11 ta' Marzu 2007 • Nr 19

Arkivji




 

 

 

11 ta' Marzu 2007
L-invażjoni tal-barbari

Konna ilna ma naraw xeni ta’ għajb bħal dawk li rajna fil-Belt nhar l-Erbgħa li għaddew waqt u wara l-protesta tal-kaċċaturi. Setgħu kienu f’minoranza assoluta dawk li qalgħu l-inkwiet, iżda l-aġir tagħhom u n-nuqqas ta’ kontroll li wrew li għandhom l-uffiċjali tal-għaqda fuq il-membri tagħhom poġġew f’dawl ikrah lil kulħadd.
Sfortunatament il-kaċċaturi u n-nassaba ma nbidlux mal-medda taż-żmien. Dak li seħħ din il-ġimgħa reġa’ fakkar fil-vjolenza u l-protesti li kienu saru mill-kaċċaturi fis-snin Tmenin u Disgħin meta l-Gvern ta’ dakinhar ittanta jbiddel ir-regolamenti tal-kaċċa u l-insib.
Għal darb’oħra nerġgħu ninsabu fuq l-għatba ta’ elezzjoni ġenerali u l-kaċċaturi qed jerġgħu jheddu bil-vot. Fl-1996 u fl-1998 setgħu jsarrfu dik it-theddida favur tagħhom għax sabu politiċi li lagħbu l-logħba.
Din id-darba s-sitwazzjoni hi ferm differenti. Il-Gvern Malti, anki jekk fil-futur qarib jista’ jkun hemm Gvern Laburista, hu marbut bid-direttivi Ewropej li ma jħallux lok għal interpretazzjoni. Il-kaċċa fir-rebbiegħa trid tinqata’ u wara l-2008 l-insib kollu jrid jispiċċa.
Il-ftuħ ta’ l-istaġun tal-kaċċa u l-insib fir-rebbiegħa kif imħabbra mill-Ministru Pullicino huma biss miżura temporanja li diġà tmur kontra t-twiddiba tal-Kummissjoni Ewropea li saret is-sena li għaddiet.
Jekk pajjiżna jkompli jistina rasu jispiċċa b’kawża quddiem il-Qorti Ewropea u, iktar minn hekk, jista’ jeħel multa ta’ miljuni kbar ta’ ewro.
Il-kaċċaturi u n-nassaba jeħtieġ li jifhmu dan. Ħadd mhu qed jargumenta li l-kaċċa għandha tinqata’ għal kollox għax anki d-direttivi Ewropej jippermettu li jinfetaħ l-istaġun fil-ħarifa.
Iżda dak li qed jitolbu l-kaċċaturi ma jistax jintraddilhom. U lanqas meta kellhom l-istaġun tar-rebbiegħa miftuħ kif xtaquh huma, ma beżgħux għalih. Sfortunatament il-kaċċa illegali baqgħet issir bl-addoċċ, meded ta’ art fil-kampanja ttieħdu illegalment biex jinbnew l-imnasab u l-għaqda ftit li xejn għamlet biex twaqqaf dawk il-membri fi ħdanha li abbużaw.
Iżda meta naraw li fost dawk li heddew lill-ġurnalisti nhar l-Erbgħa kien hemm anki uffiċjali tal-federazzjoni bilfors naslu għall-konklużjoni li mal-kaċċaturi ma tistax tirraġuna. Lil min hu estremist, bħal dik il-ġgajta li kien hemm il-Belt, qatt ma tista’ tissodisfah għax dejjem ikun irid aktar milli tagħtih.
F’dawn iċ-ċirkostanzi jkun żball jekk il-Partit Laburista jipprova jirkeb fuq il-karru tal-kaċċaturi għax iktar tagħtihom l-arja biex iwettqu l-vjolenza. L-MLP għandu jibqa’ sod mat-twemmin kif iddikjarat minn Alfred Sant li Gvern Laburista se jimxi mad-direttivi Ewropej għax wara kollox m’għandu l-ebda wegħda x’jonora mal-kaċċaturi.
Din il-gazzetta tikkundanna bla riżerva l-vjolenza li saret kontra membri tal-media, inklużi ġurnalista u fotografu ta’ din il-gazzetta, u tesprimi solidarjetà ma’ dawk li weġġgħu waqt dawn l-inċidenti, inkluż il-pulizija.

Min rebaħ u min tilef
Ir-riżultati aħħarin ta’ l-elezzjonijiet li saru lbieraħ isiru magħrufa iktar tard dalgħodu. Għalkemm dawn huma elezzjonijiet lokali li fihom in-nies tivvota wkoll fuq kwistjonijiet ta’ xejra lokali li ma jkollhom x’jaqsmu xejn ma’ kwistjonijiet nazzjonali, ikun żball jekk il-partiti politiċi ma jiħdux nota tax-xejriet.
L-iktar li għandu jinkwieta hu l-Partit Nazzjonalista li qed ikompli bl-istrateġija li jċekken l-importanza ta’ dawn l-elezzjonijijet għax isostni li l-battalji mhumiex importanti kemm-il darba tintrebaħ il-gwerra ta’l-aħħar – l-elezzjoni ġenerali.
L-indikazzjonijiet huma ċari. Il-PN se jkollu triq għat-telgħa u m’għandux il-lussu taż-żmien quddiemu. Diffiċli tifhem kif tista’ titlef il-battalji kollha mbagħad tirbaħ il-gwerra, iżda jista’ jkun li din hi strateġija oħra intelliġenti minn dawk li jafu jfasslu f’Tal-Pietà.
Ix-xenqa għall-bidla iktar qed tinħass iżda l-Partit Laburista ma jridx jimla rasu wisq. Fiż-żmien li ġej irid ikompli jispjega l-politika tiegħu, kif se jasal għall-bidla u x’tip ta’ soċjetà jixtieq jara fl-10 snin li ġejjin. Id-dettalji huma importanti daqs il-prinċipji li jsawruhom.
Li hu żgur, ħadd ma jista’ jieħu lin-nies foregranted. Dak ikun l-ikbar żball.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt