11 ta' Marzu 2007
Avukat fost l-arrestati dwar il-qtil tat-tfajla Russa
Karl Stagno-Navarra
Avukat żagħżugħ kien fost dawk interrogati fit-tul ilbieraħ b’konnessjoni ma’ l-investigazzjonijiet li għaddejjin mill-Pulizija dwar il-qtil tat-tfajla Russa li twaddbet fil-baħar f’Tas-Sliema kmieni l-Ħamis filgħodu.
It-tfajla nstabet mgħarrqa u fgata b’borża madwar rasha.
Filwaqt li l-Pulizija ma ippubblikatx l-isem tat-tfajla, hu mifhum li kienet identifikata bħala ċittadina Russa u li l-aħħar li dehret kien fi stabbiliment ftit ’l bogħod minn fejn instabet mejta f’Tas-Sliema stess.
Mill-istħarriġ li sar s’issa jidher li l-Pulizija stabbiliet li t-tfajla kienet titħaddem minn xi Maltin u li allegatament kienu jwassluha f’diversi indirizzi madwar il-pajjiż.
L-avukat li kien interrogat jirriżulta li kien fost l-aħħar nies li kienu fil-kumpanija tat-tfajla Russa, filwaqt li nies oħra kienu arrestati u interrogati sa tard ilbieraħ filgħaxija.
Matul ilbieraħ investigaturi flimkien ma’ esperti tal-forensika għamlu tfittxija oħra fl-appartament tar-Russa, filwaqt li sar ukoll studju fuq il-lista ta’ numri tat-telefon li kienu maħżuna fit-telefon ċellulari tagħha.
Aktar tfittxijiet ilbieraħ saru f’karozzi, f’residenzi u fi stabbilimenti fl-inħawi ta’ San Ġiljan u f’Tas-Sliema.
Hu mifhum li l-Pulizija tinsab f’kuntatt regolari ma’ l-Ambaxxata Russa dwar il-każ.
ksnavarra@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt