Kienu diversi d-drabi li l-Għaqda Mid-Dlam għad-Dawl tkellmet dwar l-inġustizzja kbira li l-ħabsin jitteħdilhom il-vot. L-aħħar darba li għamilna dan kien il-Ħadd 4 ta’ Frar fil-ġurnal It-Torċa.
Għalhekk naqblu, tista’ tgħid, ma’ kulma’ qalu Toni Abela u Peppi Azzopardi fil-ħarġa ta’ Illum tal-Ħadd 4 ta’ Marzu.
Mhux l-ewwel darba li naqraw fil-gazzetti li xi ġudikant jibgħat lil xi ħadd il-ħabs għax jitqies li hu irresponsabbli u kiser il-liġi. It-tajba hi li fil-ħabs il-priġunier jitlef kull responsabbiltà, saħansitra dik li jieħu sehem biex ikunu eletti l-mexxejja ta’ pajjiżu.
Interessanti wkoll kienu l-argumenti li ġab Toni Abela fuq il-kastig doppju u fuq it-telfien tal-pensjoni. Dawn ukoll huma suġġetti li aħna nitkellmu dwarhom ta’ spiss iżda donnu ħadd ma jrid jagħmel xejn dwarhom. Aħna nixtiequ li, kif qal Toni Abela, xi ħadd jisfida dawn il-liġijiet iżda jiġri li min għandu interess, il-priġunier, ħafna drabi ma jkollux flus biżżejjed u jħalli kollox għaddej.
Għall-informazzjoni tal-qarrejja nixtieq ngħid li llum fil-ħabs hemm min qiegħed isofri kastig doppju li wasslu jagħmel snin żejda l-ħabs. Hemm ukoll min wara għomru kollu jħallas il-bolla mhux qiegħed jieħu pensjoni għax issa qiegħed il-ħabs. Dawn u oħrajn kollha jixtiequ li xi ħadd isib rimedju għall-problemi tagħhom.
Min jaf kieku jkun hawn xi avukat li biex jara l-inġustizzji f’pajjiżna jonqsu, jkun lest li jieħu dawn il-kawżi u jkun hu li jisfida l-liġijiet.
Aħna min-naħa tagħna lesti noffru kull għajnuna.
George Busuttil
Segretarju
Mid-Dlam għad-Dawl
Bormla
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt