11 ta' Marzu 2007 • Nr 19

Arkivji




 

 

 

11 ta' Marzu 2007
Xogħol l-Awtorità tad-Djar

Għal numru ta’ snin l-Awtorità tad-Djar kienet il-mutur meħtieġ għall-bini ta’ bosta proġetti estensivi fil-qasam tad-djar f’diversi lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex.
Dawn il-proġetti jagħmlu parti mir-responsabbiltà kontinwa ta’ l-Awtorità tad-Djar li tipprovdi akkomodazzjoni diċenti u ambjent aħjar biex insaħħu l-komunitajiet tagħna waqt li tirrifletti l-bżonnijiet tas-soċjetà Maltija llum.
Il-programm ta’ bini ta’ l-Awtorità tad-Djar ta’ dawn l-aħħar snin jaħseb f’bosta gruppi vulnerabbli fis-soċjetà tagħna: familji bit-tfal, l-ewwel xerrejja, l-anzjani u nies bi bżonnijiet speċjali.
Taħt l-inizjattiva ġdida Equity Sharing, l-Awtorità tiffinanzja jew tiggarantixxi sa Lm7,000 għal xiri ta’ l-ewwel residenza ġebel u saqaf u sa Lm10,000 għal xiri ta’ l-ewwel residenza kompluta.
Il-benefiċjarji mhumiex obbligati jixtru lura l-investiment li tkun għamlet l-Awtorità qabel 10 snin mid-data tal-kuntratt tal-bejgħ. Wara dan iż-żmien hi tkun tista’ tiġbor l-informazzjoni meħtieġa biex tivverifika jekk l-applikanti humiex f’pożizzjoni li jħallsu lura jew jieħdu self ieħor biex jixtru s-sehem li jkollha l-Awtorità fir-residenza tagħhom.
L-Awtorità tagħraf bi sħiħ li ħafna żgħażagħ u aspiranti familji żgħażagħ jixtiequ jkollhom l-opportunità li jsiru sidien ta’ djarhom. Din l-inizjattiva hi mmirata li tilħaq lil dawk il-koppji, familji jew persuni waħedhom li ma jistgħux jissellfu biżżejjed biex jilħqu l-prezz medju biex jixtru l-ewwel residenza.
Aħna żidna wkoll il-persentaġġ ta’ fondi għal nies waħedhom ’il fuq minn 30 sena. Dan għax aħna nagħrfu li djar bi dħul wieħed, kemm jekk huma persuni waħedhom jew familji bi dħul wieħed, qegħdin isibuha diffiċli biex ikollhom aċċess għal xiri ta’ proprjetà biex ikunu sidien ta’ djarhom.
Din l-iskema hi riżultat ta’ xhur ta’ riċerka u xogħol siewi, iżda hu importanti li naċċennaw li dan il-proġett għadu f’fażi inizjali biex naraw jekk, flimkien mal-mudell tradizzjonali tagħna tax-Shared Ownership, jistax jgħin iktar lil dawk li jixtiequ jkunu sidien ta’ djarhom.
Hu importanti wkoll li nsemmu li qegħdin noffru aktar għajnuna finanzjarja lil dawk li jixtru residenza li diġà teżisti minflok li jixtru proprjetà ġebel u saqaf. B’dan il-mod aħna qegħdin ninkoraġixxu lix-xerrejja li jixtru l-ewwel residenza tagħhom biex jixtru, meta hu possibbli, djar eżistenti minflok bini ġdid.
Wara s-suċċess ta’ l-ewwel avviż taħt l-inizjattiva tax-‘Shared Ownership’ f’Awissu 2005, f’Settembru tas-sena l-oħra, l-Awtorità ħabret it-tieni avviż bl-istess inizjattiva.
Din id-darba l-Awtorità ħarġet rekord ta’ 259 fond għall-bejgħ f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex. Il-valur kummerċjali ta’ dawn il-fondi kien ta’ Lm11,118,000. Kien hemm interess qawwi ħafna f’din l-inizjattiva li tagħti l-opportunità lil ħafna familji u l-ewwel xerrejja li jkollhom id-dar tagħom.
Peress li kien hemm domanda qawwija għal din l-iskema l-Awtorità tad-Djar bħalissa għandha ’l fuq minn 460 post fi stat ta’ kostruzzjoni li jinkludu 400 appartament u 68 mezzanin f’diversi lokalitajiet bħal Pembroke, l-Imrieħel, l-Imtarfa, il-Qawra, il-Kalkara, l-Imġarr, in-Naxxar, Ħaż-Żebbuġ u oħrajn.
Apparti dan l-Awtorità beħsiebha tkompli b’aktar proġetti ta’ Sheltered Housing fejn inżommu numru ta’ appartamenti addattati għall-anzjani, biex jibqgħu jgħixu b’mod indipendenti fil-komunità, f’kull proġett ġdid ta’ housing li jkun fih mill-anqas 25 unit u li jinsab f’lokalità addattata.
Is-sena l-oħra l-Awtorità kompliet bix-xogħol ta’ rikostruzzjoni ta’ blokk li jinsab fi Triq il-Merkanti, Valletta li jinkludi wkoll ċentru lokali fejn l-anzjani, qraba u ħbieb ikunu jistgħu jiltaqgħu flimkien.
Blokk ieħor ta’ 13-il appartament fi Triq l-Iljun,
il-Furjana u li bħalissa qiegħed jinbena, ġie addattat ukoll biex wara jiġi allokat b’kera lil persuni anzjani.
Sadanittant, kienu identifikati lokalitajiet oħra fejn l-Awtorità bi ħsiebha tipprovdi aktar blokki ta’ sheltered housing.
L-Awtorità hi impenjata wkoll fir-riġenerazzjoni urbana li jinkludi r-rijabilitazzjoni jew ir-rikostruzzjoni ta’ postijiet meqjusa bħala sub-standard u li bħalissa jinsabu vojta.
Il-proġetti ta’ riġenerazzjoni urbana li qed jinbnew bħalissa f’Bormla u l-Furjana jikkonsistu bejniethom fi 88 unit u 67 garaxx li mistennija jtellgħu spiża ta’ ’l fuq minn Lm2 miljun.

Marisa Micallef hi ċ-Chairperson ta’ l-Awtorità tad-Djar

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt