11 ta' Marzu 2007
Prezz li jistordik biex tmur il-Eurovision
Julia Farrugia
Jeżisti diżappunt kbir fost mijiet ta’ Maltin li għandhom għal qalbhom il-Eurovision u li kull sena jagħmlu
l-btala tagħhom fil-pajjiż li jkun qed jorganizza
l-festival internazzjonali biex jagħtu appoġġ lill-persuna li tkun se tirrappreżenta lil Malta.
Aġenti ta’ l-ivvjaġġar ewlenin f’pajjiżna kkonfermaw ma’ Illum li din is-sena l-prezzijiet offruti mill-Finlandiżi għall-Eurovision huma għoljin immens. Il-biljetti tal-lejla finali kienu offruti għall-bejgħ fuq l-internet f’Jannar li għadda. Il-parti l-kbira ta’ dawn il-biljetti nħatfu u wara bdew ikunu offruti biss pakketti ‘speċjali’ għal ħamest ijiem. Iżda l-inqas pakkett offrut jiġi jiswa lill-Maltin xejn anqas minn Lm700, ċifra meqjusa għolja ħafna meta mqabbla ma’ tas-snin ta’ qabel.
Il-Finlandiżi, fost l-oħrajn, qed joffru pakkett li jiswa Lm495, prezz li lanqas biss jinkludi l-biljetti ta’ l-ajru u t-taxxi li jammontaw għal madwar Lm200 oħra. Il-pakkett ta’ Lm495 joffri biss ħamest iljieli f’lukanda tliet stilel fuq bażi ta’ bed and breakfast, biljett għad dħul għad-dress rehearsals ewlenin kif ukoll il-biljetti għas-semi-finali u l-final ta’ l-Eurovision.
Is-sena l-oħra u fis-snin ta’ qabel mijiet ta’ Maltin attendew għal dan il-festival. Imma din is-sena l-istorja tidher li se tkun differenti. Ħafna Maltin sabuha diffiċli jibbukkjaw għal din il-mawra. Sorsi qrib l-aġenziji li jispeċjalizzaw f’dan it-tip ta’ turiżmu kkonfermaw li s’issa l-bookings li saru kienu minn persuni viċin ħafna l-kantanta Olivia Lewis li jixtiequ jibqgħu jagħtuha sa l-aħħar l-appoġġ tagħhom f’din l-avventura.
Aġenzija oħra ewlenija ta’ l-ivvjaġġar ikkonfermat ma’ din il-gazzetta li hi xorta baqgħet toffri l-possibiltà li wieħed jibbukkja din is-safra imma min jagħmel dan se jkun qed isiefer fuq bażi individwali u mhux ta’ tour b’servizz ta’ gwida.
Kull sena l-Eurovision idawwar miegħu negozju kbir fosthom lukandi aktar għoljin u abbuż fil-prezzijiet ta’ ċerti servizzi ewlenin fosthom tat-trasport.
Dawn il-prezzijiet għoljin għall-Finlandja m’affettwawx biss lit-turisti Maltin li xtaqu jagħmlu btala f’dan il-pajjiż Nordiku iżda wkoll lill-media Maltija u lill-kontinġent Malti.
Normalment l-istazzjonijiet televiżivi kollha joffru rappurtaġġ tul il-ġimgħa kollha ta’ l-Eurovision. Din is-sena t-timijiet tal-produzzjoni se jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ sforz akbar biex iġibu aktar reklami. B’dan il-mod ikunu jistgħu jagħmlu tajjeb għall-ispiża żejda li f’ċerti każijiet tammonta għal Lm1,000 aktar minn festivals ta’ l-Eurovision li saru qabel.
L-istess id-delegazzjoni Maltija li mhu se jkollha l-ebda għażla oħra ħlief li biex iżżomm mal-baġit mogħti lilha tagħżel l-inqas kategorija ta’ lukandi offruta lilha mill-Finlandiżi. Lukanda biss għal disat ijiem għal kull persuna fid-delegazzjoni Maltija se jkollha tħallas kważi Lm700 u madwar Lm800 għal kamra li tinqasam bejn żewġ persuni. B’dan il-mod il-Maltasong se jkollu jassorbi spiża ta’ viċin l-Lm4,000 għal-lukandi biss.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt