11 ta' Marzu 2007
Pass wara pass, l-MLP fuq quddiem
Kurt Sansone
Rebħa oħra tal-Partit Laburista fl-elezzjonijiet li saru lbieraħ tista’ tindika aktar minn qatt qabel li fil-pajjiż hawn maġġoranza ġdida favur l-MLP u li fiċ-ċirkostanzi politiċi u ekonomiċi attwali diffiċli tingħeleb fil-ftit żmien li fadal sa l-elezzjoni ġenerali.
Għaliex anki jekk l-ekonomija tkompli tirranka bil-Gvern jerħi iktar flus fil-bwiet tan-nies, xorta hemm l-introduzzjoni ta’ l-ewro fin-nofs u ż-żidiet fl-imgħaxxijiet mill-banek fuq is-self għad-djar. Dawn iż-żewġ fatturi jista’ jkollhom impatt negattiv fuq l-għoli tal-ħajja u t-tnaqqir tal-flus fl-idejn rispettivament.
Filwaqt li analiżi iktar profonda trid issir wara li jkun magħruf ir-riżultat sħiħ tal-bieraħ, l-elezzjonijijet lokali li saru madwar Malta u Għawdex bejn l-2004 u l-2006 taw lill-Partit Laburista vantaġġ ta’ ftit inqas minn 10 punti perċentwali fuq il-Partit Nazzjonalista.
Analiżi taċ-ċifri turi li fit-tliet snin bejn l-2004 u l-2006 l-MLP irnexxielu jiġbor maġġoranza ta’ 53.2 fil-mija filwaqt li l-PN irnexxielu jiġbor 43.8 fil-mija tal-voti madwar Malta kollha. L-Alternattiva Demokratika u kandidati oħra indipendenti ħadu bejniethom tlieta fil-mija tal-voti.
Mill-elezzjoni ġenerali ta’ l-2003 il-Partit Laburista rnexxielu jirranka sew għax mis-47.5 fil-mija li kiseb fl-2003, żied il-voti għal 48.4 fil-mija fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2004 u għal 53.2 fil-mija fl-elezzjonijiet lokali bejn l-2004 u l-2006.
Min-naħa l-oħra l-PN naqqas il-voti b’mod drastiku bejn l-2003 u l-2004 fejn anki kiseb l-agħar riżultat elettorali tiegħu sa mill-Ħamsinijiet meta fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ġab biss 39.8 fil-mija tal-voti.
Fl-2004 l-AD u kandidati indipendenti kisbu iktar minn 11 fil-mija fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, iżda fit-tliet snin ta’ wara fl-elezzjonijiet lokali dawn ġabru biss tlieta fil-mija. Irid jingħad li l-AD qatt ma kkontestat fil-kunsilli kollha u allura s-saħħa li jgawdi l-partit fuq livell lokali tista’ tkun iktar milli jindika r-riżultat.
Fl-elezzjonijiet lokali li saru fl-2004 fl-istess irħula li fihom saru l-elezzjonijiet ilbieraħ il-Partit Laburista kien rebaħ b’maġġoranza assoluta ta’ ftit iktar minn 50 fil-mija filwaqt li l-PN ġab 46.4 fil-mija. Jekk l-MLP jirnexxielu jżid ma’ dan il-vot fl-elezzjonijiet li saru lbieraħ allura hemm possibiltà kbira li l-maġġoranza Laburista fil-pajjiż qed tkompli tissaħħaħ lejlet elezzjoni ġenerali.
ksansone@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt