Ħafna Maltin bravi jindaħlu qishom esperti fejn ma jifhmux. Xi ħaġ’oħra li turtani hi meta nisma’ lil min suppost jifhem iparla bl-addoċċ dwar l-għoli tal-prezzijiet. L-għoli tal-prezzijiet kulħadd iħossu iżda mhux kulħadd kapaċi jifhem x’jikkawża ż-żieda fil-prezzijiet u mhux kulħadd jifhem fejn u kif jogħlew il-prezzijiet. Ftit ferm jifhmu kif titkejjel l-għoli tal-ħajja.
L-anqas nies li għandna huma dawk li kapaċi jidentifikaw il-kawżi u jissuġġerixxu s-soluzzjonijiet.
Kien hemm żmien mhux ’il bogħod ħafna meta l-inflazzjoni f’Malta kienet ikkontrollata għal kollox. Kellna Gvern li kien jikkmanda t-telefonija, l-elettriku, l-ilma, il-portijiet, l-ajruport, il-banek kummerċjali u kull servizz ieħor pubbliku. Ma’ dawn kien żied ukoll il-bulk buying tal-prodotti l-aktar importanti għall-ħajja ta’ kuljum tal-konsumaturi. Biex jiżgura li tal-ħwienet u l-importaturi l-oħra li ma kinux jaqgħu taħt is-sistema tal-bulk buying ikunu taħt reġim sħiħ ta’ kontrolli ħoloq l-għassiesa tax-xerrejja. Dawn l-għassiesa tax-xerrejja kienu jduru lis-sidien tal-ħwienet b’ħafna pulikarja u s-sidien tal-ħwienet u l-kummerċjanti kienu saru l-għedewwa tal-poplu.
Kien żmien ieħor. Kien żmien meta l-pajjiżi li kienu qed jiżviluppaw, fosthom Malta, kienu jaħsbu li l-inflazzjoni tikkontrollaha billi taħtaf l-ekonomija f’idejk u lis-settur kummerċjali tħallilu inqas spazju fejn jopera. Din is-sistema qatt ma setgħet tiġġebbed għal ħafna snin. Il-pajjiżi Komunisti ġebbduha għal kważi 80 sena. Fil-pajjiżi oħra fejn teżisti l-għażla demokratika l-pajjiżi li ħaddmu sistemi bħal dawn spiċċaw itajru l-Gvernijiet li ħaddmuhom u jagħmlu tibdil radikali fl-istrutturi ekonomiċi tagħhom.
Hekk għamlet Malta. Bdiet bil-mod il-mod tilliberalizza u ddaħħal ukoll il-kunċett tal-privatizzazzjoni biex tibni ekonomija bażata fuq il-kompetizzjoni.
Malta ddeċidiet li tħaddem ekonomija liberali. Inutli llum ikun hawn min iwerżaq u joħlom bil-kontrolli u b’xi sistema ta’ għassiesa tal-konsumaturi. Min ivvota għal dak li għandna llum u vvota wkoll biex Malta tkun msieħba ta’ l-Unjoni Ewropea, ikun inutli li jħares lura u jipprova jaqbad xi biċċa għodda tal-bieraħ u jitlob lill-Gvern li jerġa’ jħaddimha llum. Sfortunatament hawn ħafna li għad għandhom dan it-taħwid mentali.
Illum Gvern għaqli jħares lejn il-kawża taż-żieda fil-prezzijiet u jipprova jirrimedja b’sistema ta’ aġevolazzjonijiet fiskali u b’regolaturi pubbliċi biex minn banda jidderieġi l-ekonomija lejn l-inizjattiva privata u lejn l-kompetizzjoni billi jkun ippremjat il-best practice u kkastigat l-bad practice.
Mill-banda l-oħra tinbena sistema ta’ regolaturi pubbliċi li jgħassu biex l-ebda negozju ma jkun dominanti u juża s-saħħa tad-dominanza tiegħu fis-suq jew tal-monopolju tiegħu biex jimponi prezzijiet u kundizzjonijiet kif jaqbel lilu. L-iktar importanti fost dawn ir-regolaturi hu l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta.
Iżda minflok li dan l-uffiċju hu b’saħħtu u jiġbed lejh stima kbira, hu uffiċċju fjakk bla kap u bla sinsla. Għalhekk f’Malta għandna dan it-taħwid kollu. Dan hu l-uffiċċju li ħa post ir-reġim tal-kontroll tal-prezzijiet li kellna dari. Għax il-kontroll tal-prezzijiet indifen mal-bidla ta’ l-ekonomija. Tal-kontroll ġralhom bħall-ħajt ta’ Berlin. Waqgħu. Inutli llum ikun hawn min iwerżaq u joħlom li jrid iġibhom lura.
Barra l-Uffiċċju tal-Kummerċ Ġust li jgħasses il-kompetizzjoni hemm regolaturi pubbliċi oħra fosthom l-Awtorità Marittima li tgħasses lil kulmin għandu x’jaqsam mal-portijiet, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) li tgħasses fuq il-banek, ta’ l-assigurazzjoni u l-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħra u l-Awtorità dwar il-Kommunikazzjoni (MCA) li tgħasses lill-operaturi tal-mobile u t-telefonija. Hemm ukoll ir-regolaturi li jgħassu s-servizzi tas-saħħa u dawk farmaċewtiċi, ir-regolaturi li jgħassu s-servizzi ta’ l-enerġija. Xogħolhom hu li jagħmlu superviżjoni b’mod intelliġenti u jistudjaw kontinwament dak li jsir fis-suq biex jiżġuraw li l-istrutturi ma jgħollux l-ispejjeż għal kulħadd li ġġiegħel lil min ibigħ servizz jew prodott jgħolli l-prezz lill-konsumatur.
L-inflazzjoni li għandna fil-pajjiż hi inflazzjoni imbuttatha miż-żieda fl-ispejjeż. Mhix inflazzjoni kawżata minn pressjoni ta’ domanda qawwija għall-prodotti u s-servizzi. Din tgħodd għall-biċċa l-kbira tal-każi. Jekk ir-regolaturi jagħmlu xogħolhom sew suppost li ħadd ma jabbuża u l-inflazzjoni tinżamm taħt kontroll anki fejn hemm prodotti sensittivi.
Faċli per eżempju li l-Enemalta tgħid għola ż-żejt minn barra u din iċċapċaplek surcharge. Il-Maltacom jew il-banek kummerċjali jgħidu li jridu jżiedu l-profitti għax l-azzjonisti jridu qligħ akbar mela jċapċpulek tariffi ġodda jew jgħollulek l-imgħax fuq is-self.
Faċli jekk għandek x’taqsam mal-Port il-Kbir jew mal-Freeport tgħid għabbi iktar spejjeż fuq kull container tal-merċa li jidħol Malta. Fil-qafas ukoll li l-pagi jogħlew awtomatikament b’liġi, kundizzjonijiet ġodda ta’ health and safety u kull tip ta’ direttiva li joħolmu biha fi Brussels. Itfa’ kollox fuq dahar il-kummerċjant u fuq is-sid ta’ l-intrapriża.
Imbagħad jekk jogħlew il-prezzijiet għax dak li jkun jagħmel sforz biex jaqla’ l-qligħ ġust tiegħu, itfgħalu l-kontroll tal-prezzijiet, ibgħatlu purċissjoni ta’ nies deħlin fin-negozju tiegħu jiċċekjawlu din u l-oħra biex tipprova ssib tarf tal-għoli tal-ħajja. Jinsa min jirraġuna hekk li s-sid tal-ħanut jew is-service provider hu biss l-aħħar ħolqa fil-katina tad-distribuzzjoni u l-inqas wieħed li jista’ jilgħab bil-prezzijiet.
Il-kawża tal-għoli tal-prezzjiet inutli tfittixha għand tal-ħanut. Min jistudja naqra ekonomija jafu dan. Ma jafuhiex biss dawk li jmorru fuq ir-radju u fuq it-televiżjoni jparlaw favur l-kontroll tal-prezzijiet.
Il-bieraħ spiċċa. Illum għandna realtà ġdida u mhix realtà diffiċli. Hi maniġabbli. Trid biss ftit kapaċità u ħafna rieda tajba. M’hemmx bżonn ta’ l-ideoloġiji.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt