11 ta' Marzu 2007 • Nr 19

Arkivji




 

 

 

11 ta' Marzu 2007
11-il sena ta’ esperjenzi u emozzjonijiet

Dak li mort għalih akkwistajtu! Minbarra li nagħmel sempliċi intervista lill-plejer femininli numru wieħed ta’ Malta, kont inkun kuntent biss jekk immur lura b’xi ħaġa ġdida x’nikteb fuq dan l-isport.
F’din l-intervista sirt naf b’ħafna affarijiet ġodda. Eżempju, ma nafx minn fejn seta’ nqala’ kowċ Nazzjonali li joffendik u jkellmek ħażin f’wiċċek waqt it-taħriġ. U qatt m’għaddietli minn rasi xi darba li l-MBA ma tatx dak li kienet wegħdet lill-plejers tagħha meta rebħu l-midalja tad-deheb fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Ma kontx naf anqas li l-persuna konċernata għandha passjoni speċjali għat-timijiet tal-futbol ta’ AC Milan u Birkirkara. Minbarra dawn, fl-età qatt ma bsart li bejnietna hemm differenza biss ta’ 13-il ġurnata. Għal min hu kurjuż, ngħidlu li jiena l-kbir!
Doreen Parnis hija l-Plejer Feminili tas-Sena 2006 tal-basketball ta’ Malta. Iltqajt magħha t-Tlieta li għadda. Għal kważi siegħa, Doreen spjegatli fil-qasir il-karriera tagħha u dak kollu li tixtieq li jinbidel għall-ġid tal-basketball f’pajjiżna. Tiżvela wkoll esklussivament f’din l-intervista li bdiet taħseb diġà meta se tkun il-ġurnata li tirtira mit-tim Nazzjonali. Anke jekk din il-ġurnata ma tagħtilhiex bi preċiżjoni, mit-ton tar-risposta tagħha tatni x’nifhem li d-data tista’ ma tkunx daqshekk fil-bogħod.
“Jien bdejt nilgħab minn meta kont il-Junior Lyceum mat-tim ta’ l-iskola. Hemmhekk kelli żvolta f’ħajti għax l-ewwel sport tiegħi kien in-netball. Kienet il-PE teacher li ħajritni nibda l-basketball. Jien l-isports inħobbu kollu imma l-basketball joġħġobni wisq. Huwa sport ta’ dixxiplina kbira. Għalija huwa sport addattat għax jintlagħab f’tim. L-isport individwali ma tantx jgħodd għalija.”
Huma ħafna dawk li minkejja li jipprattikaw xi sport jew dixxiplina, jammettu li l-isport tagħhom ma jkunx l-isbaħ wieħed li hawn.
“Ma ngħidx li hu l-isbaħ sport li hawn imma li hu wieħed mill-isbaħ m’għandix dubju. Hija logħba li tagħtik pjaċir u eċċitament kbir. Anke li nara partita basketball nieħu pjaċir, aħseb u ara waqt li nkun qed nilgħab jien.
“Jien naħdem il-Bank Of Valletta u xogħli joħodli ħafna ħin. Sfortunatament ġieli wasalt tard għat-taħriġ imma ma nistax nagħmel mod ieħor.”
Huma ħafna dawk li jirnexxu fi sport wara li jkunu bdew jipprattikawh b’kumbinazzjoni. Dan il-vers jgħodd ħafna għal Doreen.
“Il-plejers li kont nilgħab magħhom l-iskola kollha kienu jilagħbu mar-Rabat. Kont bdejt magħhom għax sħabi ta’ l-iskola ta’ dak iż-żmien kienu ħeġġewni niffirma ma’ dan il-club. Kienu r-Rabat l-ewwel tim tiegħi li ddebuttajt f’kampjonat magħhom.
“Il-Hibs kienu avviċinawni kemm-il darba biex ningħaqad magħhom. Fil-bidu qatt ma kienet l-intenzjoni tiegħi li niċċaqlaq minn fejn kont imma wara ħafna żmien kif jgħidu jasal iż-żmien tal-bidla. Il-Hibs minn dejjem kien tim li jinteressani u għalhekk ħtaft l-opportunità li niffirma magħhom.”
Huwa fatt li dan l-istaġun, Hibernians huma fi klassi għalihom. Qed jispikkaw kważi f’kull ħaġa li jagħmlu u ħadd ma jħossu offiż jekk ngħidu li l-għajta fuq f’omm kulħadd hija li t-tim ta’ Raħal Ġdid jinsab fi klassi għalih.
“L-aktar ħaġa li dan l-istaġun qed tispikka aktar mill-oħrajn hija li t-tim magħqud ħafna. Forsi għalhekk qed nidhru superjuri aktar minn timijiet oħra. Ilna għal dawn l-aħħar erba’ snin bl-istess plejers li kollha nafu lil xulxin. U din hija ħaġa importanti ħafna għal-logħba tal-basketball.”
Doreen Parnis twieldet f’Birkirkara fit-13 ta’ Lulju 1979. Hija bint Emanuel u Anna Micallef u għandha ħuha, Victor. Ta’ 16-il sena kienet bdiet tilgħab fil-kampjonat Nazzjonali ta’ pajjiżna.
Qabel din l-intervista tkellmit ma’ nies midħla tal-basketball li kollha qaluli biex nagħmel l-istess mistoqsija. Imma vera li s-sena l-oħra l-plejers ta’ Hibernians ingħataw rigal speċjali u ħaduhom Barcellona talli rebħu l-kampjonat?
“Iva, vera. Ma nistax ma nirringrazzjax lill-Hibs ta’ dan kollu. Konna mwegħdin li jekk nirbħu l-kampjonat jiħduna ġimgħa Spanja. Kienet mawra li serviet biex it-tim inaqgħad aktar u sirna nafu lil xulxin aktar minn qatt qabel. Morna tajjeb ħafna u kienet esperjenza sabiħa ħafna għax bħala tim konna għall-ewwel darba flimkien barra minn Malta bħala vaganza.
“Imma bħala finanzi ma tantx nista’ nqabbel ma’ timijiet oħra għax qatt ma lgħabt magħhom. Li nista’ ngħidlek b’ċertezza hu li fil-basketball għadna lura fejn jidħlu vantaġġi, sponsorships u flejjes. Hemm baħar jaqsam bejnha u bejn nagħtu każ, il-plejers tal-futbol.
“Li llum rbaħna dan kollu huwa prova biżżejjed li fil-club tagħna hemm taħlita professjonali ta’ kollox. Il-kumitat, plejers u kowċ huma dedikati ħafna u dan jawgura tajjeb ħafna għall-futur.”
U bħala plejer veterana ma stajt ma nistaqsihiex l-opinjoni fuq il-kowċ ta’ Hibernians, Mario Tabone.
“Mario Tabone huwa bniedem dixxiplinat, dedikat u serju ħafna. Kultant narah bħala bniedem diffiċli għax għalih il-basketball jiġi l-ewwel u qabel kollox. Bla dubju ħafna mis-suċċessi tagħna huma dovuti lilu.”
Kull plejer f’kull tim f’kull sport ikollu l-plejers preferuti tiegħu li magħhom iħossu komdu aktar minn ma’ oħrajn. Għal Doreen, dan mhux eċċezzjoni…
“Meta nsiefru naqsam il-kamra mal-captain Lucienne Bezzina. Ili nafha ħafna u nħossni komda fil-kumpanija tagħha. Dan l-aħħar it-tim qed jinbidel ħafna u ma nistax ngħid li baqgħet hi biss ħabiba tal-qalb. Sirt viċin ħafna ta’ Beverly Zammit ukoll u Barcellona għamilt l-aktar mill-ħin tiegħi magħha. Caroline Fenech ukoll hija ħabiba kbira tiegħi. Ġiet ma’ Hibs mingħand Luxol dan l-istaġun imma ili nafha ħafna għax lgħabna flimkien fit-tim Nazzjonali.”
Wara l-parteċipazzjoni tagħna fil-logħob tal-Commonwealth, kienu ħafna dawk li stennew midalja fil-Promotion Cup fi tmiem l-istaġun li għadda. Doreen tagħtini l-opinjoni tagħha l-għala ma waslitx.
“Il-logħob kien viċin u jekk tara dawk li tlifna, id-differenza ta’ l-iskor finali fihom kien wieħed viċin ħafna. Seta’ kien hemm żbalji tal-kowċ li ma ħax deċiżjonijiet tajbin jew tal-plejers għax ħafna minnha ma konniex fil-massimu tagħna. L-opinjoni tiegħi hi kien hemm ċerti deċiżjonijiet li kieku ttieħdu aħjar konna nirbħu ċertu logħbiet. Inutli niġġudikaw issa għax wara kulħadd bravu.”
Huwa suċċess kbir għat-tim Nazzjonali feminili li ġab tant riżultati f’dawn l-aħħar snin. Imma safejn nistgħu verament naslu?
“Bħala nisa, jekk tqabbilna ma’ pajjiżi tampar tagħna, ngħidlek li qegħdin fl-istess livell tagħhom. Jekk tara dak li rbaħna dan l-aħħar tinduna. Kellna din l-esperjenza tal-Commenwelth u hemmhekk tinduna li għadna lura fejn timijiet oħra.
“Imma kellna wkoll prestazzjonijiet tajbin. Ma ninsiex il-partita mal-Malasja li tlifna darbtejn b’distakk ristrett ta’ żewġ u tliet punti. Il-Malasia huwa pajjiż li welled plejers kbar tal-basketball.
“Bla dubju ta’ xejn ir-rebħ tal-midalja tad-deheb fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar kienet l-isbaħ esperjenza tiegħi kemm ili nilgħab il-basketball.
“Niftakar li kien avveniment uniku għalija u konna ilna nittħarġu għalihom aktar minn sena. Tlajna anke l-Italja fejn il-kowċ biex nitħarrġu. Meta wasal il-mument tal-prova kellna appoġġ qawwi mill-pubbliku Malti u ta’ dan inħoss li għandi nerġa’ nirringrazzja lill-poplu kollu. Kienet esperjenza li mhux se ninsiha żgur. Jien diffiċli biex jerġa’ jkolli esperjenza bħal dik anke għax sakemm dan il-logħob jerġa’ jsir f’Malta, jien ma nkunx għadni nilgħab żgur.”
Nieħu l-opinjoni ta’ Doreen fuq kif tara l-ħatra ta’ kowċis Nazzjonali ta’ Sandro Farrugia u Dorianne Galea fis-settur tan-nisa.
“Dorianne Galea nafha sew għax lgħabna flimkien ukoll. Bla dubju hija waħda mill-aqwa plejers li qatt ħarġu minn Malta. Kienet plejer dedikata ħafna u m’għandix dubju li l-istess dedikazzjoni li kellha se tagħtiha fil-coaching ukoll. Tgħallmet ħafna mingħand Santino u dan tista’ tgħallmu lit-tfal. Naħseb li kienet l-għażla ideali.
“Sandro ma tantx nafu imma milli smajt fuqu huwa coach tajjeb ħafna. Jekk jaħdmu id f’id se jkollhom żminijiet sbieħ.”
Santino huwa kowċ li jħares lejn Malta bħala passatemp. Żgur li l-ħajja tiegħu mhix hawn. Naraha li ħaġa bħal din li aktar mhux hawn milli hawn tista’ taffettwa lill-plejers tagħna aktar ħażin milli tajjeb. Doreen tispjegali f’aktar dettal lil Santino.
“Iva, taffetwa żgur li Santino ma jkunx hawn. Però l-għajnuna li jagħtina meta jkun hawn hija imprezzabbli. Infatti, r-riżultati ġew meta ġie hu. U dik tfisser xi ħaġa żgur. Li kieku jkun hawn is-sena kollha l-livell jogħla ħafna aktar però meta jiġi fis-sajf jieħu ħsibna wkoll.
“Santino kowċ diffiċli imma professjonali b’karattru tipikament ta’ Sqalli. Il-logħba jafha bl-amment u jgħinna ħafna. Forsi għandu nuqqas żgħir li ma tantx jaf imur mal-plejers jew li l-karattru tiegħu ma jinżilx tajjeb ma’ kulħadd. Jien ma ngergirx minnu imma hawn Malta m’aħniex imdorrijin li kowċ jiġi u jaqbad joffendik u jkellmek ħażin f’wiċċek b’kollox. Jagħmel hekk ma’ kulħadd. Infatti kien hemm xi plejers li miegħu ma kampawx bħal Irene Farrugia u rtirat mit-tim nazzjonali. Imma nammirah għax kif nispiċċaw it-taħriġ jerġa’ jiġi l-bniedem normali li jiċċajta u jkompli ma’ kulħadd.”
U x’inhuma l-affarijiet li Doreen Parnis ma taqbilx fihom mal-Malta Basketball Association?
“Meta għandek organizazzjoni impossibbli taqbel ma’ kull deċiżjoni li tittieħed. Bħala plejer ma tantx għandi xi ngerger għax miegħi dejjem imxew tajjeb. Hemm affarijiet li ma naqbilx magħhom fuq kif jorganizzaw il-kampjonati tal-Youths jew kif jimmarkitjaw il-Basketball f’Malta.
“Ftit jafu li l-logħob tal-Basketball jintlagħab Ta’ Qali u hemm bżonn ta’ aktar reklamar fuq dan. Meta darba l-kampjonat kien intlgħab Raħal Gdid, kien ikun hemm ħafna aktar nies. L-ambjent huwa ħafna isbaħ u plejer għandu kollox miegħu. Fl-antik ma kontx naqbel magħhom fuq kif kienu jimxu mat-tim tan-nisa b’differenza għall-irġiel. Aħna qatt ma konna neżistu għalihom. Wara r-rebħ tal-midalja tad-deheb inqalbet il-folja u saru jagħtu każ aktar lilna n-nisa.
“Kellna wkoll xi flus imwegħdin mill-MBA talli rbaħna l-midalja tad-deheb fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li bqajna ma ħadnihomx. L-uniku bonus li ħadna kien mill-KOM. Imma la tkun tħobb il-logħba ma tagħtix kas. Min f’Malta jħobb il-flus m’għandux għalxiex iħares lejn il-logħba tal-basketball.
“Però jibqa’ ta’ żvantaġġ kbir għalina li bħala tim Nazzjonali ilna ma nitħarrġu flimkien. U issa l-fatt li m’hemmx kompetizzjonijiet aktar agħar. Monaco iddeċidew li l-ismall Nation Games li jmiss ma jinkludux fihom il-basketball. Din is-sena bħala nazzjonal donnu ħa break il-basketball. Normalment konna niltaqgħu kull nhar ta’ Tnejn u jiżdiedu l-ġranet aktar ma toqrob id-data ta’ xi logħba.
“Nixtieq li fil-futur nerġa’ nara l-barranin lura fil-kampjonat Malti għax bihom jogħla l-livell u jiżdiedu l-attendenzi. Nixtieq li jkun hemm aktar timijiet għax dak ikun ifisser kompetizzjoni aktar ħarxa. Sfortunatament fil-kampjonat spiċċajna ġlieda bejn tliet jew erba’ timijiet biss. Jien nixtieq li l-isfida tkun waħda kumbattuta bejn aktar clubs.
Bħal kull pajjiż ieħor, l-isport l-aktar popolari u li jingħata importanza mill-media huwa l-futbol. Il-basketball jaqa’ xi ftit lura meta mqabbel ma’ pajjiż ieħor. Doreen konxja minn dan kollu wkoll.
“Żgur li ma jingħatax l-importanza li jingħata l-futbol. Jekk tara mill-programmi tat-televiżjoni fil-preżent tinduna li l-uniku programm huwa ta’ nofs siegħa fil-ġimgħa fuq Education 22 ta’ Willie Vassallo u Colin Schembri. Hija ħasra u drawback kbira li l-biċċa l-kbira tal-ġurnalisti sportivi Maltin ma tantx huma midħla tal-Basketball.” Forsi Doreen ma bassritx li fil-preżent, is-sitwazzjoni tal-plejers tal-basketball fejn tidħol media fuq it-televiżjoni hija l-istess bħal dik tal-plejers tal-futbol. Biex ma ngħidx li aħjar…
Bla dubju, Doreen laħqet il-quċċata tagħha s-sena l-oħra meta rebħet l-unur tal-Plejer tas-Sena. Għaliha kien ifisser ħafna.
“Sodisfazzjoni kbir li tkun il-plejer tas-sena ta’ pajjiżek. Rikonoxximent tal-ħidma li tkun ilek tagħmel. Meta qaluli ħadt pjaċir ħafna. Ħassejt li kelli sena tajba imma ħadta bħala sorpriża l-aħbar li rbaħt dan l-unur.”
Filwaqt li tispjegali l-emozzjonijiet tagħha għal dan is-suċċess, tagħtini aħbar li biha ħasditni.
“Qed naħseb diġà meta għandha tkun il-ġurnata li nirtira mit-tim Nazzjonali. It-tim Nazzjonali jrid ħafna commitment u meta taqbeż ċerta età tibda taħseb fuq dan kollu. Mhux qed ngħidlek li se nieqaf għada, imma nħoss li għandi nibda naħseb biex inħalli spazju għal żgħażagħ li tant tilgħin tajjeb u li jixtiequ ħafna jilagħbu f’din l-iskwadra.”
Insaqsiha lil min tara bħala l-aqwa plejers ta’ pajjiżna fil-futur.
“Hawn diversi plejers li tilgħin tajjeb u se jkunu l-plejers tal-futur għal Malta. Josephine Grima waħda minnhom. Bħalissa qed titħarreġ fi Piola ma’ Santino. Għalija hi l-bażi tal-basketball femminili f’Malta u t-tim Nazzjonali jdur kollu magħha. Għadha żgħira u għandha livell mill-aqwa. Beverly Zammit u Mandy Sciortino huma plejers ta’ klassi biżżejjed li se nisimgħu dwarhom żgur `il quddiem.”
U x’se tkun qed tagħmel wara li tirtira mill-karriera?
“Nixrob il-kafè ma’ xi xatt.”
It-tnejn nidħku filwaqt li nagħmilla sinjal b’rasi li mhux kelma ħażina. Nispeċifikala l-mistoqsija. Ridt infissrilha li tirtira mill-basketball u mhux mix-xogħol. Indunajt li kienet fehmitni mill-ewwel.
“Ma nafx. Forsi nitħajjar nikkowċja xi tim. Għamilt żmien meta kont mar-Rabat nikkowċja liż-żgħar. Naħseb li ninteressa ruħi u jekk insib xi tim ma ngħidx le. Imma m’jienix se nikkommetti lili nnifsi u ngħidlek li rrid insir kowċ żgur.”
Fil-ftit ħin liberu li jifdlilha, Doreen tħobb issegwi l-isport kollu, b’mod partikolari l-futbol.
“Ma nitlifx logħba tal-Milan. Bdejt inżomm magħhom minn żmien Gullit, Van Basten u Rijkaard. Kienu tliet plejers li jaffaxinawni. Ftit ġimgħat ilu kont fis-seba’ sema meta ġew Malta anki għax kumbinazzjoni lagħbu mat-tim ta’ pajjiżi, Birkirkara. Ma żammejt ma’ ħadd għax daħħaltha f’moħħi li sejra nara show.”
Kif semmietli Birkirkara dħakt. Indunat li kont se nitlobha l-opinjoni tagħha fuq it-tim fil-preżent.
“Hija sitwazzjoni tal-biżà jew aħjar tal-mistħija. Li tim bħal Birkirkara jsofri umiljazzjoni ta’ sitt goals ma’ Marsaxlokk mhux ċajta. Li kieku m’hemmx plejers tajbin tgħid paċenzja. Imma li tkun taf li ma’ Birkirkara jilagħbu l-aqwa plejers ta’ Malta, mhix aċċettabbli. Kif jista’ jkun taqla’ sitt goals meta jkollok tim mimli bil-krema tal-plejers ta’ Malta? Tal-mistħija.
“Il-fatt li neħħew lil Stephen Azzopardi qed jidher biċ-ċar li għandhom inkwiet intern u dak huwa l-frott tar-riżultati preżenti. Ma’ Stephen irbaħna ħafna u ma nafx għalxiex tneħħa. Il-partitarji diffiċli biex jinsew lil dan il-bniedem. Kienet tad-dwejjaq l-aħbar li telaq.”
Nerġa’ ndawwar id-diskors fuq il-basketball. Nistaqsiha min taħseb li huwa l-aqwa plejer ta’ kull żmien li qatt deher f’dan l-isport.
“F’Michael Jordan nara aktar minn normali li wieħed jista’ jagħmel fil-basketball. Ma nixba’ qatt nara dokumentarji fuqu għax huwa plejer impressjonanti. Il-kapaċità li kellu ma kinitx ta’ din id-dinja. Narah `il fuq minn natural tal-logħba. Klassi għalih waħdu u ma narax plejer li jista’ xi darba jkollu d-don tiegħu fil-basketball. Naħseb li huwa l-Maradona fil-futbol.”
Fl-aħħarnett Doreen ma tonqosx milli tirringrazzja minn qalbha lil dawk kollha li b’xi mod għandhom x’jaqsmu mat-tim ta’ Hibs.
“Ma nistax ma ngħidx grazzi kbira mill-qalb lil Ronnie Calleja, Dr. David Attard, lill-President Anthony Vassallo u lill-isponsor Medsea Shipping. Dawn kollha għandhom timbru speċjali fis-suċċess tal-karriera tiegħi.”

mattard@mediatoday.com.mt

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt