11 ta' Marzu 2007 • Nr 19

Arkivji




 

 

 

11 ta' Marzu 2007
Belt fantażma għatxana għall-proġett

Skiet taqtgħu b’sikkina. Kulfejn tmidd riġlejk tisma’ biss il-frak tal-ħġieġ iqarmeċ taħt saqajk. F’daqqa waħda ħoss kbir qawwi u t-tieqa ta’ biswitna titfarrak f’mitt biċċa. Il-fotografu u jien ikollna nitbaxxew ma’ l-art.
Għal mument tistħajlek f’nofs gwerra: tifrik, ġebel, ħmieġ u fdalijiet ta’ dik li xi darba kienet belt industrijali.
Illum mhi xejn għajr belt fantażma. Rikażli, medda kbira ta’ art b’għexieren ta’ fabbriki abbandunati.
Nimxu ftit ’l isfel. Buffura riħ tgerrex munzell żibel miġbur fil-ġenb. Għatu ta’ landa tal-plastik jitkaxkar għan-naħa l-oħra tat-triq. Ma’ l-art gelgul ta’ żejt iswed li jieqaf jistrieħ ħdejn erba’ tankijiet tal-45 gallun, tlieta minnhom mimlijin żejt.
Nidħlu fil-fabbrika ta’ biswit. Ikollok tħokk dahrek mall-ħajt biex ma tolqotx xi wire tad-dawl jitperper minn naħa għall-oħra. Fil-vojt ta’ dak li xi darba kien bieb jilqgħek borġ injam imfarrak. Tispikka ngravata mserrħa fuq siġġu ta’ l-injam imkisser. Ftit ’l fuq miżbla ta’ saqqijiet u fridges mgħormija.
Fl-aħħar xhur dawn il-fabbriki servew ta’ kalamita għal bosta persuni: min għal skop ta’ namrar u min għal serqiet. Il-ħallelin jew vandali, sa qalgħu irħam, bibien u plakek tad-dawl. Dak li xi darba kien toilet tneżża’ min-numru ta’ parts li jistgħu jkunu utli għal xi proġett privat. L-istess destin il-poġġaman, lockers u għamara oħra.
Ir-riħ ikompli jonfoħ. Għeri minn kull ilqugħ ir-riħ jinstema’ aktar ivenven. X’ħin tittawwal minn fuq għal isfel tilmaħ medda kbira ta’ art li tixbah lil hangar ta’ ajruplan. X’ħin tagħlaq għajnejk tistħajjel sular enormi mimli makkinarju u ħaddiema beżlin irrankati fuq xogħolhom. Imma l-ħajja f’dan il-post tbielet u battiet bil-mod il-mod sa minn xhur ilu sakemm il-ħidma tal-fabbriki kollha ċċaqalqet għal Bulebel. Issa fadal biss il-qoxra tal-bini u l-fdalijiet ta’ dak li xi darba kien il-pern tal-ħidma f’din iż-żona. Din il-belt fantażma tneżżgħet biex tkun tista’ tilqa’ l-‘iSmart City’.

Twaqqigħ jibda fl-20 ta’ Marzu
Lil hinn minn kull kontroversja li setgħet issemmiet s’issa dwar dan il-progett jibqa’ l-fatt li jekk il-belt imwiegħda tasal kif ippjanat, din il-belt terġa’ tieħu l-ħajja u titnaddaf minn din it-telqa li tinsab fiha bħalissa.
L-ewwel pass f’dan
l-investiment hu t-twaqqigħ tad-19-il fabbrika li hemm bħalissa. Quddiem
l-Awtorità ta’ l-Ippjanar u l-Iżvilupp, il-Mepa, fl-aħħar ta’ Novembru li għadda daħlet applikazzjoni mill-Malta International Parks biex iwaqqgħu l-fabbriki. Jekk imur kollox kif ippjanat it-twaqqigħ għandu jibda l-ġimgħa d-dieħla bil-ġurnata ndikata s’issa hija ‘sa l-20 ta’ Marzu li ġej’.
Il-bqija l-battibekki fuq dan l-iżvilupp ma naqsux. Għad li tal-MLP ma tantx fettqu fuq dan il-proġett dejjem argumentaw li l-investiment ta’ l-informatika fi Smart City se jkun jammonta biss għal 19 fil-mija tal-proġett kollu. Il-Gvern kien ħareġ jirribatti din id-dikjarazzjoni u sejħilha “invenzjoni tas-Super 1”. Imma fir-realtà ġimgħa ilu meta l-proġett tressaq għall-approvazzjoni tal-Parlament ħareġ li ż-żewġ partiti politiċi kellhom raġun. Fil-masterplan li kien ippreżentat hemm żewġ tabelli: waħda minnhom eżatt kif qalu tal-Labour: 19 fil-mija ta’ l-art se tmur għall-proġett ta’ l-ICT. Tabella oħra turi li meta wieħed iħares lejn l-medda kollha ta’ art flimkien mas-sulari mibnija, l-informatika u l-media se jkunu qed jirrappreżentaw 46 fil-mija tal-proġett kollu ta’ SmartCity. Kwistjoni ta’ kif tħares lejn it-tazza: jekk hux nofsha vojta jew nofsha mimlija.
Il-bqija s’issa argumenti ftit li xejn imma mistoqsijiet komplew isiru nhar it-Tlieta fil-Parlament fosthom mid-deputat mexxej Laburista Charles Mangion. Hu li ġibed l-attenzjoni dwar kemm huma ftit il-multi li qed jitgħabbew bihom tat-Tecom f’każ li ma jaslux għal dak miftiehem. L-argument tal-Ministru Austin Gatt kien li din tal-multi ta’ l-inqas qed issir għax drabi oħra qatt ma saret.
Forsi wieħed mill-aktar interventi li ġiegħel lin-naħa l-oħra tal-Kamra titbissem kien dak tal-whip Laburista Joe Mizzi li staqsa jekk ta’ SmartCity hux se jkollhom dritt jivvutaw fil-kunsilli lokali.
“Tapplika l-Liġi Ewropea,” kienet ir-risposta minn naħa l-oħra tal-Kamra.

jfarrugia@mediatoday.com.mt

Il-ġirien tal-‘Belt Smart’

X’ħin toħroġ miż-żona tal-fabbriki mitluqa ssib bħal raħal żgħir li għad li jagħmel mal-Kalkara, maqtugħ sew mill-bqija tal-villaġġ. Bejn wieħed u ieħor f’din il-parti jgħixu mal-50 familja. Dawra mal-lokal nitkellmu ma’ wħud mir-residenti. Jispikkaw kummenti komuni li jiffukaw fuq ix-xewqa li x-xogħol jibda malajr biex fl-aħħar il-ġerħa tal-fabbriki tingħalaq darba għal dejjem. Oħrajn jitfgħu dawl fuq fattur ieħor: l-għidut li “ta’ SmartCity jistgħu joffrulhom somma flus biex jakkwistaw id-djar tagħhom ukoll.”
Imma hemm numru ta’ persuni li juru element fin ta’ xettiċiżmu. Xi wħud qed jitolbu l-proġett imwiegħed isir u mhux jitħalla nofs leħja bħall-proġett tal-White Rocks.

Marthese Mangion
“Ilna naħdmu ħafna biex bnejna darna u qiegħdin għal qalbna hawn. Għalija tajjeb li jibda l-proġett għax qed jingħad li se jġib ix-xogħol u l-investiment. Min-naħa l-oħra l-veduti u l-kwiet li għandna jistgħu jiġu affettwati b’din il-belt ġdida. Smajna li ta’ SmartCity jistgħu joffrulna prezzijiet tajbin biex jixtru d-djar li hawn f’din iż-żona. Jekk hu hekk tant aħjar.”

Charlot Delceppo
“Nippretendi li ġejjin aħjar bi SmartCity maġenbna. Aħna qiegħdin għal qalbna ħafna hawn. Smajna li hemm imnejn joffrulna flus biex noħorgu minn hawn. Jien ngħid għalija ma tinteressanix għax għal qalbi hawn.”

David Cassar
“Dwar il-proġett ma nafu xejn ħlief dak li rajna minn fuq it-televixin. Jidher li hemm ftit minn kollox u bħala proġett ikun sabiħ. Aħjar miċ-ċimiterju li għandna bħalissa. Ejja fid-9 ta’ bil-lejl u lanqas tara timxi għax lanqas bozza m’hawn. Toqtol u tidfen. Iġri jibda l-proġett. Hemm punt ieħor li jista’ jaħdem kontrina. Dan il-post kwiet jista’ jispiċċa bħal Tas-Sliema b’ħafna storbju u nies imma minn naħa l-oħra jgħollielna l-valur tad-dar. Imma nsomma, trid tara l-istampa kollha għax jekk iddaħħal lira żejda meta tbiegħ id-dar trid tidħol fi spejjeż aktar għoljin ukoll fosthom il-kuntratt u spejjeż oħra. Jien personalment ma smajthiex dan li qed jgħid sieħbi li jista’ jkun li ta’ SmartCity joffru flus biex jixtru d-djar tagħna wkoll. Jekk joffru aħjar. Tiddilja magħhom imbagħad, hux

Joseph Pace
“Jien smajtha din il-biċċa xogħol tal-flus li jistgħu joffrulna biex jieħdu dawn iż-żewġ toroq u jgħaqqduhom ma’ Smart City. Jekk tiġi tkun ġiet u jekk tiġi tkun tajba, dejjem jekk joffru prezzijiet tajbin. Il-proġett aħjar jekk jibda, dejjem jekk ma jispiċċax bħal tal-White Rocks u ma jibda u jitlesta qatt.”

Romina Grech
“Mhux li jibdewh illum qabel għada! Bħala proġett nemmen li jaqblilna. Aħjar żgur mill-fabbriki mitluqin maġenbna, siringi u ħmieġ li hemm fiż-żona. Nittamaw ukoll li dan il-proġett iġib miegħu stil ta’ ħajja aħjar, fosthom li jkun hemm shopping complex u li jkollna aċċess għal tal-linja mhux ikollna noħorġu barra mir-raħal biex insibu t-trasport.”

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt