Rhapsodia hi isem il-wirja ta’ Mark Schembri u Charmaine Zammit li qed tittella’ bħalissa fir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone. Hi tema ta’ emozzjonijiet negattivi, kif jiddiskrivuhom huma. “Aħna ma tantx ridna nagħmlu wiċċ ippużat jidħaq u dan inzerta bla ma konna nafu li qed inpinġu l-istess,” qalet l-artista.
Fil-fatt it-tnejn li huma użaw wiċċhom fix-xogħlijiet, l-iktar Mark li l-wirja tiegħu tirrifletti dak li kien għaddej minnu f’dawn l-aħħar xhur.
“Din hi l-ewwel wirja awtobiografika tiegħi. Kelli xi problemi personali. Użajt l-arti b’mod terapewtiku. Ridt neżorċizza ruħi minn dawn id-dwejjaq. Inħares lejhom issa narahom li veru ħarġu b’mod naturali,” jispjega Mark. Ikompli jfiehem kif tpinġew uħud mix-xogħlijiet li għalkemm huma temi li wieħed jassoċjahom mal-Bibbja fil-fatt huma hu u jirriflettu dak li ħass. “Salomè għalija dik mhix Salomè. Dik saret għax ħassejtni ras maqtugħa u allura ddeċidejt li nuża lilha. L-istess f’Agħar mill-Mewt hi l-Firda, dak mhux kurċifiss imma hu jien li ħassejtni msallab.”
Xogħol Charmaine hu inqas aggressiv fis-sens ta’ kompożizzjoni u kuluri. Filwaqt li xogħol Mark hu kollu skur u jesprimi biċ-ċar priġunerija ta’ dwejjaq, Charmaine mliet it-tili b’suġġetti ħafna iktar astratti u kkuluriti. Għalkemm kienet l-artista Żabbarija li qalet li ma riditx tpinġi uċuh jidħqu, fit-tili tagħha joħorġu nqas emozzjonijiet muġugħa.
Fil-fatt fl-unika pittura tagħha fil-wirja, Superconscious, fejn hemm wiċċha jidher sew fiha u użatu għax ix-xogħol hu ħsieb personali, ma joħorġux dawk l-emozzjonijiet ta’ swied il-qalb. Wisq probabbli hi kellha ħsibijietha iktar liberi li jesploraw it-tema fil-beraħ u għalhekk ħadmet fuq suġġetti differenti għall-wirja.
Fit-tili tagħha hemm iktar spazju għal min qed josservahom biex jaħseb. “Inħobb inħalli ftit misteru biex inħalli lill-ispettatur jaħseb. Ma jinteressanix inpinġi kwadru b’vażun tal-fjuri fejn mhemmx spazju għall-immaġinazzjoni u l-interpretazzjoni tiegħu,” kompliet tgħid Charmaine.
Għaliha l-arti hi avventura jew esperiment, fejn ħa tibda vjaġġ u fl-aħħar se tasal x’imkien. Kompliet tispjega kif il-fatt li tgħallem l-arti fi skola sekondarja jgħinha żżomm ruħha aġġornata u fl-istess ħin tagħmel reviżjoni ta’ dak li tkun studjat meta kienet iżgħar. Għalkemm xogħolha ma jdejjaqhiex, xorta waħda tippreferi taħdem fuq xogħol iktar dirett ma’ l-arti iżda li tgħallem sabitu l-iktar xogħol qrib l-arti tagħha.
L-artist Mosti wkoll jgħallem imma x-xogħol proprju tiegħu hu artist u disinjatur tal-grafika li jaħdem għal rasu. Ġieli jirreċta wkoll.
Ix-xogħol tiegħu kemm hu affettwat mit-teatru? “Il-pitturi tal-wirja kważi kollha huma pożi li ħadt tiegħi nnifsi b’mod drammatiku. Mhumiex normali. Ridt inwassal messaġġ daqsxejn qares.”
Ta’ min jinnota li x-xogħlijiet taż-żewġ artisti huma mpittra bl-akrilika iżda fihom ħafna aktar affarijiet imwaħħlin mat-tila jew imħallta maż-żebgħa. Charmaine użat xi ħġieġ imkisser u drapp għal din il-wirja filwaqt li Mark, minbarra li ħallat il-konkos kważi f’kull tila u taha tessitura ħarxa u mqabbża, iħobb ukoll iwaħħal oġġetti bħal xi chopping board jew vit ta’ l-ilma.
Imbagħad rigward kemm idumu fuq xogħolhom, Charmaine tagħmel distinzjoni bejn kemm iddum taħseb fuq xogħol u kemm iddum tagħmlu. “Jiddependi wkoll mill-muża għax ġieli jkollok ħafna affarijiet oħra allura l-pittura jkollha tistenna,” żiedet tgħid.
Fil-pront qabeż Mark jgħid li ma jemminx fil-muża u iktar ma jkun mgħaġġel ix-xogħol aktar joħroġlu tajjeb!
fpulis@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt