’għandek gwaj f’ħajtek u problemi tal-familja, il-probabbiltà li tinħakem minn din ix-xorta ta’ mard u li tirkadi u li tispiċċa maqful hi ferm ikbar. Dan it-tip ta’ mard jista’ jkun konsegwenza diretta ta’ ċerti problemi soċjali u tat-tiċrit li għandna fit-tessut soċjali tagħna.
Fuq it-TV ma nafx kemm il-programm ittella’ dwar nisa li jridu jkabbru jew iċekknu sidirhom, nisa li jridu jċekknu mneħirhom u b’tfajliet li jridu jneħħu l-pil kemm fejn jidher u anki fejn ma jidhirx. S’issa għall-grazzja t’Alla ma kien hemm l-ebda Arani’ssa dwar xi povru li jrid ikabbar jew iċekken ġismu.
Li hu żgur programm dwar x’hemm wara l-ħitan ta’ Monte Carmeli s’issa għadna qatt ma rajna għax fuq suġġett bħal dan tista’ tgħid kulħadd jippreferi jdawwar wiċċu n-naħa l-oħra u qajla tista’ ddawwar sold minn programmi bħal dawn.
L-unika indikazzjoni ta’ kemm huma mgħaffġin il-familji li ġejjin minnhom il-pazjenti ta’ l-isptar mentali, hu l-bus stop ta’ quddiem l-isptar minn fejn jirkbu tal-linja l-familjarji tal-pazjenti li jidhru skussjati għal kollox. Il-kuntrast mar-residenti ta’ Misraħ Kola li jużaw l-istess bus stop hu wieħed qawwi.
L-istigma dwar Monte Carmeli taħbi fiha ċirkostanzi inkwetanti li jitolbu spjegazzjoni li meta tlabtha bqajt mingħajrha. Sonia Camilleri kienet qalet pubblikament ftit tal-ġimgħat ilu li hawn tfal vittmi tal-vjolenza domestika li qed jispiċċaw maqfulin fl-isptar mentali għax id-dar fejn is-soltu jitpoġġew hi mimlija.
Is-silenzju ta’ l-awtoritajiet rigward dan l-ilment ta’ Mrs Camilleri jikkonferma li tassew ġrat din il-ħniżrija. Biex mingħalihom isolvu l-problema ta’ l-iffullar fl-Isptar San Luqa u tas-sodod fil-kuriduri, qabdu ’l hekk imsejħa każijiet soċjali, il-pazjenti li jiġu abbandunati l-isptar għax m’għandhom lil ħadd min idur bihom u tefgħuhom fi sptar mentali anki jekk m’għandhomx għalfejn ikunu hemm.
Fi kliem Simone Cristicchi, ir-rebbieħ ta’ Sanremo bl-għanja Ti Regalero Una Rosa: U l-jum u l-lejl jixxiebħu, bil-ftit dawl li jinfed mill-ħġieġ matt, għadni nagħmel taħti bil-biża’. Għas-soċjetà ta’ dawk b’saħħithom minn dejjem konna żibel, Riħa ta’ bewl u serratura, din hi marda mentali u ma teżisti ebda kura.

wenzumintoff@yahoo.com

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt