Xi ħadd daħak bihom! Iżda żgur li ma kienx il-Partit Laburista. Fil-fatt fir-referendum u l-elezzjonijiet ta’ l-2003, il-Partit Laburista tilef ħafna voti għax proprju qal il-verità kollha!
Ħaddieħor ma qalx il-verità kollha għax nesa jew għax ried jinsa. Kienet miktuba iswed fuq l-abjad qabel ir-referendum, f’Artiklu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar, li l-kaċċa u l-insib riedu bilfors jieqfu fir-rebbiegħa. Dakinhar kemm Simon Busuttil, illum trasformat f’kandidat Nazzjonalista, kif ukoll il-partit tiegħu ma kinux ċari daqs il-kristall x’tassew se jiġri. Anzi kien hemm min serraħ ras il-kaċċatur u n-nassab li kellna deroga.
Il-logħba mal-kaċċaturi u n-nassaba kienet dejjem li magħhom ma nkunux daqstant ċari. Mhux huma biss kienu l-vittmi ta’ din il-logħba iżda kategoriji oħrajn bħal meta Margaret Mercieca, ħaddiema fil-qasam tat-tessuti, b’ħanġra ta’ baqra f’meeting politiku tal-Partit Nazzjonalista, assigurat lil sħabha li xogħolhom kien garantit. Ftit xhur wara l-elezzjonijiet ta’ l-2003 sħabha kollha spiċċaw jirreġistraw. Hi, bħal Simon Busuttil, spiċċat kandidata Nazzjonalista għall-kunsill lokali f’Ħal Qormi u bħalu, illum moħħha mistrieħ.
Mill-bidu din kienet logħba ta’ gideb, nofs veritajiet u dikjarazzjonijiet pubbliċi mċajpra. Għalhekk, naqbel jew ma naqbilx mal-kaċċa u l-insib, ma nagħtix tort lill-kaċċaturi u nassaba għall-għadab li qegħdin juru. Iżda l-għadab tagħhom għandhom jindirizzawh lejn min ma kienx ċar magħhom, lejn min filwaqt li jidher li jifhimhom, sal-lum għadu mhux ċar.
Kien għalhekk grottesk u barra minn loku l-attakk li sar minn xi wħud li nqatgħu minn mal-folla fl-aħħar protesta u ħabtu għall-ġurnalisti preżenti. B’daqshekk, il-verità ta’ l-avviż legali li għadu kemm ġie ppubblikat u l-Artiklu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar mhux se jbiddluhom. Imorru jipprotestaw wara l-bieb ta’ dawk li wrewhom il-ħmara u qabbżuhom id-debba.
Din l-istorja ta’ griefex u taħwid issa ilha sejra s-snin u ma nistax nifhem kif in-nassaba u l-kaċċaturi ma jużawx dak id-dixxerniment li hemm bżonn. Sa minn meta kien hemm ir-referendum fuq l-Ewropa, kulħadd kien iddikjara ruħu favur jew kontra li Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Niftakar dawk il-31 għaqda flimkien ma’ Eddie Feneċħ Adami kollha jgħidu ‘Iva’ b’mod emfatiku u li tinstema’. Mentri l-kaċċaturi u nassaba suppost li kellhom l-informazzjoni kollha quddiemhom, ma nafx li xi ħadd tahom direttiva biex jivvutaw b’mod enfatiku ‘Le’.
Ir-riżultat jindika li dakinhar il-lobby tal-kaċċaturi ma ħalla ebda effett sinifikanti fuq l-elezzjoni.
Reġa’ ġara l-istess fl-aħħar protesta li saret il-Belt. Minkejja l-ħafna gaġeġ, karnivalati, u buffonati li orkestraw l-organizzaturi, għal darb’oħra lanqas ma ingħatat direttiva ċara, li fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali l-kaċċaturi għandhom jivvutaw kontra min daħak bihom. Nifhem li Lino Farrugia għandu s-simpatiji politiċi tiegħu u mhux se jagħti direttiva lill-membri tiegħu biex jivvutaw Labour, iżda li ma jingħadx b’mod ċar li ma jivvutawx PN, ma nifhimhiex.
Ingħatat direttiva fis-sens li l-kaċċaturi u nassaba li se jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali għandhom jużaw il-vot tagħhom bħala sinjal ta’ protesta. Direttiva li tista’ tinftiehem li ma joħorġux jivvutaw. B’hekk b’mod dirett jew indirett qed jiġi kkastigat anki l-MLP meta dan dejjem qal il-verità. Hemm iċ-ċans li għax qal il-verità jiġi kkastigat it-tieni darba.
L-għadab tagħhom għandhom jindirizzawh lejn il-Gvern tal-ġurnata li qiegħed jipprova jidher sabiħ ma’ Alla u x-xitan. Il-Kumitat Ornis sewa ta’ biċċa għodda biex jispikka l-opportuniżmu politiku. Filwaqt li ħalla ċerta kaċċa f’April u parti minn Mejju, mhux se jitħalla nsib u kaċċa fuq il-baħar. B’hekk għamel għadu mill-ambjentalisti kollha kif ukoll mill-kaċċaturi u n-nassaba. Il-Gvern irid jifhem li ma jistax filgħaxija jorqod fl-istess sodda max-xitan u filgħodu jbakkar għal ta’ l-ewwel. Jasal il-jum tal-kontijiet u dak il-jum jidher li hu riesaq.
Il-Gvern irid jagħti spjegazzjonijiet għaliex skond kif qalet il-Kummissjoni Ewopea, għal tliet snin konsekuttivi, naqas li jagħti spjegazzjoni għaliex ħalla l-kaċċa u l-insib fir-rebbiegħa kontra kull deroga, biex illum bdew proċeduri kontra Malta li huma irriversibbli. Biex jgħatti din it-traskuraġni tiegħu l-Gvern tela’ Brussells biex jiddefendi dak li mhux difensibbli, biex iraqqa’ l-pannu bil-qargħa aħmar.
Tella’ lill-Avukat Ġenerali, li servietu ta’ ġita, għax lanqas jaf x’laqtu u għandu xorti jagħraf għasfur tal-bejt minn pappagall. Lura lejn Malta, il-mexxejja tal-kaċċaturi u n-nassaba ntlaqgħu mill-membri tagħhom bi trijonfaliżmu kbir, bħal meta l-Prim Ministru Chamberlain kien irritorna lura lejn l-Ingilterra b’biċċa karta f’idejh jiftaħar li laħaq paċi dejjiema ma’ Hitler. Ftit ġimgħat wara faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija u ftit jiem ilu kellna waħda mill-aktar protesti patetiċi, bil-parti l-kbira tal-kaċċaturi u nassaba ma jafux sew x’qiegħed jiġri, basta jifirħu!
Il-kaċċaturi jridu jifhmu s-sewwa skarnat, kif kien qal Edwin Vassallo: jekk l-Ewropa trid hekk, hekk ikollna nagħmlu. Diversi kienu dawk il-pajjiżi li talbu dak li qegħdin jitolbu l-Maltin. L-Ewropa qalet le, u nista’ nassigurakom li mhux se tgħid iva lilna. Ma jfissirx li ma jista’ jsir xejn biex nippruvaw nillimaw xi ftit mid-direttiva. Iżda l-Gvern raqad u qam għax ġejjin l-elezzjonijiet. Tajjeb jew ħażin jekk ikun hemm multa aħna rridu nħallsuha, u mhux billi jgħid Simon Busuttil li meta kien Chairman tal-MIC kellu personalità oħra, li l-multa ma titħallasx immedjatament. Issa jew għada rridu nħallsuha u jridu jħallsuha dawk il-parti l-kbira tal-Maltin li ma kellhom qatt x’jaqsmu ma’ din il-farsa.
Fis-17 ta’ Ottubru 2007 se nagħmlu l-ewwel pagament tal-multa għax ħafna importaturi ħażnu ammont kbir ta’ zokkor. Irid ikollok iz-zokkor f’għajnejk biex ma tintebaħx li fl-aħħar mill-aħħar huma dawk iċ-ċittadini onesti li jridu jpattu għal dan kollu.
Naħseb issa l-kaċċaturi fehmu xi tfisser li tkun ikkaċċjat u n-nassaba li tkun minsub! Jew le?
Peppi
Ħa nagħmel il-pożizzjoni tiegħi ċara: konvint li l-kaċċa bħala sport hi qtil ta’ ħlejjaq li instrinsikament twieldu bid-dritt li jgħixu. Il-kaċċaturi li naf ma nafhomx bħala kaċċaturi. Kollha nqishom bħala persuni mill-aħjar u ma jirriflettu xejn il-qtil barbaru li jwettqu kontra l-għasafar. Anzi meta nitkellem magħhom jispjegawli l-imħabba tagħhom lejn dawn l-istess ħlejjaq.
Għalxejn tipprova tfehimhom li dan hu sport barbaru li m’għandhom l-ebda dritt jipprattikaw ma’ ħlejjaq li ma jridux jilagħbu magħhom, għax jibqgħu jgħidu li din hi tradizzjoni.
Il-kaċċaturi kollha jinsistu li l-kaċċa hi ħajjithom. Jitkellmu dwarha qishom qed jitkellmu fuq uliedhom. F’dan is-sens naqta’ qalbi nipprova nfehimhom il-krudeltà ta’ dak li jagħmlu. F’dan il-kuntest iwerżaq il-bżonn li t-tfal u ż-żgħażagħ, li ma nħakmux minn dan il-vizzju, ma jibdewx dan l-isport. Allura ninsisti li għandu ta’ l-anqas ikun hemm data f’sena preċiża meta l-kaċċa bħala sport issir illegali. Illegali s-sena kollha u illegali fuq l-għasafar kollha.
Daqskemm ma naqbilx mal-kaċċa daqshekk ieħor ma naqbilx mal-pożizzjoni li jieħdu dawk kontra l-kaċċa. Jaħarquni meta nismagħhom jargumentaw u jgħidu li għandna nipproteġu l-għasafar li huma rari u fil-periklu li jkunu estinti.
Il-messaġġ hu gravi. Ma noqtlux lill-għasafar li ma tantx hawn minnhom, imma nistgħu noqtlu l-għasafar li minnhom hawn ħafna. Għaliex?
Dawn ta’ kontra l-kaċċa jirraġunaw li jekk noqtlu l-għasafar li ma tantx hawn jispiċċaw u ma nkunux nistgħu ngawduhom aktar itiru fis-sema. Jiġifieri l-kaċċatur irid l-għasfur fil-vetrina u dawk kontra l-kaċċa jridu jassiguraw li jkun fis-sema ħa jgawduh. Iżda min qed jiddefendi lill-għasafar mhux għax għandna dritt ingawduhom aħna iżda għax għandhom dritt igawdu lilhom infushom u lill-familji tagħhom?
Kif nistgħu naċċettaw li għax ikun hawn ħafna mill-ispeċi tagħhom allura nistgħu noqtluhom? Mela l-uġigħ taċ-ċomb mifqugħ fihom mhux xorta qed iħossuh? X’egoiżmu hu dan li ma rriduhomx imutu biex ingawduhom aħna? Din it-tip ta’ edukazzjoni mhix qed tqanqal lit-tfal iħobbu lill-għasafar iżda tfal li jħobbu lilhom infushom u għalhekk għandhom dritt igawdu l-għasafar.
Hu veru li qabel ir-referendum, biex Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, il-kaċċaturi kienu mwiegħda li l-kaċċa u l-insib mhux se jispiċċaw u li se jibqgħu fir-rebbiegħa. Jista’ jkun li wħud mill-kaċċaturi ivvutaw iva għax ħasbu li d-delizzju tagħhom mhux se jintmess.
Illum, jekk qed iħossu din it-theddida, ma nagħtihomx tort li jħossuhom ingannati. Għalkemm naħseb li l-kaċċa bħala sport hu delitt, nifhem li l-Gvern irid jimxi fuq dak li n-nies, inklużi l-kaċċaturi, kienu ivvutaw għalih fir-referendum. Il-problema hi li ħafna nies bħali vvutaw iva favur l-Unjoni Ewropea għax ukoll kellna l-impressjoni li l-kaċċa se tkun kontrollata. Hawn il-Gvern għandu problema serja għax ma jistax jogħġob lil kulħadd.
Il-Partit Laburista wkoll għandu problema serja. Issa li dħalna fl-Unjoni Ewropea, u issa li l-MLP qed jaqbel u jwiegħed li għandna nibqgħu membri, allura ma jistax iwiegħed ħlief li se jimxi mad-direttivi ta’ l-UE. Il-Partit Laburista jinsisti li l-PN kien qed jinganna lill-kaċċaturi meta wegħidhom li bħala membri sħaħ ta’ l-UE l-kaċċa kienet se tibqa’.
F’dan il-kuntest kien, u allura għadu qed jgħid, li fl-UE l-kaċċa trid tispiċċa. Jekk l-MLP se jimxi ma’ dak li tgħid l-UE allura ma jistax ħlief iwiegħed dak li qed jiġri bħalissa lill-kaċċaturi u lil dawk li bħali ma jaqblux mal-kaċċa.
Noħlom li l-kaċċa għad tispiċċa darba għal dejjem. Mhux għax jiħraxu l-multi iżda għax ma jkunx fadal persuni li jridu jikkaċċjaw.
Dan jista’ jiġri biss jekk il-PN u l-MLP flimkien mal-AD jieħdu pożizzjoni komuni dwar il-kaċċa. Pożizzjoni li tirrispetta dak li trid l-UE u li għaliha vvutaw il-maġġoranza tal-Maltin, pożizzjoni li fiha jkollha pjan li jfiehem kif il-kaċċa ma tistax tispiċċa għada iżda jkun hemm żmien definit meta l-kaċċa bħala sport tibqa’ biss tradizzjoni li nitkellmu dwarha.
Bi sforz kbir nifhem li din trid iż-żmien u l-edukazzjoni. Edukazzjoni li għandha tgħallimna kif nirrispettaw il-ħajja ta’ għasfur li għandu dritt jgħix għalih innifsu. U mhux biex ipaxxi lilna, la fil-vetrina u lanqas fis-sema.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt