04 ta' Marzu 2007 • Nr 18

Arkivji




 

 

 

04 ta' Marzu 2007
L-elezzjoni għal meta?

Jidher li f’moħħ dawk li jsegwu l-politika f’Malta diġà bdiet tberren il-mistoqsija li tfittex li tiskopri d-data meta se tissejjaħ l-elezzjoni. Jew aħjar ħafna huma dawk li qed jgħarblu l-possibilitajiet kollha.
Żgur li qegħda wkoll f’moħħ Lorenzo Gonzi u s-Segretarju Ġenerali tal-PN, Joe Saliba. L-aktar f’moħħ dak Saliba li jaħseb li l-elezzjoni hi logħba bin-numri, tant li spiċċa biex il-logħob bin-numri tal-voti sar il-passatemp favorit tiegħu. Madankollu b’dan il-logħob ma jintrebħux l-elezzjonijiet u l-PN għad fadallu x’jaqdef biex forsi jirbaħ lura l-popolarità li tilef f’dawn l-aħħar snin.
Legalment dan il-Gvern jista’ jkarkar sa Awissu 2008. Iżda diffiċli wieħed jemmen li l-elezzjoni se titħalla għas-sajf tas-sena d-dieħla. Tradizzjonalment il-PN iħobb isejjaħ l-elezzjonijiet bejn Frar u Ġunju u għalhekk April/Mejju 2008 jidher li hu ż-żmien li fih x’aktarx issir din it-tellieqa... li ma kienx għad-dħul ta’ Malta fiż-żona Ewro fl-ewwel ta’ Jannar tas-sena d-dieħla.
Din id-data mad-destin trid bilfors timpinġi b’xi mod mad-data ta’ meta tissejjaħ l-elezzjoni. Hawn min qed jgħid li l-PN bilfors ikollu jsejjaħ l-elezzjoni qabel l-aħħar ta’ din is-sena għax il-qalba għall-munita Ewropea jista’ jkollha effetti negattivi għall-ewwel ftit ġimgħat, u aħjar li kieku dan it-taqlib ma jsirx lejliet l-elezzjoni.
B’dan ir-raġunament il-PN irid ilesti għall-battalja elettorali f’Ottubru – Novembru ta’ din is-sena.
Iżda jekk tittieħed din id-deċiżjoni l-PN x’se jgħid lill-poplu? Sejjer jgħidlu li kellha tissejjaħ elezzjoni bikrija għax qed jibża’ li l-adozzjoni tal-munita Ewropea sejra tgerrex lill-votanti u fl-istess waqt jiftaħar li tant għandna l-finanzi fis-sod li Malta għaddiet mill-eżami u ġiet aċċettata fiż-żona Ewro? U l-PN din il-kontradizzjoni kif se jispjegaha lill-poplu? U l-mexxej Laburista mhux se jgħid li l-Gvern Nazzjonalista tant għaġġel biex Malta taddotta l-munita Ewropea li kellu jsejjaħ l-elezzjoni qabel ma l-poplu jduq l-imrar ta’ dan il-pass? U għal din l-akkuża Lorenzo Gonzi kif sejjer jirrispondi?
Ġimgħa oħra se jkollna l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u minn kif jidhru l-affarijiet, Alfred Sant ser jerġa jittrijonfa... Dak Saliba dawn l-elezzjonijiet jidher li mhux qed joħodhom bl-istess impenn li qed joħduhom ta’ l-MLP, anki jekk irnexxielu jżomm l-oxxenità li l-Laburisti ippruvaw iwettqu fil-Munxar. Kważi kważi nibda naħseb li f’dawn l-elezzjonijiet il-PN qed jagħti l-walk-overs apposta biex l-MLP jidħol għall-elezzjoni ġenerali b’konfidenza żejda, ħaġa li tista’ tkun tassew perikoluża għalihom.
Li tagħmel elezzjoni ġenerali seba’ xhur wara li tkun qlajt tkaxkira oħra fil-livell lokali ma jawgura tajjeb xejn għas-suċċess ta’ dik l-elezzjoni. Mentri jekk l-elezzjoni ssir f’April/Mejju 2008, f’Marzu tas-sena d-dieħla ma jsirux elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali biex dawn isiru flimkien ma’ l-elezzjoni ġenerali meta jkunu għaddew 14-il xahar mill-aħħar tkaxkira fil-livell lokali.
Għalhekk nikkonkludi li l-elezzjoni fadlilha aktar minn sena biex tissejjaħ… u jekk ma jiġrix hekk, allura dan ikun is-sinjal li Gonzi u Saliba qatgħu qalbhom li l-elezzjoni tista’ tintrebaħ.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt