04 ta' Marzu 2007 • Nr 18

Arkivji




 

 

 

04 ta' Marzu 2007
Boarded-out u jaħdem għall-Uffiċċju Elettorali

Julia Farrugia

Id-Direttorat tal-Frodi tal-benefiċċji soċjali fi ħdan il-Ministeru tas-Servizzi Soċjali ntalab jinvestiga kif l-Uffiċċju Elettorali qed iħaddem miegħu persuna boarded-out.
Tagħrif li għandha din il-gazzetta juri li fost il-persuni li qed jaħdmu biex isiru l-preparamenti loġistiċi għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali ta’ nhar is-Sibt li ġej hemm eks ħaddiem tal-Gvern li tliet snin ilu waqaf mix-xogħol u ġie boarded-out.
Din il-gazzetta għandha l-konferma li r-raġel inkwistjoni ilu jieħu pensjoni ta’ l-invalidità sa minn Novembru ta’ l-2004.
Teknikament, persuna li tkun qed tieħu dan il-benefiċċju mhix suppost ikollha qligħ barrani li jkun ġej minn xogħol.

Din il-gazzetta talbet reazzjoni mill-Kummissjoni Elettorali b’rabta ma’ dan il-każ.
Fost l-oħrajn staqsejna jekk jirriżultalhiex li hemm irregolarità f’dan l-impjieg. Staqsejna kif qed jintgħażlu l-persuni li qed jitqabbdu jaħdmu fuq it-tħejjija ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi u tal-Kumpless Sportiv fir-Rabat, Għawdex, fejn se jsir l-għadd tal-voti.
Għal dawn il-mistoqsijiet Joe Calleja, is-Segretarju tal-Kummissjoni Elettorali, wieġeb li “il-Kummissjoni Elettorali mwaqqfa skond artikolu 60 (1) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha skond il-Kostituzzjoni, mhix suġġetta għad-direzzjoni jew kontroll ta’ xi persuna jew awtorità oħra.”
Fl-istess tweġiba l-Kummissjoni Elettorali sostniet li l-mistoqsjiet tagħna se jintbagħtu għall-konsiderazzjoni tal-Kummissjoni. “Wara, risposta għall-mistoqsijiet tintbagħat jekk u meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħmel dan.”
Minn naħa l-oħra meta dan it-tagħrif ressaqnieh quddiem il-Ministeru tal-Familja u Sigurtà Soċjali konna immedjatament infurmati li “id-dettalji għaddew għand id-Direttorat tal-Frodi u Investigazzjoni biex jinvestiga dan il-każ u jieħdu l-miżuri meħtiega skond l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali.”
Mhux magħruf jekk fl-aħħar sigħat il-Kummissjoni Elettorali talbitx spjegazzjoni ta’ ċerti individwi f’Evans Building fil-Belt Valletta. Nifhmu li fost il-persuni li jistgħu jissejħu biex jagħtu l-verżjoni tal-fatti hemm ċertu Louis Fsadni, persuna involuta fil-proċess tal-għażla tat-tim ta’ nies li jaħdmu fl-armar u l-preparamenti ta’ dawn l-elezzjonijiet.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt