11 ta' Marzu 2007 • Nr 19

Arkivji




 

 

 

11 ta' Marzu 2007
Fejn hu d-djalogu soċjali?

Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali reġa’ fl-aħbarijiet. Ir-riżenja ta’ Victor Scicluna minn chairperson ta’ dan il-Kunsill ftit li xejn qajmet diskussjoni forsi għax intfiet bil-kampanja elettorali tal-Kunsilli Lokali.
Għandna ħabta kif ma’ l-aħbar ta’ riżenja ta’ xi uffiċjal pubbliku nibdew nispekulaw dwar il-mottiv tar-riżenja u jekk din tkunx riżultat ta’ disgwid intern jew indħil minn xi ħadd omnipotenti anki jekk ir-raġuni uffiċjali tkun waħda “għal raġunijiet personali”.
Jien li servejt f’dan il-Kunsill taħt it-tmexxija ta’ Victor Scicluna nixtieq nistaqsi wkoll x’ġara eżattament u kif dan kellu jitlaq fi żmien meta l-Kunsill għandu bżonn jirristruttura ruħu bl-iskop li ma jibqax aktar ħanut tat-tpaċpiċ imma jkun verament effettiv fil-promozzjoni tad-djalogu soċjali f’dan il-pajjiż.
Ta’ ġentlom li hu, Victor Scicluna għażel li jibqa’ jservi sakemm jinħatar xi ħaddieħor minfloku, iżda stramba l-biċċa kif l-imsieħba soċjali baqgħu siekta dwar din ir-riżenja u lanqas tniffsu biex ta’ l-anqas juru l-apprezzament għax-xogħol fejjiedi li wettaq iċ-chairperson, li kien magħruf li ma jgħidx kelma żejda u li ma jħobbx il-pubbliċità!
Forsi għalhekk żammew pass lura dawk li ħadmu miegħu fl-erba’ snin li għaddew. Jista’ jkun ukoll li uħud minnhom ħassew il-ħtija għax bi kliemhom wassluh biex jieħu din id-deċiżjoni u għalhekk għażlu li jżommu ħalqhom magħluq. Ma neħodhiex bi kbira lanqas jekk il-gvern kellu f’rasu diġà lil xi ħaddieħor biex imexxi lil dan il-Kunsill ma’ l-aħbar tar-riforma fl-istess Kunsill billi jkunu implimentati bosta mill-proposti tar-rapport ta’ Joe FX Zahra u uħud mill-proposti mir-rapport ta’ l-istess Victor Scicluna.
Issa l-imsieħba soċjali jridu jirriformaw dan il-Kunsill u diġà bdew jippubblikaw il-fehmiet tagħhom dwar x’għandu jsir u kif għandu jaħdem.
Imisshom għamlu din id-diskussjoni fi ħdan l-istess Kunsill u jmisshom laħqu kunsens dwar il-proposti ta’ kif għandu jkun magħmul u kif għandu jaħdem. Iżda jidher li anqas dwar dan mhuma lesti li jiftiehmu. Għalhekk issa kulħadd ħiereġ fil-beraħ bl-idea tiegħu.
Bdew il-unions.
Il-UHM ħabbret li fil-konferenza ġenerali tagħha kienet se tressaq u tiddiskuti dokument li tħejja, dwar kif għandu jissaħħaħ id-djalogu soċjali f’Malta u allura l-istituzzjoni tal-Kunsill.
Fil-pront il-GWU, biex donnha tinki lill-UĦM, sejħet konferenza stampa u ppreżentat l-ideat tagħha dwar kif għandu jaħdem l-MSESD.
It-tnejn li huma jaqblu li tinħtieġ bidla, li l-Kunsill hu meħtieġ għad-djalogu soċjali u jkun istituzzjoni konsultattiva. Iżda ma jaqblux fuq punt kruċjali. Dik li d-deċiżjonijiet finali jittieħdu b’kunsens, skond il-GWU, jew permezz tal-vot u allura deċiżjoni maġġoritarja, kif jixtiequ tal-UĦM.
Hi verament ħasra li l-unions f’pajjiżna għadhom ma laħqux il-livell ta’ maturità li flimkien iressqu proposta komuni ta’ kif għandu jkun amministrat l-Kunsill tad-djalogu soċjali.
Ma jaqblux dwar dan, aħseb u ara kif jistgħu jaqblu dwar affarijiet oħra li kultant ikunu jaħarqu jew meta l-opinjoni finali tista’ tikkomprometti l-interessi partiġġjani tal-organizzazzjonijiet rappreżentati fi ħdan il-Kunsill.
Sfortunatament din il-polarizzazzjoni fost it-trade unions tellfet bil-kbir il-progress tal-Kunsill. Jekk tagħsarhom il-laqgħat tal-Kunsill qatt ma servew biex jinbena djalogu soċjali fuq livell nazzjonali, kif inhu prattikat f’pajjiżi Ewropej, iżda fil-biċċa l-kbira tagħhom kienu laqgħat ta’ daqq ta’ trombi differenti, preżentazzjoni ta’ monologi li qatt ma jistgħu jkunu sinkronizzati. Għalkemm il-firda fost il-unions tidher l-aktar, l-għaqdiet ta’ min iħaddem ukoll għad ma rnexxielhomx jipproġettaw ruħhom bħala forza waħda li tirrappreżenta l-komunità tan-negozju u l-impjegaturi.
Dan ukoll ixekkel l-klima u l-andament tal-laqgħat tal-Kunsill. Mill-banda l-oħra r-rappreżentanti tal-Gvern fi ħdan il-Kunsill, bħala eżekuttivi u mhux politiċi, qatt ma kellhom il-libertà li jressqu proposti jew kontro-proposti qabel dawn ma jirreferu għand il-parrinu politiku. Dan naqqas l-effettività tad-diskussjoni u l-progress tal-ħidma tal-Kunsill. U f’dan il-baħar imqalleb ried jgħum u jittama li jibqa’ fil-wiċċ is-Sur Victor Scicluna u l-istaff tiegħu!
Ir-riforma fil-Kunsill Ekonomiku u soċjali hi meħtieġa primarjament biex il-ħidma li ssir fuq bażi nazzjonali u fl-interess nazzjonali tħalli l-frott fil-livell taċ-ċittadin. L-idea oriġinali dwar id-djalogu soċjali, li twieldet fl-Unjoni Ewropea, kienet li permezz ta’ tqarrib tal-fehmiet u l-qsim ta’ ideat u esperjenzi mir-rappreżentanti ta’ diversi setturi tal-poplu jwasslu biex iċ-ċittadin itejjeb il-qagħda ekonomika u soċjali tiegħu.
Jekk ix-xogħol tal-Kunsill iwassal biss biex ngħidu li tkellimna u ma wasalna mkien allura ma nafx għalfejn għandna naħlu r-riżorsi biex taparsi għandna l-magna tad-djalogu soċjali.
Hu tajjeb li kulħadd jgħid tiegħu bla ma jippretendi li tiegħu biss tajjeb. Iżda issa wasal iż-żmien li ngħaddu għal fażi ta’ l-implimentazzjoni.
Jonqos l-impenn bis-serjetà ta’ l-imsieħba soċjali kollha, inkluż tal-Gvern. Mill-bqija, fejn hu d-djalogu soċjali?

matyas@maltanet.net

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt