04 ta' Marzu 2007 • Nr 18

Arkivji




 

 

 

04 ta' Marzu 2007
Modern Times

Il-caption fil-bidu tal-film Modern Times: Story of industry, of individual enterprise - humanity crusading in the pursuit of happiness titlef mhux ftit bit-traduzzjoni għall-Malti: “Żminijiet Moderni, storja ta’ industrija, ta’ intrapriża individwali – l-umanità titqabad fit-tfittxija għall-hena”.
Hekk kienet tgħid id-daħla miktuba bl-abjad fuq l-iswed għal dan l-aħħar film silent li nħadem minn Charles Chaplin fl-1936. Naturalment kull ġenerazzjoni tiddandan biż-żminijiet moderni sakemm jgħaddi żmienha u hi wkoll issir antikwata. Imma ngħid is-sew iż-żminijiet moderni tal-lum għandhom ħabta kif iħawduk u mhux ftit.
Nisa jsellfu l-ġuf tagħhom biex iwelldu t-tfal ta’ ħaddieħor, tfal imnissla minn missirijiet mejta, irġiel jagħtu l-isperma tagħhom biex ikunu nseminati nisa li lanqas biss ikunu jafu min huma, tfal iwelldu t-tfal u anki xjuħ għakka mhux biss irabbu imma issa anki bdew iwelldu t-tfal. Oħra tinkiteb li smajt biha aktar kmieni din il-ġimgħa, ġewwa Lipsja l-Ġermanja, żewġt aħwa Patrick u Susab Stubing li jgħixu bħal miżżewġin u għandhom minn xulxin erbat itfal, tnejn minnhom b’diżabbiltà, fetħu kawża l-qorti biex jannullaw l-liġi li tgħid li l-inċest hu att kriminali.
Ma nieħu xejn bi kbir jekk bl-iskuża li x’jiġri fl-intimità bejn il-kopja hi kwistjoni purament privata l-Qorti tispiċċa ssostni li l-Istat m’għandux dritt jindaħal fil-libertà ta’ l-individwu li jfittex il-ferħ u l-hena fil-ħajja bil-mod kif jixtieq hu.
Miż-żminijiet ta’ l-istat oppressiv u paternalista li bl-interċessjoni u bl-indħil tal-Knisja fl-affarijiet ta’ l-Istat, kien jgħidlek x’inhu l-aħjar għalik u jekk hemm bżonn anki bejn il-frixx kien jidħollok, għaddejna għaż-żminijiet moderni fejn hi biss il-libertà ta’ l-individwu l-ankra li magħha jħoll u jorbot tista’ tgħid kollox. Bejnietna, ma nafx fejn dan il-kunċett tal-libertà assoluta ta’ l-individwu, anki jekk fir-rispett sħiħ tad-drittijiet ta’ terzi persuni, jekk tibqa’ testendih safejn jista’ jwassal. Li hu żġur b’din il-mentalità moderna prevalenti ta’ individwaliżmu u eġoiżmu sfrenat, illum il-ġurnata wasalna f’sitwazzjoni kritika fejn il-familja Maltija tinsab taħt pressjonijiet kbar u fejn hawn sfrattu sħiħ u sfaxxar ta’ bosta familji Maltin u Għawdxin.
Għidli konservattiv, għidli antikwat, għidli li trid, fil-fehma tiegħi l-istat m’għandux jaħsel idejh u jżomm irtirat minn kwistjonijiet bħal dawn, imma għandu jibqgħalu rwol influwenti u formattiv, anki permezz tal-liġijiet, fil-mod kif is-soċjetà tagħna għandha torjenta ruħha f’dawk li huma valuri, drittijiet u obbligi soċjali. Iżda li qed jiġri f’Malta hu proprju l-kuntrarju. Il-fenomenu tan-nagħma, fejn il-Gvern tal-ġurnata biex mingħalih jibqa’ jippoża tal-Kattoliku aktar mill-Papa qed jgħaddas rasu fir-ramel biex taparsi jaħrab mir-realtajiet soċjali ta’ madwarna u fl-istess ħin jippersisti f’illi ma jaġġornax u ma jbiddilx il-liġijiet tal-pajjiż fejn hemm bżonn.
Madanakollu kulma jmur is-soċjetà Maltija l-ħin kollu qed tinbidel u b’ritmu mgħaġġel, minkejja li l-liġijiet tal-pajjiż jibqgħu ma jirriflettux u lanqas jinfluwenzaw dan it-tibdil. B’hekk illum ninsabu f’sitwazzjoni fejn għandek ħafna u ħafna żwiġijiet li sfaxxaw imma li xorta waħda għal-Liġi tal-pajjiż baqgħu jeżistu formalment. Għandek ħafna koppji mhux miżżewġin li ilhom snin twal jgħixu flimkien, imma li l-Liġi tal-pajjiż bl-ebda mod ma tirrikonoxxi.
Ninsabu f’sitwazzjoni fejn l-istrutturi u l-liġijiet tal-pajjiż assolutament mhumiex sinkronizzati u huma maqtugħin mir-realtà li qed ngħixu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Imbasta jibqgħu jippużaw tal-paladini tal-valuri nsara u waqt li jagħmlu hekk jikkontradixxu lil xulxin, għax filwaqt li Gonzi ħareġ jgħid li mhux lest li jagħti free vote fuq id-divorzju lid-Deputati Nazzjonalisti biex jivvutaw skond il-kuxjenza, minn naħa tiegħu Fenech Adami qal lil din il-gazzetta li jkun lest li jirriżenja biex ma jiffirmax liġi bħal tad-divorzju li tista’ ddaħħlu f’kunflitt mal-kuxjenza. Hi jew mhix din kwistjoni ta’ kuxjenza?

Sentenzi
Interessanti l-fenomenu li qed iseħħ proprju taħt imnieħer il-Gvern għax fin-nuqqas tiegħu li jiċċaqlaq biex isir it-tibdil leġislattiv fejn hu meħtieġ, qed ikunu l-qrati bis-sentenzi tagħhom li jantiċipaw lill-Gvern billi jdaħħlu kunċetti u ideat ġodda u moderni fil-qafas leġislattiv tagħna li mhux ta’ bilfors huma ta’ ġid għas-soċjetà. U dan minkejja li l-ġudikatura f’Malta tradizzjonalment tqieset pjuttost konservattiva.
Ta’ min wieħed jiftakar li ftit tas-snin ilu kienet sentenza tal-Qorti li neħħiet id-diskriminazzjoni bejn wild leġittimu u wild illeġittimu li kienet tixħet ir-responsabbiltà tal-‘ħtijiet’ tal-ġenituri fuq l-ulied innoċenti. U kellhom jgħaddu numru ta’ snin biex il-Parlament fl-aħħar segwa bl-emendi relattivi għall-Kodiċi Ċivili.
Kienet sentenza tal-Qorti li ftit tas-snin ilu tat lil persuna transesswali li kienet biddlet is-sess tagħha b’operazzjoni d-dritt tbiddel iċ-ċertifikat tat-twelid. Bl-istess mod kienet sentenza oħra tal-Qorti li ftit tal-ġimgħat ilu ddikjarat li persuna li twieldet raġel u biddlet is-sess għal mara b’operazzjoni kellha dritt tiżżewweġ lil raġel.
Ix-xahar li għadda kien hemm ukoll il-każ tal-31 tfajla lap-dancers mil-Lvant ta’ l-Ewropa li kienu liberati mill-akkużi li ħadu sehem f’burdell għal skopijiet immorali proprju minħabba l-fatt li l-istandards morali tas-soċjetà maż-żmien inbidlu sostanzjalment. Fl-aħħar mill-aħħar ir-raġunament tal-maġistrat ħall u rabat fuq x’inhu l-aktar immorali bejn li nisa jilbsu G-string f’night club jew fuq xatt il-baħar bħalma jiġri ta’ spiss fejn jistgħu jarawhom anki t-tfal.
Ma tkunx xi ħaġa ta’ barra minn hawn jekk għada pitgħada jkunu l-istess qrati jew forsi l-Qorti Ewropea li jdaħħlu d-divorzju f’Malta jekk il-Parlament jibqa’ jkaxkar saqajh quddiem l-inevitabbli. Fil-fatt diġà hemm kawża pendenti quddiem il-qrati tagħna fejn persuna qed issostni li n-nuqqas ta’ divorzju f’Malta jikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
F’sistema demokratika bbażata fuq is-separazzjoni tal-poteri, suppost li l-Parlament qiegħed hemm biex iħares l-interess pubbliku u l-ġid komuni tas-soċjetà permezz tal-liġijiet u minn naħa tagħhom l-qrati suppost li jeżistu biex jinfurzaw dawk il-liġijiet. Mhux bil-maqlub, fejn il-qrati jbiddlu l-liġijiet u l-Parlament ikollu jsegwi anki jekk snin wara.
Ma jistax ikun li neleġġu lil min jirrappreżentana u naħtru lil min imexxina u dawn, għall-konvenjenza politika, jaħarbu u jabdikaw mir-responsabbiltà u jispiċċaw ikunu l-qrati li jbiddlu l-liġijiet fejn jinħass il-bżonn.

wenzumintoff@yahoo.com

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt