11 ta' Marzu 2007 • Nr 19

Arkivji




 

 

 

11 ta' Marzu 2007
It-tweġiba għan-nostalġija ‘Eddie’

Karl Stagno- Navarra jintervista lil Beppe Fenech Adami

Kważi fula maqsuma fix-xebh ma’ missieru f’kull ħarsa, moviment b’idu u fil-mod kif jitkellem, Beppe Fenech Adami qed jipponta biex jimla’ l-vojt li ħalla warajh missieru Eddie, il-lum President tar-Repubblika u sa sentejn ilu, Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista.
F’kull elezzjoni mill-1981 sal-lum, sitta b’kollox, Eddie Fenech Adami dejjem ġab aktar minn 10,000 vot mit-tmien distrett kompost prinċipalment mil-lokalità ta’ B’Kara, ekwivalenti għal aktar minn tliet kwoti.
Beppe, li f’Awissu li ġej jagħlaq 39 sena, hu konxju minn din ir-realtà u qed jaħdem bis-sħiħ biex jikseb kemm jista’ jkun l-appoġġ ta’ dawn il-votanti u jissodisfa l-votanti li sal-lum jiddikjaraw li jħossu għan-nuqqas ta’ Eddie Fenech Adami fil-politika.
“B’saqajja ma’ l-art m’jienix qed nimmaġina jew nilludi ruħi li se nġib il-voti kollha li kien jikseb il-papà, iżda nemmen li għandi opportunità tajba li nkun ta’ tweġiba għall-mijiet ta’ familji li baqgħu dejjem leali lejn missieri,” isostni Beppe.
Espost għall-politika sa mit-trobbija tiegħu u anki jekk minn wara l-kwinti ilu attiv fil-PN għal dawn l-aħħar 25 sena, Beppe qed iħejji ruħu għall-front li kien jimmilita fih missieru. Dak l-istess front ta’ missjoni li se jlaqqgħu mat-tlugħ u l-inżul.
Beppe Fenech Adami ddeċieda li jikkontesta l-elezzjoni ġenerali wara sentejn ta’ “sabbatika” mill-politika hekk malli missieru kien ħabbar li kien se jċedi postu fit-tmexxija tal-Gvern u tal-PN lil suċċessur.
Jispjegali li kienu ħafna dawk li avviċinawh u li ħeġġewh biex jikkontesta l-elezzjoni ġenerali, filwaqt li l-Kap attwali Lawrence Gonzi u s-Segretarju Ġenerali Joe Saliba nsistew miegħu li kien wasal iż-żmien biex jiddeċiedi.
“Iddiskutejt id-dħul tiegħek fil-politika ma’ missierek u x’qallek?” staqsejtu.
“Anqas qatt ma tkellimna dwarha. Infurmajtu biss li kont iddeċidejt li se nikkontesta fuq it-Tmien Distrett, u kulma qalli kien ‘agħmel int,’ filwaqt li l-mamà wrietni li ma tantx ħadet gost.”
“Qed nara medja ta’ madwar 50 familja fil-ġimgħa,” qal Beppe, filwaqt li żied li jqisha bħala “konsolazzjoni” li jsib li medja ta’ dar minn kull ħamsa żżomm ritratt ta’ missieru fid-dar.
B’ħarsa ċajtiera Beppe jikkummenta li jqisha bħala “konsolazzjoni” għaliex “nistenna li jaħsbu fija” meta tasal l-elezzjoni.
U x’kienet ir-reazzjoni ta’ missieru, il-President, malli Beppe infurmah li kien se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali?
“Agħmel int,” kienet it-tweġiba ta’ missieru Eddie. “La qatt ma ddiskutejniha u lanqas qatt ma daħal fiha jew influwenzani.”
Politikament wieħed jista’ jgħid li Beppe Fenech Adami jaħsibha ħafna bħal missieru.
“Mhix kwistjoni ta’ trobbija jew li nemmen f’xi ħaġa għaliex missieri jemmen b’mod fuq ċerti affarijiet. Il-ħsieb politiku tiegħi hu dak li dejjem sawwar il-bażi tal-valuri u l-ideali demokristjani tal-Partit Nazzjonalista. Huma dawn il-valuri li baqgħu u li se jibqgħu jiddistingwu lill-PN mill-MLP,” jsostni Beppe Fenech Adami filwaqt li jiċħad kull referenza għall-PN bħala partit konservattiv.”
Beppe jiftaħ fuq it-tema tad-divorzju hekk kif id-diskussjoni tagħna tibda xxaqleb lejn it-temi soċjali attwali u li qed jitfgħu pressjoni fuq il-partiti politiċi.
“Nistqarr li jien kontra d-divorzju u ngħid dan ukoll għax bħala avukat ta’ kuljum immiss ma’ ħafna realtajiet soċjali. Nemmen li minkejja l-problemi, xorta waħda d-divorzju ma jkun qed isolvi l-ebda problema.”
Dwar il-politika attwali, Beppe Fenech Adami jesprimi ruħu fiduċjuż li l-elezzjoni ġenerali li tmiss se terġa’ tintrebaħ mill-PN.
Konxju li din l-intervista se tkun ippubblikata l-għada ta’ l-elezzjonijiet għall-kunsilli lokali bir-riżultati jkunu magħrufa dalgħodu, Beppe Fenech Adami jsostni li wieħed qatt m’għandu jassumi li telfa għall-PN fil-kunsilli tfisser telfa fl-elezzjoni ġenerali.
“Hemm affarijiet importanti ħafna x’jitqiesu qabel ma wieħed jaqbad u jagħmel xi ħaġa ċerta’.
“Jekk wieħed iħares lejn il-medja ta’ bejn 60 u 70 fil-mija ta’ l-elettorat li jivvota fl-elezzjonijiet għat-tiġdid tal-Kunsilli, jinduna wkoll li ma tistax tipparaguna din ir-realtà li f’elezzjoni ġenerali joħroġ jivvota kważi kulħadd b’turnout li jaqbeż is-96 fil-mija.”
“Trid tifhem ukoll li għad baqa’ aktar minn sena sa l-elezzjoni ġenerali u għad fadal ħafna xogħol importanti xi jsir mill-Gvern sa dak iż-żmien,” isostni Beppe, filwaqt li jżid li min-naħa l-oħra wieħed għandu jifhem ukoll li kulmin ikun fil-gvern dejjem jaqlagħha mingħand l-elettorat f’elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.
Beppe Fenech Adami ma jemminx li l-poplu Malti qed jitlef jew tilef l-interess fil-politika.
“Meta wieħed iħares lejn it-turnouts jara li l-interess taċ-cittadini fil-politika għadu ħaj ħafna,” isostni.
Beppe iżda hu konxju mill-fatt li l-PN jista’ jkun qed jiffaċċja ċerta apatija minn fost il-votanti tiegħu stess, jew mill-bqija ta’ l-elettorat minħabba l-fatt li l-PN ilu fil-Gvern għal dawn l-aħħar 20 sena.
“Hu veru li l-PN ilu fil-Gvern għal dawn l-aħħar 20 sena għajr għall-parentesi ta’ 22 xahar ta’ gvern ta’ Alfred Sant. Però nemmen li fl-aħħar mill-aħħar l-elettorat se jerġa’ jafda lill-PN għax jifhem li l-PN għandu l-aħjar politika għall-pajjiż u jista’ jqabbel din il-politika ma’ l-esperjenza qarsa ta’ gvern ta’ Sant li ngħata ċans mill-poplu Malti fl-1996 u jaf x’riżultati ħalla warajh,” qal Beppe Fenech Adami.
Iżda skond Beppe Fenech Adami x’inhuma l-kwistjonijiet elettorali għall-elezzjoni ġenerali?
Infakkru fl-isfida ta’ l-Indipendenza fis-Sittinijiet, il-ħidma politika qawwija min-naħa ta’ missieru fis-Sebgħinijiet u fit-Tmeninijiet bħala l-Kap tal-PN fuq kwistjonijiet ta’ libertajiet fundamentali, il-liberalizzazzjoni ta’ l-ekonomija fid-Disgħinijiet u s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
“Issa jmiss li nsaħħu lil Malta fl-Unjoni Ewropea għaliex nemmen li tliet snin mis-sħubija għadna lanqas bdejna ngawdu farka mill-ġid kbir li għandu jmiss lil pajjiżna.”
Beppe jsostni li l-fatti qed juru kif l-ekonomija qed tirpilja sew, tant li fil-mixja tal-pajjiż lejn l-addozzjoni tal-munita Ewro minn hawn u ftit tax-xhur oħra, nkiseb suċċess kbir fit-tisħiħ ta’ l-ekonomija u l-finanzi tal-pajjiż. Inqis it-tkomplija tat-tisħiħ ta’ l-ekonomija tal-pajjiż bħala kwistjoni li l-elettorat m’għandux jiskarta fl-elezzjoni ġenerali li ġejja,” jgħid Beppe, filwaqt li jżid fuq kif diversi setturi, fosthom is-self employed, bdew iħossu d-differenza.
Fl-opinjoni ta’ Beppe Fenech Adami l-istorja li ppremjat lil Ġorġ Borg Olivier bil-kisba ta’ l-Indipendenza, lil missieru Eddie għas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, issa jmissha tippremja wkoll lil Lawrence Gonzi li għandu jkun imfakkar għas-suċċess li għamel minn Malta bħala membru fl-UE.
Nistaqsi lil Beppe għall-opinjoni tiegħu dwar l-argument ta’ ħafna li l-ġid li l-Gvern qed jgħid li qed jinħoloq fil-pajjiż mhux jinħass.
Iwieġeb li hu veru li wieħed ma jista’ qatt jiġġeneralizza fuq il-ġid li jmiss lil kulħadd. Iżda jżid li għandha tibqa’ priorità ta’ Gvern immexxi mill-PN li jiżgura li f’kull ħidma tiegħu ma jħalli lil ħadd jaqa’ lura.
“Hu veru li hawn min qed ibati u forsi mhux qed iħoss il-ġid fil-but tiegħu daqs ħaddieħor. Imma meta wieħed iħares lejn il-pajjiż f’kuntest ġenerali wieħed jinduna li hawn qawmien ekonomiku ġdid li qed ikattar aktar opportunitajiet u ġid għall-Maltin,” isostni.
Beppe Fenech Adami jgħid li l-Gvern jista’ jagħmel ferm aktar biex ibigħ il-fatti lill-poplu, u għamel il-mistoqsija miftuħa dwar kemm fil-fatt hawn nies li jafu li s-surcharge fuq id-dawl u l-ilma tbaxxa minn 67 fil-mija għal ftit aktar minn 40 fil-mija.
“Il-poplu Malti fehem li s-surcharge kienet inevitabbli minħabba l-pressjoni fuq il-pajjiż għaż-żieda straordinarja fil-prezz internazzjonali taż-żejt u l-Gvern ħadem bis-sħiħ biex ifiehem din ir-realtà lin-nies. Madankollu ma kienx daqstant effiċjenti biex ibigħ ir-realtà l-oħra li s-surcharge m’għadhiex għolja daqs kemm kienet sena ilu,” sostna Beppe Fenech Adami.
Nitkellmu dwar il-partiti politiċi u l-operat tagħhom.
“Jiddispjaċini ninnota kif mill-partiti naqas ħafna s-sehem tal-volontarjat,” qal Beppe, li żied kif għalkemm ma jixtieqx ikun interpretat jgħid li l-impjegati fil-partiti ma jagħtux sehem biżżejjed f’xogħolhom, hu fatt magħruf li l-volontiera fil-partiti politiċi jagħtu ħafna mill-qalb u b’dedikazzjoni kbira.
Fi ftit kliem, is-sehem tal-volontarjat fil-politika hu rappreżentattiv ta’ l-ispirtu tas-servizz li wieħed għandu jkattar fil-ħajja politika.
Kien hawnhekk li ħadt l-opportunità li nirreferi lil Beppe Fenech Adami għad-dikjarazzjoni riċenti li għamel Joe Saliba ma’ din il-gazzetta li qal li wara l-elezzjoni ġenerali ma jaħsibx li jkompli fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-PN.
Int titħajjar għal din il-kariga?
“Jien qatt ma neskludi xejn. Żgur, iżda li mhux se nikkontesta lil Joe Saliba fil-kariga tiegħu. Jekk il-post ikun vakanti allura nikkunsidra l-għażliet li jkolli quddiemi,” ikun pront iwieġeb Beppe, ta’ avukat li hu.
F’dan l-isfond inressaq mistoqsija oħra marbuta ma’ l-operat tal-PN u x’jaħseb Beppe Fenech Adami li jistgħu jkunu l-bidliet għall-aħjar fi ħdan l-istrutturi tal-partit.
“Nemmen li wasal iż-żmien li jsiru aktar riformi fil-PN fis-sens li d-diriġenti tal-partit jkunu aktar ffukati fuq il-ħidma politika filwaqt li jinħolqu l-istrutturi neċessarji biex jitmexxew b’suċċess l-entitajiet kummerċjali li għandu l-partit”.
Beppe jgħid ukoll li ma tantx hu favur it-tħaddim ta’ politika ta’ finanzjament mill-Istat lill-partiti politiċi.
“Hemm ħafna implikazzjonijiet meta wieħed jitkellem dwar il-finanzjament tal-partiti mill-Istat. Nemmen li wieħed għandu jara l-kwadru kollu ta’ l-affarijiet bil-vantaġġi u l-iżvantaġġi kollha li sistema bħal din iġġib magħħa.”
Lejn tmiem l-intervista ma setgħetx tonqos mistoqsija dwar il-kwistjoni tal-kaċca u l-insib.
“Kif tibda riesqa elezzjoni ġenerali dejjem qed tinqala’ din il-kwistjoni bil-partijiet kollha fuq iż-żewġ naħat jheddu u jirrikataw bil-voti. Din hi kwistjoni li ilha tinqala ta’ kull darba sa mill-1992 u fil-verità minn dak iż-żmien ’l hawn saru ħames elezzjonijiet, li minnhom il-PN rebaħ erba’ u l-MLP rebaħ waħda.
“Insostni li r-rikatt tal-kaċċaturi u n-nassaba min-naħa u dawk kontra l-kaċċa lejn il-politiċi għandu jieqaf darba għal dejjem. Mhux ġust li jsir it-theddid bil-vot. Dan juri nuqqas ta’ rispett u għaqal lejn l-interess nazzjonali.
“Meta wieħed jara l-fatti kif inhuma, il-Gvern jiġi kkritikat kemm mill-ambjentalisti kif ukoll mill-FKNK u dan juri biċ-ċar kif il-Gvern qed jevita l-estremi u jipprova jsib kompromess raġunat.
“X’imkien il-Gvern, hu min hu, jeħtieġ li jieħu deċiżjoni, iżda din id-deċiżjoni trid tittieħed wara li tkun tqieset l-istampa kollha u kemm l-ambjentalisti kif ukoll l-FKNK jkunu maturi u serji fil-pożizzjonijiet tagħhom u mhux jesponu punti estremi u ta’ theddid kontinwu.
“Wasal iż-żmien li kulħadd jerfa r-responsabbiltajiet tiegħu u jkun leali lejn il-pajjiż u mhux lejn l-interessi dojoq ta’ wħud li jiġu jaqgħu u jqumu minn dak li jixraq tassew lill-pajjiż.”
L-aħħar twissija tiegħu lill-ambjentalisti. Isostni li kull min jaħseb li l-kaċċa u l-insib se jispiċċaw totalment minn Malta “qed joħlom” u jżid li anki dawk li ma jaqblux mal-kaċċa jeħtieġu jkunu moderati fil-pożizzjonijiet tagħom.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt