11 ta' Marzu 2007 • Nr 19

Arkivji




 

 

 

11 ta' Marzu 2007
Djamant tal-gwerra mwaqqaf jidħol Malta

Julia Farrugia

Il-film Blood Diamond li qed jintwera fuq il-liżar taċ-ċinema lokali juri lill-attur Leonardo DiCaprio fil-gwerra ċivili fi Sierra Leone, gwerra li rat il-qofol tagħha fis-Snin Disgħin.
Il-film hu dwar id-djamanti mlaqqma “tal-kunflitt” jiġifieri djamant li jkun inqata’ minn minjieri f’żona fejn hemm gwerra. Id-djamant ħafna drabi jinbiegħ bil-moħbi biex jiffinanzja l-istess gwerra u l-armamenti tar-ribelli.
Forsi ftit minna nafu li Malta malli daħlet fl-Unjoni Ewropea ntrabtet awtomatikament li bħal pajjiżi l-oħra msieħba u bħal għexieren ta’ pajjiżi oħra fid-dinja trid tosserva numru ta’ regolamenti fix-xiri tad-djamanti.
Fid-dinja jeżisti l-Kimberley Process, sistema ta’ ċertifikazzjoni li ddaħħlet fis-seħħ fl-2003, li torbot lil 71 pajjiż firmatarju, ma jixtrux djamant li jkun ġej minn żoni ta’ kunflitt. Id-dikjarazzjoni tlaqqmet Kimberley għaliex l-kunċett inħadem f’Mejju ta’ l-2000 f’Kimberley fl-Afrika t’Isfel meta sar kungress li ġabar fi ħdanu gvernijiet, rappreżentanti ta’ l-industrija tad-djamanti u għaqdiet non-governattivi.
Matul din il-ġimgħa din il-gazzetta tkellmet ma’ numru ta’ ħwienet tad-deheb ewlenin f’pajjiżna. Ħadd mill-persuni li tkellimna magħhom ma kien jaf li jeżisti ċ-ċertifikat Kimberley. Ikkonfermaw biss li mad-djamant li huma jbigħu joffru ċertifikati magħrufa bħala l-GIA u l-HRD. Dawn huma ċertifikati li jikkonfermaw dettalji importanti dwar il-qatgħa tad-djamant, il-purezza u kemm tkun ċara l-ħaġra tad-djamant.
Kelliema għall-Kimberley Process f’Antwerp ikkonfermat ma’ Illum li bħalissa qed issir pressjoni biex dan il-proċess isir obbligatorju mhux biss fuq djamant li jkun għadu mhux maħdum iżda wkoll fuq kullani, ċrieket u ġojjellerija oħra li jkollhom magħhom dan il-ħaġar prezzjuż. B’dan il-mod kull klijent li jmur jixtri dawn l-affarijiet ikollu serħan il-moħħ li l-flus li qed jonfoq ma jmorrux biex jgħinu gwerer u sfruttamenti oħra f’żoni ta’ ġlied.

jfarrugia@mediatoday.com.mt

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt