04 ta' Marzu 2007
F’sitwazzjoni diffiċli ma’ tad-distrett
Kurt Sansone
Il-Gvern din il-ġimgħa reġa’ sfida lill-Kummissjoni Ewropea u fetaħ l-istaġun tal-kaċċa u l-insib fir-rebbiegħa anki jekk il-Federazzjoni tal-Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti mhix kuntenta bid-deċiżjoni li ħabbar il-Ministru ta’ l-Ambjent George Pullicino.
Id-deċiżjoni ta’Pullicino tpoġġih f’sitwazzjoni diffiċli mal-kostitwenti tiegħu fl-10 Distrett li l-biċċa kbira minnhom ma jaqblux mal-kaċċa tant li fil-konferenza stampa li ta nhar it-Tnejn li għadda l-Ministru ħass il-bżonn li jippreċiża li hu personalment ma jaqbilx mal-kaċċa.
F’Ġunju li għadda l-KE fetħet proċeduri ta’ ksur kontra Malta u kitbet lill-Gvern Malti biex itiha spjegazzjoni għalfejn infetaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fl-2005 u l-2006. Iżda minkejja din it-tbeżbiża li tista’ twassal biex pajjiżna jidher fil-Qorti Ewropea u jispiċċa jħallas multi kbar, il-Gvern Malti xorta baqa’ għaddej u reġa’ fetaħ l-istaġun tar-rebbiegħa għal din is-sena wkoll.
Fl-2004 il-KE kienet ċaħdet it-talba tal-Gvern biex jimplimenta d-deroga li tippermetti li ssir kaċċa limitata fir-rebbiegħa għax il-każ ma kienx ġustifikat.
Id-deċiżjoni li ħa George Pullicino hi sikkina taqta’ miż-żewġ naħat għall-Ministru. Fuq naħa kellu pressjoni interna mill-kollegi fuq il-Kabinett biex jiftaħ l-istaġun tar-rebbiegħa speċjalment lejlet elezzjoni ġenerali iżda fl-istess ħin naffar lill-kostitwenti tiegħu fuq id-distrett ta’ Tas-Sliema li huma aktar sensittivi għal kwistjonijiet ambjentali u ma jifilħux għall-arroganza tal-kaċċaturi.
Iżda l-għatx għal iktar għadu hemm u jidher li wara t-talbiet li saru mill-FKNK biex il-Gvern jiftaħ ukoll l-istaġun tal-kaċċa fuq il-baħar u l-insib għall-għasafar ta’ l-għana, hemm pressjoni minn xi ministri u deputati Nazzjonalisti biex Pullicino jerħi aktar idejh.
Sadanittant l-FKNK din il-ġimgħa fetħet tliet kawżi ta’ libel kontra l-editur ta’ din il-gazzetta, l-editur tal-MaltaToday u s-Segretarju Edukattiv ta’ l-MLP Wenzu Mintoff fuq xi kitbiet dwar il-kaċċa.
L-editur ta’ Illum sostna li l-gazzetta fil-qorti se turi kif kellha raġun f’dak li kitbet f’Jannar li għadda dwar laqgħa li saret fi Brussels u li fiha kienu preżenti wkoll rappreżentanti tal-kaċċaturi.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt