11 ta' Marzu 2007 • Nr 19

Arkivji




 

 

 

11 ta' Marzu 2007
Bil-lanċa jaqbillek

Kurt Sansone

Kulħadd xi darba jew oħra sema’ bit-tqabbila ‘Lanċa ġejja u oħra sejra’ iżda huma biss dawk li għandhom ’l fuq minn 60 sena li jiftakru sew kif twieldet din id-diska.
Lura fiż-żmien it-trasport lejn il-Belt kien jinkludi wkoll servizz bil-baħar provdut b’lanċa li kienet titlaq minn Tas-Sliema u tniżżel in-nies ix-xatt ta’ Marsamxett. Fuq ix-xaqliba l-oħra tal-port kien hemm ukoll il-barklori li kienu jġorru lin-nies permezz ta’ dgħajjes tal-pass.
Illum ħadd ma jaħsibha li jmur il-Belt bil-baħar iżda fil-futur qarib jista’ jkun hemm servizz ta’ trasport pubbliku li jgħaqqad ix-xtut tal-Belt ma’ Tas-Sliema, il-Kottonera, il-Marsa u saħansitra l-iżvilupp il-ġdid ta’ SmartCity fil-Kalkara. Servizz bħal dan jgħin biex itaffi l-konġestjoni tat-traffiku fl-inħawi tal-Port il-Kbir.
Il-ġimgħa li għaddiet l-Awtorità Marittima ħarġet talba għal proposti biex ikun provdut servizz regolari bil-baħar fil-portijiet li jdawru l-kapitali. Is-servizz bil-baħar għall-passiġġieri jrid ikun skedat u jaħdem fuq rotot li jgħaqqdu l-Belt Valletta u l-inħawi fil-Port il-Kbir ma’ Marsamxett.
Il-liċenzja għas-servizz se tingħata fuq bażi esklussiva.
Id-dokumenti ta’ l-offerta jistgħu jinġabru mill-Awtorità Marittima u d-data ta’ l-għeluq għall-proposti hi l-4 ta’ April f’nofsinhar.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt