11 ta' Marzu 2007
Ma tantx naslu bil-legalizzazzjoni biss tad-droga
Naqbel mal-kumment editorjali tiegħek li jeħtieġ dibattitu serju dwar il-possibbiltà li d-droga tkun legalizzata. Sa ċertu punt għandhom raġun dawk li jgħidu li l-illegalità tkabbar il-ferita għax twassal lil min juża d-droga biex jiċċappas bil-kriminalità. Barra minn hekk, l-illegalità tkompli tgħolli l-prezz tad-droga u għalhekk min jużaha, aktarx iva milli le, ikollu jikser il-liġi billi jisraq, jiffroda u jipprostitwixxi ruħu biex isostni l-vizzju tiegħu.
Imma jibqa’ l-fatt li l-problema mhix id-droga iżda r-raġuni għala nieħu d-droga. Kulħadd jaf li d-droga hi l-għanqbuta u inutli tattakka l-għanqbuta jekk ma teqridx il-brimba. Inħoss li l-argument tal-legalità jattakka l-għanqbuta u f’dan il-kuntest, naqblu jew ma naqblux jekk id-droga tkunx legali jew le, xorta ma nsolvux il-problema. Kif rajna fil-każ ta’ l-alkoħol.
Jidher li hawn qbil li l-addiction mhix biss kundizzjoni bio-psiko-soċjali imma wkoll hemm nies predisposti li jabbużaw droga jew oħra minħabba li jitwieldu b’genes partikolari. Għalhekk sfortunatament fil-kamp mediku soċjali nitkellmu b’lingwa filwaqt li fil-kamp legali politiku nitkellmu b’oħra. Fil-fehma tiegħi aktar jagħmel sens li niddikriminalizzaw l-użu tad-droga filwaqt li ngħinu lil dawk li biex jiffunzjonaw fis-soċjetà jridu jużaw id-droga – legali jew illegali.
Anqas mal-persuna jkollha trobbija tajba, ħiliet, stima għolja tagħha nnifisha, network soċjali, saħħa mentali u sens fil-ħajja, aktar tista’ tinqabad fil-vizzju. Għalhekk hu skandaluż li nitfgħu lil dawn in-nies il-ħabs jew inkella nsakkruhom fi sptar mentali.
Wasal iż-żmien li nsaħħu x-xibka soċjali biex min hu dgħajjef quddiem id-droga, jew xi proċess ieħor bħalma hu l-logħob, la jagħmel ħsara lilu nnifsu u lanqas lill-oħrajn.
Il-programmi ta’ rijabilitazzjoni u l-komunitajiet terapewtiċi offrew parti minn din ix-xibka iżda jidher li rridu nespanduha u nsaħħuha.
Żgur jgħin il-ħolqien ta’ komunitajiet fil-lokalitajiet fejn is-suċċess ma jitkejjilx aktar bil-boats, il-vilel u l-ittri wara ismek. Fejn kull persuna tingħata l-ispazju u d-dinjità li jistħoqqilha.
Il-ktieb ta’ Jan Vanier “Community & Growth” jista’ jservi ta’ manifest għal dawk li jemmnu f’għada aħjar.
Charles Miceli
Naxxar
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt