TONI Dejjem kont kontra l-piena tal-mewt, mhux wisq għax jiena ma naqbilx ma’ din il-piena, iżda għax ma nemminx li hi l-eħrex piena. L-aktar piena iebsa li tista’ tingħata hi dik li persuna titlef il-ħelsien tal-moviment, jew aħjar il-libertà.
Iżda nemmen ukoll li meta bniedem jingħata din il-piena għandna nieqfu hemm. Għandna nibqgħu nittrattaw priġunier b’dik id-dinjità li tixraq lill-bniedem u f’ebda ħin ma għandna nittolleraw il-kastig fuq il-kastig. L-għarfien ta’ dak li wettaq reat għandu jitnissel mit-telfa tal-libertà.
Bniedem li mhux materjalment u fiżikament ħieles hu diġà serjament u soċjalment immutilat. M’għandniex inkabbru din ix-xorta ta’ mutilazzjoni.
Iżda dan qiegħed jiġri, u qiegħed jiġri b’mod li tippermettieh l-ogħla liġi tal-pajjiż permezz ta’ l-Artiklu 58 tal-Kostituzzjoni Maltija.
Dan l-artiklu jittratta dwar l-iskwalifiki ta’ l-eletturi, jiġifieri ta’ min jista’ u ma jistax jivvota.
Fost oħrajn hemm imniżżel li kull persuna li tkun ikkundannata għal piena ta’ aktar minn sena ħabs u dik il-persuna tkun qiegħda tiskonta dik il-piena, jew għalkemm mhux qiegħda tiskontaha jkollha piena sospiża, ma tkunx eliġibbli biex tivvota.
Dan jgħodd ukoll għal dawk li jkunu barra iżda għandhom sentenza sospiża. Għalhekk mhix xi liġi ordinarja li tiżra’ din ix-xorta ta’ diżabbiltà soċjali.
Nemmen li dan hu wieħed minn dawk il-każijiet fejn il-kostituzzjoni stess tikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u kellna każijiet fejn dan ġara, bħal per eżempju, fil-kawża tal-Perit Carmel Cacopardo kontra l-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku. Din il-parti tal-Kostituzzjoni tikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem f’żewġ aspetti. Qabel xejn tiddiskrimina u, iktar minn hekk, tkun qed tagħti t-tieni kastig lil min ikun żbalja. Dan m’għandux ikun.
Tiddiskrimina kontra ħabsi proprju għax hu hekk. L-ewwel nies qatt ma stajt nifhem id-distinzjoni bejn dawk li jeħlu anqas u dawk li jeħlu aktar minn sena ħabs.
Għaliex wieħed li jeħel sena nieqes jum ħabs jista’ jivvota u dak li jeħel sena u jum ħabs ma jistax jivvota?
Il-priġunier jibqa’ fl-integrità kollha tiegħu bniedem sħiħ u bħala tali għandu dritt għall-opinjoni politika tiegħu li tiġi kull ħames snin, daqs kull bniedem ieħor li jkun qiegħed jiġri fit-triq.
Priġunier għandu dritt li jagħti s-sehem tiegħu biex jintagħżel gvern għax anke hu għandu interess fuq ix-xorta ta’ liġijiet li jkunu qegħdin jiġu proposti f’manifesti elettorali li jistgħu jaffettwawh direttament. Għandu dritt għall-opinjoni tiegħu mingħajr xkiel għax it-telfa tal-libertà ma ġġibx magħha dik tal-ħsieb.
Illum il-priġunieri għandhom dritt li jirċievu kull informazzjoni u li jsegwu x’qiegħed jigri barra l-ħitan tal-ħabs. Allura ma nistax nifhem b’liema tiġbid ta’ l-immaġinazzjoni għandu jitlef id-dritt tal-vot.
Il-Kostituzzjoni tikser ukoll il-prinċipju li ħadd ma għandu jiġi ssuġġettat għal kastig fuq kastig. Dan hu dritt li tħarsu l-istess kostituzzjoni f’Artiklu 39. Dan hu l-famuz prinċipju tad-double jeopardy. Li tneżża’ lill-individwu mid-dritt tal-vot għax jispiċċa l-ħabs hi forma ta’ kastig fuq kastig. Agħar minn hekk, kastig li jingħata b’mod awtomatiku mingħajr smigħ xieraq. Riċentement kellna sentenzi li qalu li anke kastig dixxiplinarju fil-ħabs jista’ jwassal għal dan ix-xorta ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali. Fil-fatt il-Qorti Kostituzzjonali qalet li priġunier li jitressaq il-Qorti b’akkuża għal għemil li għalih ikun diġà ġie ddixxiplinat fil-ħabs jammonta għal dan il-ksur. Aħseb u wara, meta barra l-kastig, dak li jkun teħodlu wkoll id-dritt tal-vot.
Sal-lum ma jidhirx li għad kien hawn xi ħadd li sfida din il-parti tal-kostituzzjoni b’kawża. Sal-lum kulma għadu jiġri hu li persuna li tiġi kkundannata għal aktar minn sena ħabs, kemm jekk qiegħda fil-ħabs u agħar jekk tkun barra, tirċievi ittra mingħand il-Kummissarju Elettorali Prinċipali, li tinfurmaha li l-vot itteħdilha u li allura mhix aktar persuna sħiħa.
Agħar minn hekk, meta dak li jkun ikollu joqgħod għall-umiljazzjoni ta’ dawk ir-rikorsi pubbliċi li jsiru mill-partiti politiċi meta jitwebblu li xi ħadd mhux tal-kulur politiku tagħhom, u għad għandu l-vot, wara li jkun weħel piena ta’ aktar minn sena ħabs.
F’pajjiżi oħra l-qrati intervjenew billi taw lura d-dinjità lill-priġunieri li kienu tilfu l-vot minħabba liġi simili għal dik tal-Kostituzzjoni tagħna. Il-Qorti suprema Kanadiza fis-27 ta’ Mejju, 1993 fil-każ ta’ Richard Sauvè kontra l-Avukat Ġenerali qalet li d-dritt tal-vot m’għandux jiġi limitat għal dawk iċ-ċittadini diċenti u responsabbli, u l-priġunieri m’għandhomx jiġu miżmuma milli jivvutaw għax huma iżolati mill-bqija fis-soċjetà. Id-dritt tal-vot proprju għalhekk jissejjaħ ‘is-suffraġju universali’, għax hu dritt ta’ kull bniedem, hu min hu. Richard Sauvè rebaħ il-kawża u ġab id-dritt għalih u għal ħafna oħrajn bħalu li jivvutaw. Simbolikament, il-kelma ‘sauve’ bil-Franċiż tfisser, salvat.
Lill-priġunier għadna nittrattawh wisq bħala persuna unidimensjonali u li jitlef ħafna mid-drittijiet tiegħu. Bħalma qatt ma stajt nifhem għaliex l-Att tas-Sigurtà Soċjali, permezz ta’ Artiklu 91, ikompli jitfa’ l-melħ fil-ferità meta jiddisponi li kulmin jidħol il-ħabs jitlef id-dritt tal-pensjoni. Immaġinaw, xi ħadd jispiċċa l-ħabs wara li jkun irtira u jitlef id-dritt tal-pensjoni anke wara li jkun ilu ħajtu kollha jikkontribwixxi għaliha bil-ħlas tal-bolla!
Meta jiġri hekk inkunu qegħdin inġibu parti ċittadini Maltin li dejjem kienu ħallsu t-taxxa, ma’ priġunieri barranin li qatt ma kkontribwew sold taxxa lill-Gvern Malti. Liġijiet li jeskludu inġustament u jkomplu jumiljaw lill-individwu kontra kull raġuni! Liġijiet li jfakkruk fl-istorja tal-Konti ta’ Monte Cristo.
PEPPI
Kieku nista’ naqta’ fil-qasir kont inwieġeb IVA. Mhux ovvja li l-priġunieri għandhom ikollhom id-dritt li jivvutaw?
Nibda biex nistqarr li ma naqbel xejn mal-kunċett ta’ ħabs li għadna f’ħafna pajjiżi fid-dinja, inkluż f’Malta. Għaliex persuna tmur il-ħabs? Bħala kastig jew biex ikun jista’ jkompli jgħix mas-soċjetà? Jista’ jkun bħala kastig li suppost iwassal għal biex persuna tirrijabilitha ruħha.
Idħaq!
Ejjew nidħku flimkien. Il-kunċett ta’ kastig ma jaħdimx. Iġib biss rabja u mibegħda. Hu inġust għax il-persuna li twettaq id-delitt hi prodott ta’ dak li jifforma minn ġewwa hekk kif twieldet u ta’ dak li fih trabbiet. Allura kif se tikkastiga? Lil min se tikkastiga?
Il-ħabs għandu jinbidel fi sptar. Sptar li jittratta lin-nies ta’ nies. Il-priġunieri jkunu pazjenti soċjali li jidħlu hemm biex ifiqu ħalli jkunu jistgħu jerġgħu lura fis-soċjetà. Fi sptar issib min jifhmek u jagħdrek mhux min isakkrek u jikkundannak kuljum. Fi sptar issib mediċina addattata għalik u mhux drogi li tieħu bil-moħbi għax qiegħed hemm biex titgħallem tobgħod iktar lilek innifsek. Mill-isptar toħroġ meta tfieq u mhux toħroġ meta jgħaddi l-kastig. Fi sptar ma tmurx għal għomrok iżda sakemm tfieq.
Għal għomrok jiġifieri toħroġ mill-ħabs mejjet. Nistgħu nkunu krudili iżjed minn hekk? Meta nibagħtu lin-nies għal għomorhom u ngħidu li l-ħabs hu post korrettiv inkunu qed inwerżqu ereżija li jgħidha biss il-politku li ma jafx jistħi. Għax kif jista’ jkun ngħidu li tidħol hemm biex issir aħjar u tammetti li persuna ssir aħjar biss meta tkun katavru? Għomor il-ħabs imur kontra d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u jfisser biss piena tal-mewt kuljum sakemm in-natura tagħmel xogħol il-bojja. Meta nibagħtu lil xi ħadd għomru l-ħabs inkunu qed ngħidu, ‘Dan il-ħabs ma jikkoreġikx. Int m’għadekx iktar bniedem u qatt ma tista’ tkun. Importanti li tgħix ħajtek tobgħod aktar lilek innifsek u timpika mal-kumplament li jobogħduk.
‘U biex nuruk kemm mintix bniedem, jekk weħilt il-ħabs neħdulek anke d-dritt li tivvota. Jiġifieri li int lanqas iċ-ċans li tagħżel politka aħjar imqar fejn jidħlu d-drittijiet tal-priġunieri.’
Ħafna żgur iwieġbu dan l-artiklu billi jfakkruni fil-vittmi ta’ dawn il-persuni li wettqu l-kriminalità. Bir-raġun. Familji li jbatu għax xi ħadd spara fuq binhom u tilfuh għal dejjem. Iżda il-vittmi x’se jieħdu għax il-ħati jeħel għomru l-ħabs? Żgur jieħdu ħafna iktar jekk ikun hemm rikonċiljazzjoni bejn il-ħati u l-vittmi. Il-ħati żgur jifhem aktar minn xiex jgħaddu l-vittmi tiegħu. Żgur jifhem aktar jekk ikun fi sptar fejn ifieq u mhux jimtela b’rabja biex joħloq iżjed vittmi.
Bilħaqq għax kont se ninsa, dawn il-persuni magħluqa fil-ħabs għandhom lil ommhom u lil missierhom, lil marthom jew lil żewġhom u uliedhom. Iżda le, ma nħallulhomx id-dritt li jivvutaw biex jagħżlu għall-familji tagħhom. Xi jkun ġralhom dawn in-nies biex ma jistgħux jivvutaw? Ma nistax insib raġuni waħda valida li tagħmel sens biex il-ħabsin ma jivvutawx ħlief il-vendetta u l-umiljazzjoni.
Min huma il-ħabsin? Prodott tagħna il-ġenituri, l-għalliema, il-politiċi, l-istituzzjonijiet, il-knisja. Huma kopja tagħna hawn barra. Huma n-nies li ħafna drabi ma kellhomx self-esteem u bil-ħabs u billi ma jivvutawx, inkomplu nkissruhulhom.
X’inhu l-ħabs, jekk mhux post fejn aħna biex inserrħu l-kuxjenza nibagħtu lil dawk li ħloqna aħna biex ma nibqgħux narawhom ma’ saqajna jfakkruna li huma bħalna?
Il-ħabsin m’għandhomx vot. Iżda aħna għandna. U aħna għandna dmir li nivvutaw f’isimhom lil dawk il-politiċi li lesti jirriskjaw biex il-ħabsin ikunu trattati ta’ persuni morda soċjalment għatxana għal fejqan.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt