L-Erbgħa, is-7 ta’ Marzu, fil-Belt Valletta. Protesta oħra mill-kaċċaturi u n-nassaba biex iwasslu t-talbiet tagħhom lill-membri tal-Parlament.
Xi minn daqqiet il-ġurnata tax-xogħol tista’ titwal ferm aktar milli tkun qed tistenniha. F’mumenti oħra hemm test importanti: kemm il-kollegi veri jibqgħu flimkien sa l-aħħar, anki f’ċirkustanzi ta’ saram.
Kont għadni kemm spiċċajt il-ħidma tiegħi.Fi triqti lejn il-Belt għal-laqgħa tal-Kunsill ta’ l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, iddeċidejt li nipparkja l-karozza taħt Bieb il-Belt. Bejni u bejn ruħi argumentajt li bil-protesta tal-kaċċaturi kien se jkun diffiċli nibqa’ dieħla bil-karozza f’partijiet oħra tal-belt kapitali.
X’ħin niżbokka mit-taraġ nispiċċa f’baħar ta’ kaċċaturi u nassaba li f’dak il-ħin kienu miġbura fi Pjazza Ħelsien. Eluf minnhom. Min b’kartelluni ta’ protesta, oħrajn bi xbieki mdendla ma’ l-ilbies tagħhom.
Sakemm niġbed lejn it-teatru l-imwaqqa’ niġi wiċċ imbwiċċ ma’ ta’ l-inqas tliet snieter mikxufin. Fl-isfond, agħa kbira ġejja minn naħa ta’ Bieb il-Belt. L-għajjat u storbju kompla jiżdied. Nilmaħ vann li f’dak il-ħin kien qed jipprova jidħol aktar ’il ġewwa minn Bieb il-Belt kontra t-twissijiet tal-Pulizija.
Niddeċiedi li nibqa’ miexja mal-kumplament tal-ġurnalisti u qrib il-fotografu tal-Mediatoday.
Lejn Triq ir-Repubblika ninnota li fis-6.30pm bosta ħwienet kienu diġà bit-tabella ‘Closed’ imdawra lejn it-triq. Minn wara l-ħġieġ ħaddiema mgerrxin baqgħu jħarsu lejn il-folla minn wara l-cash registers. Oħrajn niżżlu s-shutters tal-ħadid.
Mhux il-kaċċaturi kollha imma numru sew minnhom baqgħu mexjin fit-triq ilegilgu l-birra minn fliexken tal-ħġieġ f’idejhom. Irjus sħan ftit li xejn għajr għal ftit li bdew jirritaw ruħhom bil-preżenza tal-ġurnalisti. Wieħed minnhom ipprova jaqbeż għalija: “Tmissuhiex għax dik Laburista”. Għalija dan argument bażwi. Mort fuqu u għidtlu li “Jekk tweġġgħu ġurnalist wieħed Nazzjonalist jew ta’ liema partit hu tkunu weġġajtu lili xorta.”
Minn ħin għall-ieħor mat-triq ewlenija tal-Belt bdew jidwu għanjiet ta’ “Pullicino, Pullicino pulċinell”. F’qalbi għidt: “Kos, dawn l-eluf irrabjati għax qabel ir-referendum tawhom garanziji dwar id-delizzju tagħhom.” Imma bħal donnu x-xitan ma jaħmilx. X’ħin naslu ħdejn Pjazza Regina nilmaħ stakkament ta’ Pulizija skjerati quddiem tliet xarabanks tal-Korp li imblukkaw l-aċċess għall-Parlament. Warajhom fejn ma jidhrux mill-folla hemm membri ta’ l-SAG armati b’tarki u helmets għal kontra l-irvellijiet.
F’diversi mumenti fliexken tal-ħġieġ bdew ġejjin mill-għoli u jitkissru ħdejna. Nitbaxxew ’l isfel. Ġebla daqs ponn tinżel biswiti. Ninżel niġborha. Moħħi qalli nibqa’ fuq il-post u ninsa l-laqgħa li kelli. Posti kien hawn mal-ġurnalisti l-oħra. Jibdew id-diskorsi. Ir-rabja ta’ xi wħud baqgħet tinħass. Min jgħajjat li jrid jerġa’ jinżel jipprotesta fit-toroq u min jinsisti li mhux kuntent għax mill-għada ma setax imur jonsob.
Jintemmu d-diskorsi. Mill-folla kontinwament bdew jinstemgħu numru ta’ sparaturi, l-aktar faqqaturi. F’ħin minnhom ħoss ta’ sparatura differenti tant li nstema’ l-ħoss tal-metall qisu skrataċ vojta jaqgħu ma’ l-art.
Flimkien mal-fotografi Ray Attard, Darrin Zammit Lupi u Ben Borg Cardona niddeċiedi li mmorru naraw minn fejn ġejjin dawn it-tiri.
Nippruvaw niġru imma l-massa kbira ta’ nies tagħmilha diffiċli. Nisimgħu tir ieħor ġej minn viċin il-Kon Kattidral ta’ San Ġwann. Il-folla tmexxik ’il quddiem. Nibqgħu katina l-erbgħa li aħna. Mill-bogħod nilmaħ il-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo. Niddeċiedi li nsegwi lilu. Minn naħa nipprova niġri ’l quddiem u kultant inħares lura biex nara li bqajna dejjem erba’ ġurnalisti. Żdiedu oħrajn fosthom Brian Hansford u Brandon Pisani.
F’ħin minnhom x’ħin naslu biswit il-knisja ta’ San Franġisk il-Kummissarju jwaqqaf ġuvni li kien qed jaħraq faqqaturi ma’ l-art. Il-fotografi jieħdu r-ritratti.
F’daqqa waħda żagħżugħ li ma nagħtihx aktar minn 17-il sena jagħti daqqa fuq dahar il-fotografu tiegħi. Inwissih biex ma jerġax jerfa’ idu. F’daqqa waħda mill-folla bdew jgħajtu kliem kontra l-Pulizija fosthom: “Ma tifel żgħir se taqbdu!”
Sekonda wara l-ġuvni li mbotta lill-fotografu neża’ l-flokk u ntefa’ quddiem il-fotografi l-oħra fost kliem oxxen. F’temp ta’ sekonda x-xena nbidlet f’waħda simili għal ta’ Kabul. Xi ħadd tefa’ likwidu ma’ wiċċi. Ħsibtu bżieq imma t-togħma tal-birra ma’ xufftejja għelbet kull ħsieb ieħor.
F’tebqa ta’ għajn bdiet nieżla xita ta’ fliexken tal-ħġieġ. Nitbaxxa ’l isfel. Raġel bil-mustaċċi jaqbadni minn wara. Jgħidli li Pulizija. Jordnali: “Imxi baxxa ’l isfel.”
B’idejja nipprova ngħatti rasi u bl-oħra nżomm imkaħħla mal-fotografi sħabi. Ir-rassa kaxkritna mal-kantuniera. Nippruvaw insibu kenn fit-taraġ li jiżbokka fi Strada Stretta. Imma f’daqqa waħda seħħ dak li ma konniex nistennew.
F’daqqa waħda ġgajta ta’ madwar 100 persuna għaffġitni mal-ħajt. Dak il-ħin bdejt nimbotta b’kemm kelli saħħa biex ma nkomplix nitgħaffeġ mal-ġebel. Ben beda jiġbidni lejh. Darrin fuq in-naħa tax-xellug tiegħi jiġbidni minn naħa l-oħra. F’daqqa waħda grupp ta’ rġiel jaħtfu lil Ben minn spalltu. Nipprova nressqu lejja. F’ħin minnhom nilmaħ id tkissirlu l-flash tal-kamera. Beda ħiereġ xrar tan-nar mill-apparat. Nipprova niġbed il-kumplament tal-kamera lejja. Xi ħadd ieħor jaħtaf il-kamera u għebet. F’daqqa waħda nħossni nitkaxkar fit-taraġ. Daqqa ta’ ponn tifqa’ wiċċ Darrin li kien biswiti. Mad-daqqa l-fotografu waqa’ ma’ l-art. In-nuċċali tal-vista nkiser. Il-kollega beda jgħajjat li qed jaħarquh għajnejh. Nitlob li ma daħalx ħġieġ f’għajnejh. Bir-rassa nilwi saqajja u nitlef żarbuna. Grupp ta’ nies niftiehmu u nerfgħu lill-fotografu mill-art u nkaxkruh lejn parti anqas perikoluża viċin il-Ministeru ta’ l-Investiment.
Pulizija li laqqat daqqtejn f’għonqu baqa’ magħna filwaqt li ċempel għall-ambulanza. Nibqgħu nkellmu lill-fotografu mixħut ma’ l-art biex inkunu ċerti li ma jintilifx minn sensieh. Fuq il-post ninduna li hemm aktar ġurnalisti fosthom Fiona Galea Debono. Oħrajn, bħal tas-Super 1 li kellhom il-karozza pparkjata ħdejna, għażlu li jitilqu mingħajr ma ffilmjaw lill-ġurnalisti feruti.
Naqbad it-telefon ċellulari u nċempel lill-kap tiegħi. Sakemm qed nispjega x’ġara nintebaħ li ftit passi ’l bogħod minni reġa’ nqala’ aktar saram. Fotografu li kien qed jieħu ritratti għall-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti niżel jhedded lill-fotografu Borg Cardona. “Sew għamlulek lilek,” kompla jinsisti dan ir-raġel.
Dan il-kliem agħar mid-daqqiet ta’ ponn li laqqatna fil-kommossjoni ftit tal-minuti qabel. Immur ħdejn Ben u ninsisti mas-suppost fotografu ieħor li “missu jistħi jgħid kliem bħal dan fil-konfront ta’ fotografu ieħor”.
Imma l-kbir kien għadu ġej. X’ħin indur ħdejn fejn kien mixħut Darrin jikkonfrontani individwu li beda jgħidli nagħlaq ħalqi. Ir-raġel li kien akkumpanjat minn Lino Farrugia, Segretarju tal-FKNK, kompla jitmasħan: “Int ma tibżax?”
“Le, ma nibżax,” weġibt fil-pront.
“Minn xejn ma tibża’? Le, ma tibżax? Minn x’hiex tibża’?” kompla jinsisti.
Nitlob lil Lino Farrugia biex isikktu imma minflok għażel li anki hu jgħaddi kumment dispreġġjattiv: “Kuntenta issa, Julia? Għandek storja issa!” Il-ġurnalisti l-oħra kollha tal-media stampata baqgħu jsegwu din ix-xena.
Imma l-viltà forsi tista’ titkejjel b’modi oħra. L-istess individwu li heddidni ftit qabel, x’ħin wasal fit-tela’ fil-bokka ta’ Triq ir-Repubblika, qabad il-megaphone u qal sentenza li dak il-ħin qatt ma bsart li kienet għalija. Ftit sekondi wara, fuq l-istess megaphone, nisma’ għal aktar minn darba ismi jidwi mat-triq.
Għalxiex dan it-tip ta’ atteġjament? Fil-Belt kien għad fadal il-kaċċaturi u dawn l-uffiċjali setgħu saħħnu aktar irjus. Eżatt f’dan il-punt waslu ħdejna l-ogħla membri tal-Korp fosthom il-Kummissarju.
Il-bqija passat… l-ambulanza… tnejn l-isptar għall-kura u l-oħrajn f’ċentru tas-saħħa biex jagħtuna kura għall-ġrieħi. Fil-poliklinika tal-Floriana fid-9.15pm naħseb bejni u bejn ruħi: “Filli tkun sejjer lura biex tikteb storja fuq suġġett u filli l-affarijiet jittappnu u magħha tinbidel ukoll l-istorja. Hemm linja fina li jekk tinqabeż jinbidel magħha kull tip ta’ messaġġ. Ħasra.”
L-għada tara s-solidarjetà minn kull sfera tal-ħajja. Imma forsi l-aktar li laqtitni kienet telefonata ta’ kaċċatur jgħidulu l-‘Coka’. Bil-permess tiegħu nsemmi d-diskursata.
“Qed inċempillek f’isem il-kaċċaturi tat-Tarzna. Rasna maqtugħa. Jiddispjaċina ta’ dak li ġara. Nixtiequ ngħidulek li mhux il-kaċċaturi kollha bħal dawk li ħebbew għalikom. Ħa nibqgħu warajk. Ħbieb tiegħek.”
Grazzi wkoll lill-Pulizija pajżan li għenna, Mario Fabri, ix-xufier tad-Deputat Kummissarju Joe Cachia u l-Ispettur Kenneth Haber li wara sirt naf li kien strumentali wkoll biex joħroġ lill-ġurnalisti minn ħdejn il-Knisja ta’ San Franġisk.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt