Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, sa minn meta kien magħruf bħala MCED u qbilna fuq l-Incomes Policy li kien l-uniku intervent ekonomiku sinjifikanti maqbul mill-imsieħba soċjali kollha, fetaħ mod ġdid ta’ kif ikun amministrat il-pajjiż. Min ma ħadimx fuq il-Kunsill għal ċertu żmien u ra ċerti żviluppi ma jista’ qatt japprezza dak li wettaq dan il-forum tripartitiku.
Li wettaq ma jidhirx, iżda l-fatt li pajjiżna llum m’għandux sistema ta’ Gvern fejn min għandu l-maġġoranza fil-Parlament jiddeċiedi waħdu iżda jagħti każ dejjem aktar ta’ dak li jgħidu l-imsieħba soċjali, hu frott ta’ snin ta’ xogħol, l-ewwel mill-MCED u wara mill-MCESD.
L-MCESD hu frott il-ħidma ta’ Lawrence Gonzi li sa minn meta kien Ministru tal-Politika Soċjali u Deputat Prim Ministru ħadem ħafna biex l-MCESD ikun żviluppat biex l-ewwelnett jitwaqqaf b’liġi u jkollu struttura legali u t-tieni biex il-Kunsill jieħu forma ġdida li tinkorpora s-soċjetà ċivili.
Jekk illum donnu li l-MCESD qiegħed jitqalleb dan hu wkoll ħtija ta’ Gonzi li m’għadux jagħti l-MCESD l-istess importanza li tah meta twaqqaf.
Illum, bħal dejjem, għandna Kunsill li hu konsultattiv u mhux eżekuttiv. Jiġifieri l-Kunsill ma jiddeċidiex u ma jwettaqx. Dan għaliex il-funzjoni eżekuttiva hi tal-Gvern immexxi minn ministri responsabbli lill-Parlament.
L-imsieħba soċjali jirrappreżentaw tliet blokki importanti f’soċjetà moderna: il-ħaddiema, min iħaddem u l-Gvern jew is-settur pubbliku.
Il-Kunsill maqsum eżattament fi tlieta u l-ebda naħa m’għandha piż aktar mill-oħra.
Iċ-Chairperson hu magħżul b’konsultazzjoni bejn it-tliet partijiet u jinnominah il-Prim Ministru. Il-Kap taċ-Ċivil hu Deputat eks-ufficio Chairperson. Il-Kunsill jappunta Segretarju Ġenerali mpjegat direttament mill-Kunsill u wkoll dawk l-eżekuttivi li hemm bżonn biex ix-xogħol isir sew.
Barra dan fil-Liġi li tfasslet bejn l-MCED u Lawrence Gonzi, qabel twaqqaf l-MCESD, ġie stabbilit b’liġi wkoll li jitwaqqaf il-Kunsill tas-Soċjetà Ċivili.
F’dan il-Kunsill hemm numru ta’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili kif stabbilit bil-Liġi. Dan il-Kunsill jiltaqa’ taħt l-Presidenza taċ-Chairperson ta’ l-MCESD li jirraporta lill-MCESD dak kollu li jkun deċiż f’dan il-Kunsill.
L-idea ta’ l-MCESD mhix li tkun eskluża s-soċjetà ċivili iżda l-prattiċità tgħid fejn diġà hi diffiċli għal tliet blokki li jifthiemu l-affarjiet, iktar jitqalu billi jidħol blokk ieħor. Jiġifieri ħadd mhu kontra li l-MCESD jitwessa’, imma kulmin għandu esperjenza jaf li aktar ma jitwessa’ anqas iċ-ċans li mill-MCESD joħorġu deċiżjonijiet miftiehma. Jekk jitwessa aktar jiddgħajjef milli jissaħħaħ.
Wieħed irid jiftakar li l-MCESD mhux Parlament ta’ l-imsieħba soċjali. Vera li hu l-aktar li jixbaħ lil European Economic and Social Council tal-Unjoni Ewropea li fil-fatt hu l-Parlament Ewropew ta’ l-imsieħba soċjali. Imma l-kunċett hu differenti, għalhekk fl-MCESD hemm l-ogħla rappreżentanti tal-Gvern.
Il-funzjoni ta’ l-MCESD tmur lil hinn minn dik ta’ l-EESC. L-MCESD jagħraf b’liġi min huma l-imsieħba soċjali: il-Gvern, is-CMTU, l-UHM, il-Kamra tal-Kummerċ, il-GRTU, l-FOI, l-MEA, l-MHRA, il-Kunsill tas-Soċjetà Ċivili u l-Gvern. Tgħabbi fuq dawn l-imsieħba soċjali l-irwol ta’ konsultazzjoni fuq skala nazzjonali fuq materji soċjali u ekonomiċi. Ir-rappreżentanti tal-Gvern mhux qegħdin hemm gallarija imma biex jifhmu kif jaħsbuha l-imsieħba soċjali u fil-qadi ta’ dmirijiethom jum b’jum, jagħtu każ ta’ dak li jintqal fl-MCESD. Din responsabbiltà kbira.
Il-Prim Ministru Gonzi għamel pass kbir ’il quddiem meta bil-miktub informa lill-Kunsill li dak li jkun maqbul, f’isem il-Kabinett tal-Ministri jintrabat li jwettqu.
Kienet mossa intelliġenti ħafna. Il-maqlub tagħha hu li l-Gvern ma jkunx marbut bid-deċiżjoni jekk l-imsieħba soċjali ma jaqblux bejniethom.
Dan ifisser li l-Gvern iżomm l-libertà li jagħżel u jimplementa dak li fil-fehma tiegħi hu applikabbli li jwettaq. Il-Kunsill jista’ jirrestrinġi din il-libertà ta’ l-għażla tal-Gvern, billi jaqbel fuq dak li jkun irid jipproponi.
Meta l-Kunsill jaqbel, il-Gvern jintrabat li jimponi. Jiġifieri min iżomm lill-Kunsill milli jilħaq ftehim ikun reħa rħietu u dik ta’ l-imsieħba tiegħu u ta’ l-organizzazjonijiet l-oħra f’idejn il-Gvern.
Hekk qed jiġri spiss. Il-Gvern jisma’, ikun jaf il-veduti ta’ l-imsieħba soċjali ewlenin ta’ pajjiżna u peress li rari jkun hemm ftehim fuq il-Kunsill, il-Gvern iwettaq biss dak li jemmen li hu fl-interess ta’ kulħadd skond il-politka tal-Gvern bil-mandat politiku li jkollu.
Hawn min jgħid li għandna nbiddlu. Imma xiex? Nagħmlu l-Kunsill b’vot tal-maġġoranza? U wara x’jiġri jekk trade union kbira jew korp kostitwit ewlieni jkun qal le? Il-Gvern xorta għandu jimponi?
Il-Kunsill jeżisti biex iġib l-għaqda iżda b’dan il-mod ikun hu stess li jbigħ l-firda u l-kunflitt.
Iż-żewġ elementi importanti bħalissa huma li l-Kabinett jiddeċiedi eżattament xi rwol irid jagħti lill-Kunsill: staffa, rubber stamp, transmission belt ta’ deċiżjonijiet meħuda jew Kunsill Konsultattiv verament sieħeb ewlieni għad-deċiżjonijiet soċjali u ekonomiċi l-aktar importanti meħuda f’pajjiżna.
Meta l-Gvern jiddeċiedi l-ewwel imbagħad jiddeċiedi it-tieni. Għall-ewwel tliet għażliet l-għażla ta’ chairperson tkun faċli. Isib persuna simpatika li sempliċiment taf tmexxi laqgħa. Biex tkun staffa mhux diffiċli.
Jekk irid l-aħħar għażla allura l-Gvern u l-imsieħba soċjali jridu jagħżlu mexxej. Persuna li taf tmexxi, taf tiddeċiedi u taf twassal għall-ftehim.
Fl-ewwel stadju mhemmx bżonn ħafna rivoluzzjonijiet. Din li kull meta jkollna problema rridu nqallbu d-dinja saret marda f’pajjiżna. Għandna nibdew b’persuna addattata u kapaċi u ma noqogħdux ngħidu li f’pajjiżna m’għandnix.
L-MCESD għandu bżonn tmexxija.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt