Għabex hi residenza li tilqa’ fiha persuni li jsofru minn vjolenza f’darhom u li jkollhom bżonn ta’ akkomodazzjoni f’każ ta’ emerġenza.
Bejn l-2002 u l-2003, il-każijiet naqsu għal 33 fil-mija fl-2005. Minn 93 u 97 każ fis-sena, il-każijiet niżlu għal 65 fis-sena fl-2005.
Rosalie Vella Piscopo, kelliema għas-Sedqa, qalet li “Parti mir-raġuni tista’ tkun relatata mat-tnaqqis fil-każijiet mgħoddija lis-servizz tal-Vjolenza Domestika ta’ l-istess Aġenzija Appoġġ. Dan jista’ jkun li wassal biex anqas nisa jew tfal tressqu lejn is-servizz residenzjali ta’ emerġenza Għabex.”
Meta staqsejniha għaċ-ċifra tal-vittmi li hemm bħalissa, Vella Piscopo wieġbet, “Iċ-ċifra tinbidel ta’ spiss peress li mhux kulħadd jibqa’ f’Għabex għall-istess tul ta’ żmien. F’servizz bħal dan issib persuni li jitilqu mir-residenza u oħrajn li jidħu minflokhom fl-istess ġurnata.”
Meta mara ċċempel is-supportline 179 jew titlob l-għajnuna tas-Servizz tal-Vjolenza Domestika u jkollha bżonn ta’ post fejn toqgħod f’każ ta’ emerġenza jirreferuha lix-xelter Għabex. Ġieli tmur hemm mat-tfal, jiddependi mill-każ.
Hawnhekk il-vittmi jistgħu joqogħdu sa tliet xhur. Iż-żmien jintqies skond il-bżonnijiet tal-persuni u s-sitwazzjonijiet li jkunu fihom.
“Wara dan iż-żmien dawn il-persuni jimxu għal post ieħor jew f’xi akkomodazzjoni oħra li tkun instabet meta l-mara tkun għadha toqgħod fl-Għabex jew ankè jmorru lura d-dar,” kompliet tgħid Vella Piscopo.
L-Aġenzija Appoġġ taħdem ma’ entitajiet u organizzazzjonijiet oħra li jaħdmu f’dan il-qasam, inkluż Dar Merħba Bik, u djar oħra residenzjali, dejjem għall-benefiċċju u fl-aħjar interess ta’ min għandu bżonn l-għajnuna.
L-MMSA, l-istudenti Universitarji tal-Mediċina flimkien mal-grupp teatrali Dù, qed jorganizzaw attività bl-għan li l-qligħ imur għal Għabex.
Se jtellgħu The Vagina Monologues biex ifakkru wkoll Jum il-Mara, fis-Sala tal-Kamra tal-Kummerċ fi Triq ir-Repubblika illejla, il-Belt Valletta. Tibda fis-7pm u d-dħul hu ta’ Lm2.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt